Bilanċ aħjar għall-futur tagħna  

Bilanċ aħjar għall-futur tagħna  

Ħafna nies jistgħu faċilment jgħidu li llum qed jgħixu aħjar minn qabel. Id-dħul għall-familja tagħhom żdied u jekk qabel kienu jaħsbuha darbtejn biex jagħmlu xi kapriċċ zgħir, illum iħossuhom aktar komdi li jistgħu jagħmlu kapriċċ ‘l hemm u ‘l hawn. L-istess nies iżda jgħidulek li r-ritmu tal-ħajja sar mgħaġġel wisq u ħafna drabi l-ġurnata u l-ġimgha ttir bil-konsegwenza li lanqas biss ikollhom ħin bizejjed biex jgħaddu mat-tfal u mal-familja.

 

Għal dawk il-persuni li jaħdmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa huwa tmiem il-ġimgħa li fih jistgħu jgawdu ftit aktar lil xulxin. Għal min jaħdem bix-shift jew anke’ fi tmiem il-ġimgħa ir-realta’ hija waħda differenti.

 

Meta niltaqa’ man-nies u mmur fid-djar tagħom niltaqa’ wkoll ma’ koppji, partikolarment żgħażagħ li għadhom iridu jistabilixxu l-futur tagħhom jew bdew familja ġdida li jew jaħdmu overtime jew inkella jsibu part-time biex jaqilgħu xi ħaġa żejda għax ikunu qed jaħsbu għal post ġdid jew jagħmlu xi xogħol fuq il-propjeta privata tagħhom li jkunu xtraw.

 

Ħafna miż-żgħażagħ li ltqajt magħhom jitkellmu dwar il-prezz tal-propjeta meta jiġu biex jixtru post tagħhom bħala wieħed mill-aktar issues li jħassbuhom. Oħrajn iridu jaċċertaw ruħhom li meta jidħlu f’loan ma jidħlux fi spiża li ma jistgħux ilaħħqu magħha.

 

L-aktar punt li jolqotni fid-diskussjonijiet li jkolli huwa kif in-nies inġenerali u b’mod partikolari ż-żgħażagħ iridu jaċċertaw ruħhom li jinvestu fil-futur tagħhom stess. Fl-istess ħin iżda ma jixtiequx li jispiċċaw jgħixu biss għax-xogħol għax bħal kulħadd iridu jgawdu aktar il-ħajja u l-familja.

 

Huwa dan il-bilanċ li jien nemmen li aħna bħala politiċi rridu naċċertaw li jintlaħaq. Anke’ għaliex jekk ma nilħqux dan il-bilanċ il-konsegwenzi jistgħu jwasslu wkoll għal problema ta’ saħħa bħal issues ta’ saħħa mentali bħal stress jew dipressjoni jew inkella mard fiżiku kkawżat mill-istress stess. Nemmen li din hija responsabblità tal-pajjiż kollu kemm hu għax jekk iċ-ċittadini ma jkunux b’saħħithom il-prezz iħallsu kulħadd.

 

Għalhekk neħtiegu policies li jindirizzaw bis-serjetà din il-problema biex verament ikollna bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja. Eżempju ċar huwa l-leave tal-paternità. Jien nemmen li r-rwol tal-missier huwa importanti wkoll fit-trobbija tat-tfal. Nemmen ukoll li r-realtajiet ta’ koppji u familji huma differenti waħda mill-oħra. Għandek familji fejn l-omm tkun teħtieġ tieħu l-leave kollu hi u familji fejn forsi jkun jeħtieġ li l-leave jinqasam bejn iż-żewġ ġenituri. Għalhekk li nħoss li għandna nibdew niddiskutu bis-serjetà u b’mod konkret il-leave tal-paternità u ankà l-leave tal-ġenituri għat-tnejn li huma meta jkun hemm wild ġdid.

