Id-delegazzjoni Laburista fil-P.E. tivvota kontra s-sistemi ta’ taxxa CCTB u CCCTB

Id-delegazzjoni Laburista fil-P.E. tivvota kontra s-sistemi ta’ taxxa CCTB u CCCTB

Stqarrija

 

Il-Ħamis, 15 ta’ Marzu 2018

 

Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Partit Laburista   

 

Il-membri tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew illum ivvotaw kontra żewġ riżoluzzjonijiet imtellgħa fil-Parlament Ewropew biex fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jiddaħħlu sistemi ta’ taxxi msejjħa CCTB u CCCTB.

Bʾdawn is-sistemi l-Unjoni Ewropea tkun qed timxi lejn sistema komuni tat-tassazzjoni u armonizzazzjoni, pożizzjoni li Malta hija kontra u qatt ma ċediet.

Għax ma jaqblux li dan ikun fl-interess nazzjonali  taʾ Malta, t-tliet Membri Parlamentari Ewropej Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi ivvotaw kontra r-riżoluzzjonijiet biex jiddaħħlu dawn it-taxxi.

 Fi stqarrija li għamlu wara li ttieħed il-vot fil-Parlament Ewropew, huma qalu:

“Ivvutajna kontra proposti għal direttivi li bihom jiddaħħlu s-CCTB u CCCTB. Dawn il-proposti huma l-ewwel pass fi strateġija biex tiġi armonizzata l-istruttura taʾ tassazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea.

Il-policy dwar taxxa hija prerogattiva sovrana tal-iStati Membri tal-UE. U hekk għandu jibqa’. L-armonizazzjoni tal-istrutturi tat-taxxa jimminaw il-flessibbiltà tal-iżgħar stati membri tal-UE, speċjalment dawk li jinsabu fil-periferija, liema flessibbiltà hija neċessarja biex jibqgħu kompettitivi u jagħmlu tajjeb għan-nuqqas taʾ dotaġġi ekonomiċi u fiżiċi li għandhom il-pajjiżi kbar.

L-argument ta’ wħud li jekk jiddaħħlu s-CCTB u CCCTB, allura se titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u ppjanar aggressiv tat-taxxa hija żbaljata u mhix ippruvata bʾmod fattwali u reali.

Fil-verità, is-sistemi li qed jiġu proposti ipoġġu kumpaniji bbażata fl-UE u l-pajjiżi membri fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ korporazzjonijiet u pajjiżi fil-bqija tad-dinja.

Aħna favur trasparenza sħiħa fejn ikun hemm tassazzjoni kompetittiva li hija flessibbli u ġusta.

Iżda lil hinn minn dan, aħna ma narawx li hija fl-interess nazzjonali taʾ pajjiżna li nappoġġja l-idea li l-Unjoni Ewropea tintroduċi s-CCTB u s-CCCTB bħala parti mis-suq uniku tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet, aħna vvutajna kontra dawn ir-riżoluzzjonijiet.”

 

Ir-riżoluzzjoni dwar CCCTB għaddiet b’438 favur, 79 kontra u 135 astensjoni.

Ir-riżoluzzjni dwar CCTB għaddiet  b’451 favur, 141 kontra and 59 astensjoni.

 

 

Uffiċċju Komunikazzjoni

Partit Laburista

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com