Katina waħda: Kulħadd April 2018

Katina waħda: Kulħadd April 2018

Bħala poplu, aħna l-Maltin qatt ma ddejjaqna mix-xogħol. Dejjem ħdimna u morna fejn morna dejjem ibbażajna fuq il-bżulija tagħna. Kienu l-eluf li ppakkjaw ħwejjiġhom u telqu lejn l-Amerika, l-Awstralja u l-Kanada bit-tama li jsibu x-xogħol wara l-gwerra biex b’hekk ikunu jistgħu jibgħatu l-flus lil qrabathom f’Malta.

 

Kienu n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol fil-pajjiż, u l-ambizzjoni personali għal hajja aħjar, li wasslet lil dawn il-persuni biex jaqbdu ħwejjiġhom u jagħmlu l-vjaġġ twil lejn art barranija, ħafna minnhom mingħajr ċertezza ta’ x’se jsibu jew ma jsibux.

 

Sal-1921, madwar 3,000 Malti u Maltija kienu qed jgħixu l-Awstralja. Bejn l-1946 u l-1974, kienu aktar minn 137,000 persuna li ħallew il-gżejjer tagħna.

 

Dan il-fluss ta’ emigrazzjoni lejn orizzonti ġodda naqas bil-bosta fid-disgħinijiet, sakemm id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ta opportunitajiet ġodda ta’ studji u xogħol lil Maltin fil-pajjiżi membri oħra tal-Unjoni Ewropea, fejn xi Maltin marru.

 

Bħalma l-Malti kien u għadu kapaċi jaħtaf opportunitajiet aħjar ta’ xogħol, l-istess qed jagħmlu nazzjonalitajiet oħra; bħalma ż-żgħażagħ Maltin qed ifittxu opportunitajiet ta’ studji u xogħol barra minn xtutna, l-istess qed jagħmlu żgħażagħ barranin li qed jiġu jfittxu dawn l-opportunitajiet f’pajjiżna wkoll.

 

L-ekonomisti jispjegaw kif il-kontribuzzjoni tal-ħaddiema barranin qeda tgħin biex nindirizzaw il-problema tal-pensjonijiet mingħajr ma ġġiegħel lil Maltin iħallsu aktar; il-popolazzjoni Maltija qedgha tikber fl-età u inqas tfal qed jitwieldu. Għandna livell baxx ta’ qgħad, iżda min jimpjega jgħid li mhux qed isib biżżejjed nies għax-xogħol.

 

Skont JobsPlus, in-numru ta’ ħaddiema barranin f’Malta jammonta għal 42,000, fejn aktar minn nofs huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Madwar 12,000 ġejjin minn pajjiżi terzi, l-aktar mill-Asja u mill-Lvant tal-Ewropa.

 

F’dawn l-aħħar tlett snin, iż-żieda fin-numru ta’ barranin kienet ta’ bejn 7,000 u 8,000 fis-sena. F’intervista li ta lill-The Malta Independent, iċ-chairman ta’ JobsPlus Clyde Caruana qal li jekk Malta iżżomm r-ritmu ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 6% u 7%, x’aktarx li rridu nkomplu nżidu l-istess ammont ta’ ħaddiema fis-sena biex infornu s-suq tax-xogħol.

 

Skont Caruana, l-istatistika tal-JobsPlus turi li minn kull 100 barrani li jiġi Malta, 30 minnhom jitilqu matul l-ewwel 12-il xahar, sa ma 70 minnhom ikunu telqu sat-tielet sena.

 

Fl-istess ħin, stħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-MaltaToday jerġa jpoġġi “barranin li jgħixu Malta” bħalha t-tielet l-akbar preokupazzjoni għal Maltin. Dan it-tħassib kien eżaminat separatament “mill-immigrazzjoni illegali”.

