Il-ġudizzju f’idejn il-poplu

Il-ġudizzju f’idejn il-poplu

Il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea huma r-rispett għad-dinjita´ umana u d-drittijiet umani, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u s-saltna tad-dritt. Dawn huma l-valuri li jgħaqqdu l-istati membri u dawn huma l-valuri li jagħmlu l-Unjoni Ewropea.

 

Dawn huma l-istess valuri u prinċipji li jsawru lilna l-Maltin u Għawdxin, mnaqqxa fil-Kostituzzjoni taʾ pajjiżna.

 

Mhumiex biss fuq il-karta imma narawhom fil-prattika fil-ġurnata taʾ kuljum. Naraw il-protezzjoni ta l-aktar vulnerabbli fis-sistema tas-saħħa tagħna u s-sistema taʾ sapport soċjali; narawha fl-aċċess għall-edukazzjoni li jingħata lil kulħadd b´mod ugwali; narawha fil-għajnuna lin-nies li ma għandhomx saqaf fuq rashom jew li jinsabu fil-faqar jew li qedgħin fir-riskju taʾ esklużjoni soċjali.

 

Narawha fl-impenn biex niġġieldu l-abbużi, biex nindirizzaw l-inugwaljanzi, fil-liġijiet aktar bʾsaħħithom li jipproteġu vittmi minn kull tip taʾ vjolenza, ġejja minn fejn ġejja; narawha fl-implimentazzjoni taʾ libertajiet ġodda u fl-infurzar tal-liġijiet; fil-ħidma tal-Pulizija kontra t-traffikanti tad-droga; fir-riformi u fit-twettiq tal-leġiżlazzjoni li tagħmel lill-politiku responsabbli għall-għemil tiegħu, jgħaddi kemm jgħaddi zmien.

 

Narawha meta l-leġiżlatur jidħol fi djalogu biex jiġu aġġornati l-liġijiet u meta r-risposta għall-kritika tkun leġiżlazzjoni aktar bʾsaħħitha.

 

Huwa għalhekk taʾ diżappunt kbir mhux biss personali, imma anke fuq livell nazzjonali, meta nara Membri Parlamentari Ewropej, ipinġu stampa taʾ Malta li l-maġġoranza tagħna ma jidentifikawx ruħhom magħha.

 

Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew, waqt il-kumitat tal-libertaijiet ċivili, il-Ministru Owen Bonnici kellu 10 minuti biex jirrispondi għall-mistqosijiet taʾ madwar 13-il persuna, kollha bl-impressjoni li Malta huwa pajjiż fejn il-ġurnalisti huma mhedda; fejn ir-rule of law ma titħaddimx.

 

Ma stajtx nattendi għax bħalissa ninsab fl-Istati Uniti nsegwi programm organizzat mid-Dipartiment tal-iStat Amerikan flimkien ma’ politiċi oħra, imma segwejt kif kien hemm min iddeskriva lil Malta bħalha “il-link dgħajjef” tal-Unjoni Ewropea.

 

Kien hemm iżda wkoll min staqsa kemm ir-rapport li għamlet id-delegazzjoni li ġiet Malta setaʾ  jittieħed bis-serjetà meta d-delegazzjoni ma ltaqgħetx mal-midja kollha li topera f´Malta; meta kien hemm mistoqsijiet li ma ġewx imwieġba; meta n-nies li ltaqgħu magħhom kienu jinkludu kunsillier tal-Partit Nazzjonalista u eks-assistent tal-eks ministru Austin Gatt.

 

Kien hemm min qal li l-Gvern ipprova jixtri l-voti bit-tenders: ironikament, fl-istess ħin li l-Qorti fʾMalta ikkonfermat kif il-kumpaniji tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, ngħataw iktar minn €1,500,000 f’direct orders taħt amministrazzjonijiet preċedenti ta’ Gvern Nazzjonalista.

 

Il-Ministru Bonnici attenda għall-laqgha tal-Parlament Ewropew ghax b’mod ġenwin jinteressah jiddiskuti mal-Membri Parlamentari Ewropej. L-istess ġenwinitá m’hijiex riflessa f’ċertu Membri Parlamentari Ewropej li kkritikaw lil Bonnici b’diżrispett.

 

Għal dawn l-aħħar xhur, il-ħidma tiegħi u tal-kollegi kienet iffukata fuq li nuri l-istampa reali taʾ dak li qed jiġri f´Malta. Kienet ħidma kontinwa biex niltaqa’ maʾ Membri Parlamentari Ewropej, inkluż mill-grupp politiku tas-Soċjalisti u Demokratiċi. Ir-realtá hi li min irid jattakka lil pajjiżna qed isib l-affarijiet ħarir. Il-propoganda kontra pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej u l-barra minnhom hija waħda ppjanata fid-dettall u strateġika u dan qed jidher bl-aktar mod evidenti.

 

Qrajt bʾinteress dak li qal il-kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, meta mistoqsi mill-gazzetta MaltaToday dwar ir-riskju li Malta titlef id-dritt tal-vot fl-Unjoni Ewropea jekk jiskatta Artiklu 7. Skont Delia, il-Partit Nazzjonalista se jopponi kull forma taʾ talba mill-Unjoni Ewropea biex jiskatta Artiklu 7 kontra Malta. Interessanti issa li l-istess gazzetta wkoll qalet li sorsi fi ħdan il-kumitat PANA qalu li Casa wkoll irrakkomanda lill-kollegi tiegħu biex jiskattaw Artiklu 7 kontra Malta, xi ħaġa li Casa insista mal-midja li mhux minnu.

 

Sa Novembru li għadda, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, ikkwotati fil-midja, iddeskrivew s-sitwazzjoni f´Malta bħalha waħda fejn “ir-rule of law kienet qiedgħa tiġi mdgħajfa bʾmod intenzjonat u sistematiku, bil-kollass sussegwenti li beda numru taʾ snin ilu u issa waslet fʾpunt fejn il-kompjaċenza hija inaċċettabbli” (“The intentional, systematic weakening and subsequent collapse of the rule of law in Malta started a number of years ago and has now culminated to a point that renders complacency unacceptable.” Times of Malta, November 15, 2017).

 

Sa dil-ġimgħa stess, l-istess esponenti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew komplew ipinġu lil Malta bħalha pajjiż mifni bil-korruzzjoni, bʾkultura taʾ impunitá u fejn il-vuċi taċ-ċittadini tiġi injorata.

 

Kien propju fʾDiċembru li għadda stess, meta ċ-chairman tal-kumitat PANA Werner Langen – li ġej mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew – hedded li l-kumitat PANA, irid jara li jkompli jiżdied l-moniteraġġ fuq Malta, jekk hemm bżonn anke permezz taʾ Artiklu 7.

 

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jinsabu wara l-bieb, u kulhadd kapaci jiġġudika meta jasal il-mument. L-importanti li ma nħallux lil min ikissirna bħalha pajjiż għax jinteressah biss il-poter.

 

 

 

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com