Iċ-ċittadini Ewropej fil-qalba tad-deċizjonijiet

Iċ-ċittadini Ewropej fil-qalba tad-deċizjonijiet

Nistqarr li l-ewwel darba li dħalt fil-Parlament Ewropew wara li kont ġejt eletta f’Mejju 2014, ħassejt sens ta’ responsabilità kbira biex nara kif nista’ nirrappreżenta lil ħuti Maltin u Għawdxin bl-aħjar mod f’din l-istituzzjoni Ewropea li tirrappreżenta direttament liċ-ċittadini.

Sentejn u nofs wara, waqt li kont dieħla għas-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar ta’ din is-sena ħassejtni kburija, li konna qed nilqgħu lill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat bħala l-persuna responsabbli mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għas-sitt xhur ta’ wara.

Flimkien mal-Prim Ministru konna qed niddiskutu l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija għal dan il-perjodu, li kienu jinkludu l-immigrazzjoni, is-suq intern, is-sigurtà, l-inklużjoni soċjali, l-affarijiet marittimi u l-politika Ewropea tal-viċinat. Il-maġġoranza assoluta tal-MEPs minn kull kamp politiku kellhom kliem ta’ tifħir u ta’ kuraġġ għad-direzzjoni ambizzjuża offruta mill-Presidenza Maltija.

Iżda dakinhar, fil-ftuħ tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, MEP ieħor Malti tal-Partit Nazzjonalista nfexx f’attakk bla preċedent fuq l-integrità tal-Prim Ministru u l-politika ta’ pajjiżna. Ma stajtx nemmen lil widnejja meta smajt id-diskors estrem ta’ David Casa. Tistgħu taħsbu x’ironija li ħames xhur wara dan l-avveniment, Simon Busuttil u sħabu għażlu l-għajta ‘Jien Nagħżel Malta’ għal din il-kampanja elettorali, meta f’kull ċans li kellhom fil-fora Ewropej għamlu kollox biex iħammġu isem Malta.

Bħala MEP li tlajt fuq l-islogan ‘Prijorità Malta’, ma stajt qatt nifhem kif persuna, irrispettivament minn liema kamp politiku ġej, tista’ qatt tipprova tħammeġ lil Malta waqt l-aktar mument importanti ta’ pajjiżna minn mindu isseħibna fl-Unjoni Ewropea. Forsi jkun hemm min jistaqsi jekk stennejtx aħjar. Onestament ngħid iva għax kont nippretendi li l-interess nazzjonali għandu jiġi qabel kull interess partiġġjan ieħor.

Minkejja dan it-tfixkil kollu, nemmen li l-Presidenza Maltija li issa riesqa fi tmiemha, kienet waħda mill-iktar Presidenzi ta’ suċċess fl-aħħar snin. Mir-rispons li kelli minn kollegi tiegħi fil-Parlament Ewropew, ħafna qed iqisu l-Presidenza Maltija bħala suċċess primarjament minħabba żewġ aspetti. L-ewwel nett għax irnexxielha tikkonkludi negozjati fuq temi li tassew jagħmlu differenza fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, u t-tieni għaliex offriet tmexxija viżjonarja li tant kienet teħtieġ l-Unjoni Ewropea f’dan iż-żmien ta’ sfidi.

 Riżultati konkreti

Fost l-aktar u l-ewwel riżultati li l-Presidenza Maltija rnexxiela tikseb hemm il-ftehim fuq it-tariffi tar-roaming fl-Unjoni Ewropea. Kulħadd jaf kif meta wieħed isiefer tkun uġigħ ta’ ras biex tikkontrolla l-użu tat-telefonija ċellulari, fosthom telefonati, messaġġi u użu tal-internet, biex tevità milli jkollok kont għoli meta tirritorna lura mis-safar.

Kien hemm bosta sfidi biex jintlaħaq ftehim. Biżżejjed wieħed isemmi li din il-proposta tmur lura għall-2006 meta Joseph Muscat, dak iż-żmien bħala wieħed mill-MEPs Laburisti, kien inħatar rapporteur dwar din il-proposta.

Illum ħdax-il sena wara bil-ftehim li rnexxielha tagħlaq il-Presidenza Maltija, il-konsumaturi jistgħu jgawdu minn roħs sinifikanti u b’hekk, neħħejna barriera oħra li tkompli tgħaqqad lil Malta mal-bqija tal-Ewropa.

Fl-istess ħin il-Presidenza Maltija qed taħdem fuq it-tneħħija ta’ Geoblocking mhux ġustifikat, li fi kliem ieħor ifisser l-imblukkar ta’ ċerti servizzi online abbażi tar-reġjun.

