Għażla ċara f’kampanja surreali

Għażla ċara f’kampanja surreali

Xi ħadd qalli li din hi kampanja elettorali surreali u għandu raġun. Ma niftakarx li qatt rajt kampanja elettorali daqshekk maħmuġa,  b’manuvri u allegazzjonjiet li mhux dejjem ikunu bbażati fuq il-verità. Ir-realtà turi li n-nies huma mxebba’ b’dan l-atteġjament, u dan jgħiduhuli n-nies fid-diversi lokalitajiet fejn qed niltaqa’ magħhom.

Nifhem li d-deni tal-elezzjoni jitla’ imma ma nifhimx meta d-diċenza lanqas biss tibqa tiġi kkunsidrata. Meta l-gideb, il-kalunja u l-attakki jieħdu post id-dibattitu kostruttiv.kh end may article

F’din l-elezzjoni rajna affarijiet li l-politiċi dejjem żammew lura milli jagħmlu, bl-għarfien li filwaqt li għandek partiti opposti f’kampanja elettorali, għandek ukol l-interess nazzjonali li m’għandu qatt jiġi mittiefes.

U allura rajna Kap tal-Oppożizzjoni jattakka u jimmina l-istituzzjonijiet l-aktar importanti li fuqhom hi bbażata d-demokrazija tagħna, fosthom il-Qrati u l-Pulizija. Simon Busuttil ma ddejjaqx jattakka nies bħal membri tal-ġudikatura, l-avukat ġenerali, u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Rajna Kap tal-Oppożizzjoni li jhedded li jibgħat il-Prim Ministru l-ħabs jekk jinbidel il-gvern fuq allegazzjonijiet li hu għamel mingħajr ma pprovda prova waħda. U sa din il-ġimgħa stess, ipprova jtawwal l-inkjesta tal-maġistrat b’manuvri patetiċi bl-għan li l-eżitu tal-inkjesta ma toħroġx qabel it-3 ta’ Ġunju.

Rajna l-Partit Nazzjonalista li wara tliet ġimgħat ta’ kampanja elettorali, b’mod mill-aktar inkredibbli kien għadu ma ħariġx il-manifest elettorali tiegħu li fuqu n-nies iridu jiddeċiedu lil min iridu fil-gvern.

Din it-tip ta’ politika qegħda biss iżżid id-doża ta’ mibgħeda fost poplu żgħir li l-akbar riżorsa li qatt kellu hija niesu stess. Hija l-unika għodda biex tnessi l-progress enormi li għamilna f’dawn l-erbgħa snin.

Tip ta’ politika distruttiva li qed tagħmel ħafna ħsara. Ħsara li qed tkun imbuttata b’mod partikolari minn ċertu politiċi, mhux se titħassar malajr wara li tgħaddi elezzjoni. Hija ħsara li se nibqgħu nbatu l-konsegwenzi tagħha għal tul ta’ żmien.

Sfortunatament illum il-ġurnata għandna biss nies li jridu jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-pajjiż akkost ta’ kollox, u li dawn l-affarijiet lanqas biss qed jirrealizzawhom. Min iħares il-futur ta’ pajjiżna, il-futur ta’ uliedna, ma jaġixxix b’dan il-mod irresponsabbli għax jifhem li din il-ħsara li qed issir issa se jkollna naffaċċjawha għada pitgħada.

Dan kollu jorbot mal-għażla li għandna quddiemna, bejn il-moviment mmexxi mill-Partit Laburista li ġab l-akbar tkabbir ekonomiku u benefiċċji għal ħaddiema tagħna, jew il-koalizzjoni ta’ konfużjoni li ġġib l-instabilità. Hija għażla bejn li jkollok lil Joseph Muscat Prim Ministru, jew lil Simon Busuttil. Hija għażla bejn min żamm kelmtu miegħek f’dawn l-aħħar erbgħa snin, u min għażel li f’kull okkażjoni li jkollu jaħdem kontra l-interess nazzjonali u jxewwex kontra Malta mal-barranin.

Nemmen li n-nies huma intelliġenti biżżejjed, u jafu li f’din il-leġislatura il-Gvern Laburista ma kienx perfett, iżda li bil-politika tiegħu ġabet iktar flus fil-but u inqas piżijiet.

F’dan il-kuntest, tista’ timmaġina persuna b’atteġġjament bħal ta’ Simon Busuttil jidħol Kastilja bħala Prim Ministru fl-4 ta’ Ġunju? Din hija d-decizjoni li jrid jiehu l-poplu meta jeżerċita d-dritt li tivvota fit-3 ta’ Ġunju.

J’Alla bħal lum ġimgħa ikollna riżultat li jippremja t-tajjeb li sar, u li jxejjen darba għal dejjem din il-politika surreali u distruttiva li ġab miegħu il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil, biex verament ikollna l-aqwa żmien ta’ pajjiżna. Dan kollu jibda bl-ewwel pass: li s-Sibt 3 ta’ Ġunju tmur tivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com