Ir-Riżorsa tal-Iskart: Torċa

Ir-Riżorsa tal-Iskart: Torċa

647 kilogramma. Dan huwa l-ammont taʾ skart muniċipali li bejn wieħed u ieħor ipproduċiet kull persuna f´Malta matul l-2016. Skont din l-aktar statistika riċenti, maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-iStatistika, f´sena Malta pproduċiet 282,709 tunnellata taʾ skart muniċipali.

 

Minbarra dan, skont il-Kummissjoni Ewropea, kull Malti u Maltija jipproduċu 340 gramma kuljum taʾ skart tal-ikel.

 

Skart muniċipali huwa l-iskart li nipproduċu fid-djar tagħna u jinkludi skart iġġenerat minn oqsma oħra imma li huwa simili ħafna taʾ dak li jiġi prodott id-dar.

 

F’pajjizna, 48.3% tal-iskart jigi mill-borża s-sewda li tinġabar mill-Kunsilli Lokali.

 

Punt pożittiv huwa li minkejja ż-żieda taʾ aktar minn 13-il tunnellata taʾ skart muniċipali meta mqabbel mal-2015, is-sena 2016 rat tnaqqis taʾ ´l fuq minn 10,000 tunnellata taʾ skart li ntrema fil-miżbla.

 

Minkejja dan ninsabu l-bogħod ħafna milli nilħqu l-miri li suppost għandna nilħqu. Fl-2016 konna qed nirriċiklaw biss 7.6% tal-iskart li nipproduċu. Dan il-persentaġġ huwa l-bogħod ħafna mill-ammonti li suppost għandna nilħqu aktar w aktar meta tqis li sas-sena 2035 irridu nkunu qed nirriċiklaw mal-65% tal-iskart li niġġeneraw.

 

Meta nħarsu lejn l-iskart li jigi miġbur mid-djar tagħna, insibu li l-ġbir tal-ħġieġ u l-boroż ħodor u ġriżi jammontaw għal 6.1%.

 

Fʾdawn iċ-ċifri mhux qed inħarsu lejn l-iskart maħluq mill-industrija u tipi taʾ skart oħra bħalma huma l-batteriji, il-gomma, l-injam, tipi oħra taʾ plastik u aktar.

 

L-iskart għandu valur għoli – valur mhux biss ambjentali, iżda anke soċjali u ekonomiku. Bħalissa fil-pajjiż għaddejja diskussjoni dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart. Dak huwa l-aħħar pass qabel ma l-iskart jigi proċessat b’modi oħra.

 

Filfatt illum f’dan l-artiklu qed niffoka fuq il-proċessi taʾ qabel ma naslu għall-process fejn l-iskart jintuża biex tinħoloq l-enerġija.

 

Qed nitkellmu fuq il-metodi kif nnaqqsu l-ħolqien tal-iskart żejjed (Reduce), l-użu mill-ġdid tal-prodott (Reuse) jew riċiklaġġ (Recycle).

 

Fil-jiem li ġejjin fil-Parlament Ewropew se nkunu qed nivvutaw dwar il-miri tar-riċiklaġġ madwar l-Unjoni Ewropea biex sal-2025, 55% tal-isktart muniċipali jkun irriċiklat filwaqt li dan l-ammont jitla’ għal 60% sal-2030 u 65% sal-2035. Fejn jidħol il-materjal tal-ippakkeġġjar, 65% irid ikun irriċiklat sal-2025, biex jitla’ għal 70% sal-2030.

 

Dawn il-miri jaqgħu kollha taħt il-legiżlazzjoni tal-ekonomija ċirkulari u dan ifisser li Malta wkoll trid tilħaq dawn il-miri. Għalina dan se jkun ifisser qabża kbira fil-mod kif nipproduċu u niddisponu mill-iskart partikolarment għaliex sal-2014, Malta kienet fost grupp taʾ ħames pajjiżi fejn aktar minn tlett kwarti tal-iskart muniċipali kien qed jintrema fil-miżbla.

