Attakk fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna

Attakk fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna

Fid-dawl tal-qtil ta´ Daphne Caruana Galizia, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jagħmel dibattitu ieħor dwar Malta u riżoluzzjoni, kif ukoll li jibgħat delegazzjoni f´Malta biex jinvestigaw ir-rule of law, u l-passi li l-pajjiż qed jieħu kontra l-korruzzjoni u l-ħasil ta´ flus.

 

Nerġa nirrepeti u nsostni li dak li ġara m´għandu jiġri qatt. U l-prijorita´ numru wieħed trid tkun li jinstab min ordna jew wettaq dan il-qtil u għalfejn.

 

Nilqa’ d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jitlob għajnuna tal-esperti forensiċi u investigaturi barranin fl-investigazzjoni li għaddejja. Nemmen li dan il-fatt igiddeb ghal kollox lil min qed jipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern Malti ma jridx jinvestiga dan il-każ.

 

Bħalma nilqa´ lil grupp ta´ MEPs li eventwalment se jkunu parti mill-fact-finding mission li għandha żżur pajjizna, għax wara kollox aħna m´għandna xejn x´naħbu.

 

Ma nieħux pjaċir nara lil min jitfa’ dell ikrah fuq pajjiżi u parti mill-ħidma tiegħi hija li nissielet għall-verità´ u niddefendi isem pajjiżi b’kull mod.

 

Ir-realta´ hi li ħaddieħor ħataf l-opportunita´ u qed jipprova jagħmel kemm jista´ jkun ħsara lil pajjiżna għal vantaġġ politiku partiġġjan tiegħu.

 

Filwaqt li ħaddieħor jogħrok idejh jistenna b´ħerqa l-mument biex iħammeġ isem Malta u jkisser ir-reputazzjoni ta´ pajjiżna, aħna se nkomplu nissieltu biex naraw li ssir ġustizzja.

 

Dak li jistħoqilha Malta demokratika.

 

Ħdimna wisq biex inhallu ir-riżultati li ksibna matul is-snin jibdew jittieklu. U le din mhix “l-iskuża ta-soltu”. Quddiem ċertu ħsibijiet partiġjani, hija l-ekonomija ta’ pajjizna li tbati. Jekk hemm min qed jara sa mnieħru, hija l-ekonomija li qed jattakka, id-dħul ta’ kull wieħed u waħda minnha. Huwa l-pajjiż kollu kemm hu li se jbagħti, u mhux xi partit politiku jew ieħor.

 

Li niddefendu lil Malta jfisser ukoll li nħarsu ‘l gewwa, nagħmlu self-assessment u nindirizzaw dak li hemm bżonn jiġi ndirizzat, illum qabel ghada.

 

Quddiem attitudni partiġġjana, għandna ngħollu rasna ´l fuq u nkomplu nsusu wara l-prinċipji li nemmnu fihom u naċċertaw ruħna li nagħmlu l-aħjar għal pajjiżna.

 

—————–

 

 

 

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com