Il-Presidenza Maltija fil-futur tal-Ewropa

Il-Presidenza Maltija fil-futur tal-Ewropa

60 sena ilu, l-Ewropej ħalfu li kien spiċċa ż-żmien tal-kunflitti u t-tixrid ta’ demm li kkaraterizza lil dan ir-reġjun sa dakinhar.  Dan kien iż-żmien fejn il-pajjiżi Ewropej kienu għadhom ħerġin mit-tieni gwerra dinjija bil-konsegwenzi koroh li din ġabet magħha. Il-viżjoni tagħhom kienet ta’ Ewropa ta’ paċi u kooperazzjoni. Mit-tifrik tat-tieni gwerra dinjija twieldet l-Unjoni Ewropea.

Il-proġett irnexxa, u l-kontinent ra l-itwal perjodu ta’ paċi fl-istorja tiegħu. Iżda hekk kif it-theddid ta’ gwerer naqsu, ir-relevanza tal-Unjoni Ewropea bdiet tmajna xi ftit fil-perċezzjoni ta’ wħud u beda jqajjem rasu l-ewroxettiċiżmu. Bla dubju, ir-referendum dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea kien sinjal ieħor li għamilha ċara li l-futur tal-Unjoni Ewropea m’huwiex neċessarjament garantit daqskemm kien maħsub sa ftit snin ilu.

Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġiet waqt li l-Unjoni Ewropea sabet ruħha f’salib it-toroq, u dan ma jiċħdu ħadd. Il-Presidenza Maltija ġiet f’mument fejn f’moħħ ħafna nies l-Unjoni Ewropea hija biss l-istituzzjonijiet remoti. Fir-realtà l-Unjoni Ewropea għandha tkun il-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja taċ-ċittadini fl-ibliet u l-irħula tal-iStati Membri kollha kemm huma.

Biex nassiguraw il-futur tal-Unjoni Ewropea, għandna bżonn politika li tagħraf u tindirizza l-isfidi u t-tħassib taċ-ċittadini tagħha u toħroġ b’soluzzjonijiet Ewropej ghal dawn l-isfidi. Dan huwa r-realiżmu li għandna bżonn f’dan il-mument. Nemmen li din ir-realta’ l-Presidenza Maltija femitha u qed taħdem fuqha bil-fatti.

Malta, l-iżgħar pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, qed tibgħat messaġġ ċar lilll-mexxejja kollha li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li titkellem il-lingwa tan-nies, jehtieg li timbotta aktar l-aġenda soċjali, li taħdem favur riformi soċjali li minnhom igawdu l-ħaddiema, iż-żgħażagħ, l-anzjani u t-tfal. Malta tifhem il-bżonn li naċċertaw futur ta’ paċi u ta’ prosperità, iżda wkoll ta’ sostenibilità, ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar u ambjent b’saħħtu.

Aktar minn qatt qabel neħtieġu Ewropa li tpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tagħha u toffrilhom l-ispazju biex jimxu ‘l quddiem u jipparteċipaw. Ewropa li toffri serħan il-moħħ liċ-ċittadini u li tkun pro-attiva u mhux reattiva biss għat-tħassib taċ-ċittadini, anke fuq temi delikati bħall-immigrazzjoni rregolari u s-sigurtà fost oħrajn. Ewropa fejn l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà ma jkunux imwarrba u jingħataw l-opportunita jirnexxu.

Kulħadd jaqbel li s-sistema ta’ presidenza ta’ sitt xhur għal kull stat membru kien mod ta’ kif pajjiż jinfluwenza l-aġenda Ewropea. U f’dan il-mument ta’ sfidi, il-Gvern Malti kien għaqli biżżejjed biex jagħraf li l-Presidenza Maltija kienet opportunità unika biex nagħmlu l-Ewropa rilevanti għar-realtajiet tal-lum.

Il-messaġġ hu wieħed ċar: din il-politika ta’ tiġdid imbuttata mill-Presidenza Maltija m’għandiex tispiċċa wara dawn is-sitt xhur. Jekk irridu Ewropa tan-nies, l-iStati Membri iridu jingħaqdu u jkollhom viżjoni komuni għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk li hemm bzonn li l-mexxejja Ewropej jkomplu jgħarfu l-isfidi li hemm quddiemna u jpoġġu l-interess taċ-ċittadini fil-qalba tal-politika Ewropea.

Id-destin ried li f’mument daqstant delikat għall-Unjoni Ewropea, ikun l-iżgħar Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Kburija ngħid li f’mument bħal dan il-Maltin qamu għall-okkażjoni u offrew direzzjoni lill-bqija tal-Ewropa.

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com