Għal kwalità ta’ ħajja aħjar  

Għal kwalità ta’ ħajja aħjar  

Riċentament, erġajna rajna Gvern umli li waqaf jisma’ t-talbiet taċ-ċittadini u fehem il-bżonn li tinstab soluzzjoni alternattiva. Qed nirreferi għad-deċizjoni riċenti tal-Gvern li ma jħallix żvilupp fiż-żona magħrufa bħala Wied iż-Żrinġ f’Bulebel, u li l-Gvern se jara li lanqas ma tintuża madwar 25% oħra mill-art li kienet ukoll identifikata għal zvilupp, liema deċiżjoni intlaqgħet tajjeb ukoll mill-għaqda mhux governattiva  Wirt iż-Żejtun.

 

Taqbel jew ma taqbilx mal-Gvern fuq deċiżjonijiet li jittieħdu, għal darb’ohra għandna konferma li dan huwa Gvern li jikkonsulta u li lest ibiddel pożizzjonijiet li jkunu ittieħdu biex id-deċizjoni finali tkun waħda bbilanċjata u fl-interess taċ-ċittadin.

 

Rajna l-istess attitudni ta’ konsultazzjoni u Gvern li ma jiddejjaqx jirranġa u jtejjeb fil-każ tal-art taż-Żonqor u l-Università Amerikana ta’ Malta (AUM); l-istess għamel fil-każ tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Din hi attitudni ta’ Gvern umli u li verament jinteressah minn dan il-pajjiż u miċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

 

Dawn kienu ħames snin ta’ pajjiż ikkaratterizzati minn tibdil f’oqsma oħra bħalma huma l-ekonomija, il-governanza tajba u l-qasam soċjali. Malta nbiddlet minn pajjiż b’defiċit għal wieħed b’surplus b’ekonomija li ssarfet fl-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u investiment barrani bla preċedent.

 

Deċiżjonijiet kollha mmirati sabiex inkomplu noħolqu soċjetà ġusta billi anke tajna importanza l-aktar faxxex vulnerabbli fis-soċjetà; l-anzjani, persuni b’diżabilità, u nies f’riskju ta’ faqar. Rajna kif din il-ġimgħa infetħet ukoll dar oħra fil-komunità għall-persuni b’diżabilità, u b’hekk din kienet l-għaxar dar f’ħames snin. L-anzjani qed igawdu minn żieda fil-pensjoni, żieda li se tibqa’ ssir fis-snin li ġejjien. Din, u aktar miżuri kkontribwixxew biex, kif kien anke kkonfermat mill-Country Specific Report ta’ din is-sena, f’ħames snin naqas il-faqar li żdied taħt Gvern Nazzjonalista bejn l-2008-2013.

 

L-akbar riforma fil-qasam tal-enerġija, kienet il-qalba għall-powerstation illi taħdem bil-gass minn powerstation li kienet taħdem bil-heavy fuel oil, l-aktar żejt illi jniġġes. Dan il-proġett serva biex nibdew ingawdu minn arja aktar nadifa filwaqt li l-Gvern Laburista seta’ jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li Partit Nazzjonalista kien għolla bil-qalb. Dan ir-roħs qed iħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies sabiex ilaħħqu aħjar mal-ħajja kif ukoll huwa mezz strateġiku għall-kumpaniji sabiex jinvestu aktar u jkunu aktar kompettitivi.

 

Fil-qasam tal-governanza saru passi kbar iżda li ftit nirrikonoxxuhom. Il-liġi tal-protezzjoni tal-whistleblower, it-tnehhiha tal-preskrizzjoni fuq kazi ta’ korruzzjoni mill-politici, il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, l-iskrutinju pubbliku għall-ħatriet pubbliċi u mod ġdid kif jinħatru l-ġudikanti.

 

 

Għamilna passi storiċi biex is-soċjetà tagħna tkun waħda verament inklussiva: minn unjoni ċivili sa żwieġ ċivili; neħħejna ċ-ċensura minn fuq l-artisti u l-libelli kriminali għall-ġurnalisti. Mijiet ta’ persuni saru ġenituri bl-IVF u tajna d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena.

 

Minkejja li kien hemm min prova jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta anke fuq midja internazzjonali, in-nies li niltaqgħa magħhom kollha jirrikonoxxu l-fatt li l-ħidma ta’ dan il-Gvern għamlet differenza pożittiva u tanġiblli fil-ħajja tagħhom.

 

Ma jfissirx li wasalna. Dan li għamilna s’issa huwa biss il-bidu ta’ fejn il-pajjiż irid imur. F’dawn is-snin rajna l-ekonomija tal-pajjiż tikber u timxi ‘l quddiem. Rajna lill-poplu jimxi ‘l quddiem fl-istatus soċjali tiegħu u bdejna naraw il-ġid li kien qed jiġi ġġenerat imur għand il-poplu.

 

Iżda issa rridu nkunu ffukati fit-triq fejn kull Malti u Għawdxi u kull Maltija u Għawdxija verament ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

 

Bi kwalità ta’ ħajja aħjar mhix qed nirreferi biss aktar flus fil-but imma li nindirizzaw b’mod sostennibli l-infrastruttura għall-popolazzjoni li qiedgħa kulma tmur tikber; irridu nagħtu lill-familja tagħna l-ispazju biex igawdu ħafna aktar ħin ta’ kwalità flimkien, anke fi spazji miftuħa. Il-ħajja mgħaġġla tal-llum qed iġġib magħha pressjonijiet kbar fuq il-familja mingħajr ma jingħata l-bilanċ bejn il-ħajja personali u dik professjonali.

 

Li jkollna aktar spazji miftuħa mhux biss mezz ta’ kif nindirizzaw il-konġestjoni tal-bini imma wkoll huwa ħolqien ta’ spazju li fih iċ-ċittadini ta’ pajjiżna jkollhom fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom fil-miftuħ. Bl-ispazji miftuħa nkunu wkoll qed naħdmu biex innaqqsu l-konġestjoni tal-arja. B’mod estetiku, naħseb li wasal iż-żmien li jkollna linji gwida aktar ċari tal-estetika tal-bini u kif nibnu.

 

Wara li mhux biss inċentivajna l-privat u l-konsumaturi biex ikunu huma l-mutur wara tkabbir ekonomiku li reġa’ beda taħt Gvern Laburista wara snin ta’ staġnar, issa wasal iż-żmien li nkomplu ninvestu f’niċeċ ġodda, bħalma huma s-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li naħtfu opportunitajiet ġodda fejn tidħol it-teknoloġija.

 

Huwa b’hekk li noħolqu pjan long-term u sostennibli li minnu jistgħu jgawdu t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Irridu noffru l-għodda sabiex ikollna soċjetà b’abbiltajiet diversi li jikkumplimentaw l-iżvillupp ekonomiku f’diversi niċeċ differenti.

 

Dan il-pajjiż għamel passi kbar fil-ħames snin li għaddew. Pero dawn kienu biss il-bidu għal dak li rridu nagħmlu bħalha pajjiż biex nagħtu liċ-ċittadini tagħna ħajja aħjar.

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com