 

Qed ngħid dan fi żmien meta għandna aktar nisa qed joħorgu jaħdmu u qed jgħidu bl-aktar mod ċar li jridu jibqgħu jaħdmu wara li jkollhom it-tfal u jimxu l-quddiem fil-karriera tagħhom. Bħalissa, pereżempju l-Kummissjoni Ewropeja qed tipproponi direttiva fuq il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol għall-ġenituri u carers bil-ħsieb li aktar nisa joħorġu jaħdmu.

 

F’Malta rajna differenza tanġibbli f’dan ir-rigward billi tajna s-servizz taċ-childcare b’xejn. Ir-realtà hi li żdiedet ir-rata ta’ nisa li qed jaħdmu imma l-fatt jibqa’ li għad għanda waħda mill-ogħla livelli ta’ distakk fl-impjiegi bejn in-nisa u l-irġiel meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja. L-istess ukoll jgħodd għad-differenza fil-pagi bejn dak li jaqilgħu ħaddiema nisa u dak li jaqilgħu ħaddiema rġiel. Il-famuża gender pay gap teżisti,  xi ħaġa li jien nemmen li bħala gvern għandna nindirizzaw illum qabel għada.

 

Ninsisti dwar dan il-punt għaliex nemmen fil-ħtieġa li n-nisa jkollhom indipendenza finanzjarja bħall-irġiel. Xbajt niltaqa’ ma’ nisa li jkunu fl-età tal-ħamsin, li qatt ma ħadmu f’ħajjithom u minħabba xi problema jew oħra ż-żwieġ tagħhom spicca u t-tfal tagħhom kibru. Dawn in-nisa qed jispiċċaw bi ftit li xejn flus u mingħajr prospetti ta’ xi impjieg. Sitwazzjoni li toħloq problema akbar għax ifisser li għandna aktar nisa li jistgħu jispiċċaw f’riskju ta’ faqar minħabba r-realtà li jkunu qed iħabbtu wiċċhom magħha.

 

B’dan kollu forsi jkun hemm min jistaqsi imma x’se jigwadanja min iħaddem. Nemmen li ħaddiem kuntent jipproduċi xogħol aħjar, f’anqas ħin u dan iwassal biex isaħħah il-kompetittività tal-kumpanija li jkunu qed jaħdmu magħha. Irridu nimbuttaw aktar il-quddiem il-kunċett ta’ xogħol effiċjenti.

 

Jiena konvinta li dan huwa l-mument li naċċertaw ruħna li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja jintlaħaq għaliex illum bl-avvanzi li għamilna u bl-iżvilupp fit-teknoloġija nistghu nutilizzaw bl-aħjar mod miżuri bħal flexi-hours u t-teleworking. Fejn hemm xogħlijiet li jippermettu li l-ħaddiem jagħmel l-istess xogħol minn post differenti, nkunu qed noffru l-opportunità lill-ħaddiema tagħna biex ilaħħqu max-xogħol fl-istess ħin li jkunu jistgħu igawdu aktar il-familja tagħhom.

 

Fl-istess ħin nifhem lil min jinsisti li bl-avvanzi fit-teknoloġija jista’ jinħoloq aktar stress għax jekk qabel persuna kien jitfi l-kompjuter u jmur id-dar, illum, pereżempju bl-emails fuq il-mobile, in-nies qegħdin litteralment jieħdu x-xogħol magħhom d-dar. Pero’ b’rieda tajba mill-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, min iħaddem u r-rappreżentanti tagħhom, il-Gvern u stakeholders oħra nemmen li nistgħu nilħqu l-bilanċ li tant huwa meħtieġ.

 

Waqt li pajjizna qed jirkeb fuq is-suċċess ekonomiku bla preċedent li għandu, dan huwa ż-żmien biex inkomplu nimbuttaw il-quddiem miżuri soċjali li jagħtu l-appoġġ lill-familji tagħna. Dan huwa l-mument fejn nistgħu niżviluppaw dawk l-elementi meħtiega li mhux biss jistgħu jagħtu lill-ħaddiema tagħna kwalità ta’ xogħol aħjar imma jistgħu jassiguraw ukoll il-kompetittività ta’ min iħaddem b’tali mod li jkunu jistgħu jassiguraw ukoll pagi aħjar.

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com