 

Hu stmat li bʾekonomija cirkolari – fejn il-produttività tar-riżorsi tiżdied bi 30% – jistgħu jinħolqu aktar minn żewġ miljun impjieg madwar l-Unjoni Ewropea.

 

Il-potenzjal għal qliegħ ekonomiku jinsab fʾMalta wkoll. Iżda biex dan iseħħ hemm bżonn jigu flimkien stakeholders differenti – minn negozji u mill-komunitajiet tar-riċerka – biex jingħaqdu flimkien u jħarsu mill-ġdid lejn kif timxi materja ewlenija u l-proċessi tal-manifattura. Dan kollu wkoll irid ikun appoġġjat bʾpolitika adattata u l-investiment neċessarju.

 

Irridu naslu f’punt fejn nibdew napprezzaw il-valur li hemm fl-iskart. Dak li hu skart għal wieħed, fir-realtà huwa riżorsa taʾ ħaddiehor u dak li tipproduċi industrija waħda jista’ faċilment ikun il-materjal taʾ industrija oħra.

 

Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu fejn tidħol is-separazzjoni tal-iskart u biex eventwalment ngħollu l-persentaġġ taʾ skart li l-pajjiż irid jirriċikla. Barra aktar inizjattivi, hemm bżonn taʾ infurzar akbar u l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini.

 

Inizjattivi zgħar li ma jirrikjedux ħafna xogħol min-naħa tagħna jistgħu jagħmlu differenza kbira. Forsi ftit jirrealizzaw li meta jħalltu skart organiku jew skart ieħor maʾ materjal riċiklabbli, materjal li jista’ jiġi riċiklat mhux dejjem ikun salvat għaliex jispicca jitħammeg b’affarijiet oħra li jagħmluha mpossibbli biex dak il-materjal ikun riċiklat u jżomm valur.

 

Bʾnaqra attenzjoni, per eżempju, meta niġu biex narmu l-iskart tad-dar, ma nħalltux kartuna mċappsa biz-żejt maʾ kartun jew karti oħra għax dak iż-żejt ikompli jinfirex u dan il-materjal ma jkunx jistaʾ jiġi riċiklat. Jekk qed tissepara l-iskart organiku, huwa importanti li ma jitħallatx miegħu materjal ieħor – bħal ngħidu aħna bozza mkissra jew batteriji per ezempju- għax dan il-materjal ma jkunx jistaʾ jintuża għall-kompost u minflok jispicca kkontaminat.

 

Dawn huma biss eżempji żgħar li jagħmlu differenza kbira.

 

Din il-ġimgħa żort il-facilità tal-Wasteserv, li għal dawn l-aħħar sentejn kienet qed tmexxi proġett pilota dwar is-separazzjoni taʾ skart organiku fʾ9 lokalitajiet madwar Malta u madwar Għawdex kollu. Minn Settembru li ġej, din it-tip taʾ separazzjoni se tinfirex fuq livell nazzjonali biex kull dar madwar Malta u Għawdex tibda tissepara l-iskart organiku.

 

Sa’ issa irriżulta minn dan il-proġett pilota, li permezz tas-separazzjoni taʾ skart organiku, il-persentaġġi ta’ riċiklaġġ żdiedu ferm aktar.

 

Il-pjan tal-Gvern li jmur għall-inċineratur huwa l-pass li jmiss biex nindirizzaw l-iskart li jmur fil-miżbla: wieħed ma jistax iħares lejn l-inċineratur waħdu iżda bħala parti minn sistema sħiħa taʾ kif Malta tista’ timmaniġġja l-iskart. Jidher li l-impjant se jkun qed jipproċessa 40% tal-iskart, filwaqt li Malta qed timmira li tirriċikla s-60% l-oħra.

 

Ir-realtà hi li attività ekonomika akbar u popolazzjoni dejjem tiżdied iwasslu biex ikun hemm sfidi akbar fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart. Dan ifisser li rridu noħolqu alternattivi innovattivi ta’ kif nistgħu nindirizzaw l-isfidi li jinħolqu filwaqt li noħolqu opportunitajiet ġodda taʾ xogħol għal pajjiż kollu kemm hu.

 

 

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com