Il-kwalità tal-arja, saħħa u ekonomija: katina ambjentali – Torċa

Il-kwalità tal-arja, saħħa u ekonomija: katina ambjentali – Torċa

Mhijiex sorpriża li meta nfittxu mumenti kwieti biex naħarbu mill-ħajja mgħaġġla taʾ kuljum infittxu postijiet għall-kwiet, ħafna drabi nippruvaw ngawdu ftit mill-kampanja li fadlilna jew immorru xi sagħtejn ħdejn il-baħar: is-silenzju, ir-riħa tal-baħar u l-kuluri tal-għelieqi jgħinuna nserrħu moħħna.

 

Meta tieqaf taħseb dwar il-ħsejjes u l-attività li nisimgħu ta´ kuljum fil-ħajja urbana tinduna kemm huma simili: il-vannijiet tal-iskola għaddejjin jiġbru t-tfal; il-ħornijiet; is-serbut ta’ karozzi maqbuda fit-traffiku hekk kif kulħadd ikun qed jipprova jasal għax-xogħol; il-ħoss tal-magni u trakkijiet ta’ kostruzzjoni.

 

F´dan ix-xenarju jidħlu l-ftit li jagħmlu użu mir-roti jew li jmorru bil-pass biex ifittxu jeħilsu l-qagħdi. F´dan kollu, hemm ħaġa waħda komuni għal kulħadd: id-dħaħen tal-karozzi.

 

L-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika juru kif f´Malta għandna 372,061 vettura liċenzjata, li tissarraf f´medja taʾ 36 karozza ġdida fit-toroq tagħna kuljum tul is-sena l-oħra. Fl-aħħar tlett xhur tas-sena, inħarrġu 5,900 liċenzja ġdida, li aktar minn nofs tagħhom kienu għal karozzi użati.

 

Skont Transport Malta, 60% tal-vetturi fit-toroq tagħna jaħdmu bil-magni petrol, filwaqt li 39% jaħdmu bid-dijżil. Inqas minn wieħed fil-mija jaħdmu bl-elettriku jew huma hybrid.

 

Wieħed jistaʾ jargumenta li żieda ta’ karozzi fit-toroq tagħna, flimkien maż-żieda fil-ħidma li naraw fit-toroq tagħna u kostruzzjoni hija xhieda ta’ ekonomija li qed tkompli tikber. Ghalhekk li huwa pozittiv li l-Gvern qed jaħdem biex itejjeb l-infrastruttura ta’ pajjiżna għax din tmur id fʾid mal-iżvilupp li qed isir.

 

Imma f´din il-katina tal-ambjent tagħna, hemm ħoloq differenti li kollha għandhom rwol importanti. Jekk xi waħda minn dawn il-ħoloq tinkiser jew tkun difettuża, hija l-katina kollha li se tidgħajjef.

 

Jekk inħarsu lejn l-ammont taʾ dħaħen li qed nibilgħu nafu li hija s-saħħa tagħna li qed tbati: aktar tfal li jbagħtu minn mard respiratorju bħall-ażma; kanċer u mard ieħor relatat mat-tniġġiz fal-arja. F´Malta, per eżempju, il-livell taʾ emissjonijiet mit-trasport tal-art żdied bʾaktar minn 16% fʾ10 snin.

 

Ftit tal-jiem ilu, riċerkatur Malti tal-kanċer, il-Professur Pierre Schembri Wismayer, ġie rrapportat jispjega kif ċertu organi interni – bħal moħħ jew saħansitra id-demm – jistgħu jkunu affettwati bʾlivelli għolja taʾ tniġġis fl-arja u li fʾċertu żoni fʾMalta – bħal mini taʾ Santa Venera – jiġi rreġistrat livell għoli ħafna taʾ tniggiz għas-sempliċi raġuni li m’hemmx ventilazzjoni.

 

Huwa faċli li wieħed jgħid li tista ssolvi l-problemi sempliċiment billi tagħlaq it-twieqi tal-vetturi. Peroʾ din hija soluzzjoni temporanja għal problema li m’hijiex temporanja. Il-konsumaturi saru aktar konxji dwar il-problemi taʾ saħħa u ambjentali kawżati mit-tniġġis meta faqqa l-iskandlu tal-Volkswagen u kif dawn qarrqu bit-testijiet tal-emissjonijiet. Fl-iStati Uniti, il-kumpanija kellha tħallas $25 biljun fʾmulti, penali u kompensazzjoni għal aktar minn nofs miljun karozza li nbiegħet u li kienet imbgħabsa.

 

Fl-Ewropa, fejn il-kumpanija ġiet irrapurtata li biegħet aktar minn tmien miljun karozza imbabsa, VW ma ħalsitx sold f´penali.

 

Fid-dawl taʾ dan kollu, imbagħad toħroġ l-aħbar li saħansitra l-istess kumpaniji użat xadini u bnedmin biex tistudja l-impatt tal-emissjonijiet.

 

Hija r-responsabiltà tal-leġislaturi li jassiguraw li l-interessi taċ-cittadini, konsumaturi u operaturi onesti jiġu mħarrsa.

 

Huwa fʾdan l-isfond li se nkun qed inmexxi l-Parlament Ewropew fin-negozjati għal standards Ewropej dwar emissjonijiet tal-karozzi lil hinn mill-2020.

 

L-akbar sfida se tkun biex noħolqu strutturi li jiffaċilitaw vetturi li jaħdmu bʾenerġija aktar nadifa, jgħinu l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u nagħmluha attraenti biex ikollna  teknoloġija li tirrispondi għal dawn il-ħtiġiet.

 

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet bi proposta leġiżlattiva biex l-emissjonijiet madwar il-UE jonqsu bi 30% sal-2030. Din hija waħda mill-aktar leġislazzjonijiet importanti li tista’ tnaqqas l-emissjonijiet bʾmod effettiv.

 

Permezz ta’ din il-ligi rridu żziedu l-vetturi li jaħdmu bl-elettriku u l-vetturi hybrid filwaqt li  ninkoraġixxu l-innovazzjoni f’ teknoloġija b’emissjonijiet baxxi.

 

Din il-ligi hija opportunita’ biex innaqqsu t-tniġġiż, intejbu l-kwalità tal-arja u naċċertaw li l-pajjiżi kollha nkluż Malta jkunu ppreparati għal din il-qabża.

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com