Inqas tniġġis, arja aktar nadifa: Kulħadd

Inqas tniġġis, arja aktar nadifa: Kulħadd

Ftit tal-ġranet ilu, quddiem il-kumitat tal-ambjent fil-Parlament Ewropew, ippreżentajt rapport dwar leġiżlazzjoni li qed naħdem fuqha u li permezz tagħha se naraw it-tniġġis ta’ karozzi ġodda u vetturi kummerċjali żgħar jonqos. Il-mira tiegħi hi li sal-2030 inkunu naqqasna bin-nofs l-emmisjonijiet iġġenerati minn karozzi u vetturi kummerċjali żgħar ġodda u b’hekk intejbu l-kwalità tal-arja.

Jekk se nibqgħu nkaxkru saqajna mingħajr miri stabbiliti b’mod ambizzjuż u realistiku, se nispiċċaw biex il-kwalità tal-arja tibqa’ sejra lura b’detriment għas-saħħa tagħna u ta’ uliedna.

Jekk inħarsu lejn statistika riċenti maħruġa mill-Eurostat naraw kif fl-2017 pajjiżna irreġistra l-ogħla żieda ta’ emissjonijiet CO2 fl-Unjoni Ewropea, b’żieda ta’ 12.8%, minkejja li s-sena l-għaddiet kellna l-akbar tnaqqis frott tal-powerstation li taħdem bil-gas minflok bil-heavy fuel oil.

Fl-istess waqt skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’pajjiżna għandna 375,041 vetturi rreġistrati bi 78.3% minnhom huma karozzi tal-passiġġiera. L-istess statistika turi kif ta’ kuljum 33 vettura ġdida jigu rreġistrati f’pajjiżna, fi gżira b’popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 400,000.

Vetturi elettriċi jew hybrid jammontaw għal inqas minn 0.5% tal-vetturi  f’pajjiżna, jiġifieri 1,426 vettura biss minn 375,041 jaħdmu b’mod nadif, bil-maġġoranza tal-kumplament jaħdmu fuq petrol jew diesel. Dan jkollu jikkontribwixxi għal mard respiratorju bħall-ażma u mard aktar serju kawża tat-tniġġis tal-arja.

Dawn in-numri juru l-bżonn li nindirizzaw din il-problema b’aktar serjetà. Dan ma jfissirx li min għandu karozza  li taħdem bil-petrol jew diesel se jkollu jneħħieha. Xejn minn dan. Irridu naraw li l-karozzi ġodda li jibdew jitpoġġew fis-suq Ewropew, inkluż dak lokali, jkollhom il-livell ta’ tniġġis baxx jew inkella ma jiġġeneraw l-ebda tniġġis biex l-emissjonijiet CO2 jonqsu bin-nofs sal-2030 u nibdew ingawdu minn arja aktar nadifa.

Għalkemm arja nadifa hija prinċipju ewlieni li fuqu hi msejsa din il-liġi, hemm aktar benefiċċji li bħala konsumaturi u ċittadini Ewropej nistgħu ngawdu minnhom jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed. B’investiment adegwat fl-innovazzjoni fil-manifattura tal-karozzi, is-suq Ewropew ikun jista’ jibqa’ kompetittiv fil-manifattura tal-karozzi. Dan ifisser ukoll ħolqien tax-xogħol fil-manifattura, fl-installazzjoni ta’ infrastruttura adegwata, produzzjoni ta’ enerġija nadifa u manifattura tal-batteriji. Għalhekk li rridu programmi ta’ taħriġ biex nassiguraw li jkollna biżżejjed ħaddiema mħarrġa biex jaħdmu f’dawn is-setturi.

Fattur li qed jiġi wkoll indirizzat huwa l-prezz li bih jinxtraw il-vetturi li jaħdmu b’enerġija nadifa. Għalissa għadna f’punt fejn meta wieħed jikkompara karozza li tahdem b’enerġija nadifa ma’ waħda li taħdem bil-petrol jew diesel, dik b’enerġija nadifa tkun ogħla. F’pajjiżna, l-istat qed joffri inċentivi li jgħinu konsumatur jinvesti f’vettura li taħdem b’enerġija nadifa, kemm jekk qed jixtri vettura tal-elettriku ġdida kif ukoll waħda second hand.

Mill-banda l-oħra l-konsumatur li se jixtri karozza ġdida jrid ukoll iħares lejn investiment f’karozza li taħdem b’enerġija nadifa fuq tul ta’ zmien.  Manutenzjoni ta’ vetturi li jaħdmu b’enerġija nadifa, kemm dawk li jinxtraw ġodda kif ukoll dawk second-hand, hija ferm orħos minn dik tal-vetturi li jaħdmu b’diesel u petrol.

Fl-istess waqt ma rridux inħarsu lejn din il-liġi waħedha. Il-miri u r-regoli li qed tistabillixxi din il-liġi rridu nħarsu lejhom bħala parti minn pakkett leġislattiv akbar li jindirizza oqsma oħra li wkoll jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għat-tniġġis tal-arja u l-emissjonijiet CO2. Filfatt, hemm diversi liġijiet u proposti oħra li qed jiġu diskussi fosthom marbuta mal-emissjonijiet fl-avjazzjoni, fis-settur marittimu u anke dawk marbuta ma’ emissjonijiet ta’ trakkijiet (Heavy-Duty Vehicles).

Iżda biex dawn il-miri jintleħqu jrid ikun hemm konsultazzjoni pubblika, li permezz tal-parteċipazzjoni tal-istakeholders kollha nkunu nistgħu nfasslu pjan fit-tul u konkret. Trid tiġi stabbilita data li fiha ma jibqgħux jinbiegħu vetturi li jaħdmu bil-petrol jew diesel. Fuq kollox, rridu nibdew naħdmu minn issa biex pajjiżna jkun minn ta’ quddiem biex jindirizza l-isfidi halli nassiguraw li pajjiżna jkun verament preparat għal din it-transizzjoni b’mod effiċjenti.

Il-kwalita ta’ arja li nibilgħu tiddetermina is-saħħa tagħna. Nisimgħu b’ħafna każijiet ta’ ażma u anke problemi aktar serji kawża tat-tniġġis tal-arja. Għalhekk li rridu nibdew inħarsu lejn leġislazzjonijiet ta’ dan it-tip b’aktar serjetà. Jekk irridu li Malta t’għada, mhux biss tgawdi minn ekonomija b’saħħitha imma wkoll minn kwalità ta’ ħajja aħjar, irridu nibdew illum qabel għada nimplimentaw b’mod konkret bidliet li jtejbu il-kwalità tal-arja. Jeħtieġ li l-industrija, l-konsumatur u l-policy makers jimxu id f’id sabiex inħallu pajjiż u kontinent Ewropew aħjar għal uliedna u ulied uliedna.

 

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com