 

 

 

Iżda jidher ċar li t-tħassib tal-Maltin huwa relatat mal-pressjonijiet li popolazzjoni li qed tikber f’daqqa iġġib magħha: bħal m’huma kwistjonijiet ta’ housing, fejn tiżdied il-kostruzzjoni biex in-nies ikollhom fejn joqgħodu u jaħdmu; iż-żieda fil-kirjiet u l-prezz tal-bini; it-traffiku fejn aktar nies jiċċaqalqu minn lokalità għall-oħra; u aktar.

 

F’lokalitajiet oħra, it-tħassib tan-nies idur fuq is-sigurtà. Din il-problema iżda ma tiġix indirizzata “bil-biża mill-barrani”, iżda b’infurzar tal-ordni f’kull lokalità fejn il-liġi ma tiġix imħarrsa – irrilevanti minn jekk hux Malti jew barrani. M’għandhiex tkun kwistjoni ta’ Maltin jew barranin iżda l-prinċipju bażiku li meta tgħix f’komunità hemm regoli li trid tosserva u attitudni li ma toħloqx fastidju jew problemi għal residenti oħra.

 

Riċentement kellna każ klassiku ta’ kif ċertu stereotipiċi irrewhu kummenti u attitudni razzista li jista’ jkollhom konsegwenzi serjissimi. Ir-rapporti li kienu ħarġu mill-media dwar il-mewt ta’ ġuvni Malti f’Paceville ma għinux, u ġuvni Bulgaru għadda minn ‘public trial’ – meta mbagħad l-awtopsja kkonfermat li ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza fuq iz-żgħażugħ Malti.

 

Ir-reazzjoni immedjata ta’ ħafna kienet assoċjata man-nazzjonalità tal-barrani. Ir-realtà hi li dak li jagħmlu xi wħud m’għandux ikun riflessjoni ta’ komunità sħiħa. L-infurzar tal-ordni jassigura li dak li jagħmel il-ħażin iwieġeb għalih, mingħajr differenzi ta’ nazzjonalità.

 

Hemm imbagħad il-kwistjoni taʾ kompetizzjoni u xogħol. Filwaqt li investimenti fl-infrastruttura bħalma huma t-toroq, l-iskejjel u ċentri tas-saħħa huma neċessarji biex nirrispondu għall-popolazzjoni li qed tikber u nnaqqsu l-bottlenecks li qed jinħolqu, aktar ħidma trid issir biex ntejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Maltin stess biex ikunu l-Maltin li jimlew l-aktar impjiegi li jirrikjedu ħiliet għolja.

 

Biex nerġa’ nikkwota lil Clyde Caruana, illum għandna sitwazzjoni fejn 40% tal-barranin u 40% tal-Maltin għandhom “ħiliet speċjali għolja”. Iżda fl-istess ħin, peress li r-rata ta’ fertilità hi dik li hi, huma biss 2,500 żgħażugħ u żgħażugħa Maltin u Għawdxin li jingħaqdu fid-dinja tax-xogħol kull sena, f’ekonomija b’żieda netta ta’ 10,000 impjieg fis-sena.

 

Dan il-fatt isaħħaħ il-punt li z-żgħażagħ iridu jkunu mħarrġa f’setturi differenti għolja, b’ħiliet diversi.

 

Huwa ċar li rridu nżommu l-momentum ekonomiku li qbadna jekk bħalha Maltin irridu ikomplu ngħixu kwalità ta’ hajja aħjar, anke permezz ta’ kwalità ta’ xogħol aħjar. Il-benefiċċji li qed niksbu minn dan it-tkabbir iridu jkomplu jitqassmu ma’ min hu l-aktar batut.

 

Fl-istess ħin, biex inkomplu nirrispondu għas-suq tax-xogħol u dak kollu li jġib miegħu irridu nkomplu nindirizzaw l-elementi kollha infrastrutturali li jħallu pajjiż miexi ‘l quddiem mingħajr ħadd ma jinqata lura anzi rridu naċċertaw dejjem kwalità ta’ hajja aħjar.

 

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com