Dawn ir-restrizzjonijiet ivarjaw fuq diversi livelli. Minbarra t-twaqqif ta’ kummerċ, hemm ukoll aspetti bħal ibblukjar ta’ aċċess għal siti barranin, in-nuqqas ta’ faċilità ta’ shipping lejn diversi pajjiżi, u l-aspett ta’ kundizzjonijiet u prezzijiet differenti għal konsumaturi ta’ nazzjonalità differenti.

Bla dubju, dawn kollha kienu elementi ta’ diskriminazzjoni bejn ċittadini tal-istess Unjoni Ewropea li saħansitra jmorru kontra l-kunċett tas-Suq Uniku. Dwar dan l-aspett semmajt leħni diversi drabi fil-Parlament Ewropew, anke wara li kkonsultajt ma’ stakeholders lokali fosthom il-Malta Business Bureau. Għax fl-aħħar mill-aħħar, hu pass naturali li dak li ggwadajna permezz tas-Suq Uniku matul is-snin, ikun rifless ukoll fid-dinja diġitali.

B’dawn ir-riżultati li rnexxielha tikseb il-Presidenza Maltija, bagħtet messaġġ b’saħħtu li l-Unjoni Ewropea tassew qiegħda hemm biex tagħmel differenza konkreta fil-ħajja taċ-ċittadini tagħha. Issa mhux biss bil-kliem, iżda wkoll bir-riżultati.

Suppliment Torca 17.05.2017-page-001

Iċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-Presidenza

Kemm-il darba smajna argumenti dwar kemm l-Unjoni Ewropea hija ’l bogħod miċ-ċittadini Ewropej, u l-perċezzjoni li l-Unjoni Ewropea hija istituzzjoni burokratika. Dan l-aspett il-Presidenza Maltija fehmitu u indirizzatu.

Permezz tat-tema REUNION, il-Presidenza għarfet il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea terġa tiġi qrib iċ-ċittadin tagħha. L-Ewropa ma tistax tagħlaq għajnejha għal dak li ġara fl-aħħar xhur, bħad-deċiżjoni tal-poplu Ingliż li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u ż-żieda fil-popolarità tal-ewroxettiċiżmu f’ħafna Stati Membri. Jekk xejn, dawn l-iżviluppi komplew juru l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tinbidel qabel ikun tard wisq.

U dan seta’ jsir billi l-Unjoni Ewropea taħdem biex issir rilevanti għan nies tagħha. Fid-dawl ta’ dan, il-Presidenza Maltija kienet strumentali għax qajmet mistoqsijiet li għal ħafna żmien l-Unjoni Ewropea kienet qed taħrab jew ma tweġibx, fosthom xi tfisser verament l-UE għaċ-ċittadini tagħha? Kemm tassew qed tkun effettiva biex tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies?

Propju fl-aħħar jiem, permezz ta’ konferenza li organizzajt bit-tema ‘Ir-rwol tal-Presidenza Maltija u l-futur tal-Unjoni Ewropea,’ tkellimt dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tibda terġa titkellem l-istess lingwa li jitkellmu ċ-ċittadini tagħha. Li tkun proattiva u taġixxi fuq dak li qed iħasseb liċ-ċittadini Ewropej.

Wara kollox, in-nies iridu Unjoni Ewropea li timbotta aktar l-aġenda soċjali, li taħdem favur riformi soċjali li minnhom igawdu l-ħaddiema, iż-żgħażagħ, l-anzjani u t-tfal. Il-bżonn li naċċertaw futur ta’ paċi u ta’ prosperità, iżda wkoll ta’ sostenibilità, ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar u ambjent b’saħħtu.

Ewropa li tpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tagħha u toffrilhom l-ispazju biex jimxu ’l quddiem u jipparteċipaw. Ewropa li toffri serħan il-moħħ liċ-ċittadini u li tkun pro-attiva u mhux reattiva biss għat-tħassib taċ-ċittadini, anke fuq temi delikati bħall-immigrazzjoni irregolari u s-sigurtà.

Huwa f’dan il-kuntest li naqbel mal-Prim Ministru meta qal li l-Prijoritajiet tal-Presidenza Maltija kienu l-istess prijoritajiet tan-nies. Nemmen li din se tkun l-aktar ħaġa li se tiddistingwi l-Presidenza Maltija wara li din tispiċċa. Għax jekk qatt kien hemm żmien meta l-Unjoni Ewropea kellha bżonn tmexxija viżjonarja, huwa propju issa, u dan huwa dak li qed tipprovdi l-Presidenza Maltija f’dawn is-sitt xhur.

Għaldaqstant nawgura li t-tibdil li ġabet magħha l-Presidenza Maltija biex l-Unjoni Ewropea taħdem għal aktar riżultati għaċ-ċittadini tagħha, tissokta anke wara t-tmiem tal-Presidenza Maltija.

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com