Konvinta aktar minn qatt qabel – Kulħadd – 15.02.18

Konvinta aktar minn qatt qabel – Kulħadd – 15.02.18

Fil-politika jekk trid tagħmel differenza trid mhux biss tirrikonoxxi l-problema, imma tifhem minn fejn ġejja u tindirizzaha mingħajr ebda eżitazzjoni.

L-ewwel pass għal soluzzjoni huwa li tifhem li hemm problema. Jekk ma tifhimx kemm-il problema hi reali, qatt ma tista’ tkun fʾpożizzjoni li tindirizza l-gheruq tagħha.

Ftit inqas minn xahar ieħor, propju fit-8 taʾ Marzu, niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Mara. Ta’ kull sena din il-ġurnata tkun immarkata anke’ fil-ġurnali tagħna li jiffukaw fuq kif il-politika Maltija għandha nuqqas taʾ parteċipazzjoni tan-nisa. Elezzjoni wara l-oħra, il-partiti politiċi jwiegħdu li se jagħmlu l-almu tagħhom biex jindirizzaw din il-problema.

Mill-kliem għall-fatti iżda hemm qabża enormi. L-ironija hi li għandna partit ewlieni f’Malta, il-Partit Nazzjonalista, li jippretendi li hu oppożizzjoni alternattiva, imma fir-realta’ qed juri bil-fatti li ma jemminx fil-potenzjal tan-nisa fil-politika. Jekk qatt kelli xi dubju dwar kemm il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista ma jemminx fil-potenzjal tan-nisa, din il-ġimgħa kelli l-konferma. Illum il-ġurnata għandna Partit Nazzjonalista li bil-kliem jipprova jgħid li jemmen fil-kapaċita tal-mara imma mbagħad lanqas biss kapaċi jappunta mara waħda f´10 ħatriet kruċjali fil-media tiegħu.

Meta l-Partit Laburista ħabbar l-inizjattiva LEAD, il-programm immirat biex iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, Adrian Delia kien l-unika wieħed li ħareġ jgħid li din hija mossa “taʾ konvenzjoni politika”. Dikjarazzjoni ċara li Adrian Deali lanqas biss beda jifhem l-isfida li għandu pajjiżna fejn il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika hija fost l-aktar baxxi mhux fl-Ewropa biss, imma madwar id-dinja.

Il-Partit Nazzjonalista wera biċ-ċar kemm ma jemminx fin-nisa meta attakka l-inizjattiva LEAD u pprova jirredikola r-rwol tan-nisa fil-politika billi irreduċihom għall-kożmetika u l-ilbies. Daqshekk jemmnu fin-nisa l-esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa l-Partit Laburista li minn dejjem kien fuq ta´ quddiem fejn tidħol l-emanċipazzjoni tal-mara u drittijiet indaqs ghal kulhadd. Kien ukoll l-istess Partit Laburista li daħħal sistemi taʾ kwoti interni biex tiżdied ir-rappreżentazzjoni femminili.

Bi kliem bħal “armata nisa” u “l-armata l-ħamra”, il-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia mingħalihom li se jżebilħu lill-partecipanti ta’ LEAD. Minflok qed isaħħuna. Minflok qed iħeġġu aktar nisa jingħaqdu magħna. Kulħadd qed jirrealizza li l-Partit Nazzjonalista ma jridx nisa fil-politika u allura bilfors li wiehed jistaqsi: Għaliex tal-PN qed jibżgħu minn nisa fil-politika?

L-akbar xhieda tal-effettiva tal-inizjattiva LEAD huma l-parteċipanti stess li tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom qed kif qed jingħataw l-opportunità li jakkwistaw tagħrif minn diversi esperti u esperjenza mill-viċin minn membri tal-Kabinett Laburista.

Id-differenza bejn iż-żewġ partiti hija ċara. L-artikli tal-media tal-Partit Nazzjonalista kixfu berah attitudni maskilista li l-Partit Nazzjonalista ilu jipprova jaħbi. Huwa ovvju li żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa trid tibda mill-partiti nfushom. Iżda meta tara l-attitudni ta’ partit bħall-Partit Nazzjonalista tirrealizza li d-diskors tagħhom m’huwiex dak li jemmnu fih imma sempliċiment konvenjenza politika.

L-idea tal-inizjattiva LEAD hija biex noffru opportunita lil ħafna nisa u tfajliet li huma kapaċi jikkontribwixxu fil-ħajja politika. Il-Partit Laburista qiegħed jiftaħ l-bibien tiegħu beraħ għal kull min irid jikontribiwxxi.

Kontrarjament għall-Partit Nazzjonalista aħna nemmnu li l-partiti m’humiex proprjetà ta’ erba’ individwi li jaħsbu li ma jista’ għalihom ħadd. Il-Partit Laburista huwa partit ħaj, partit miftuħ li jisma’ l-opinjonijiet tal-ħafna, li jrid il-kontribut tal-ħafna. Aħna nafu li l-politiċi huma għasafar tal-passa, iżda l-ħidma jew il-ħsara li jistgħu jagħmlu tista’ tibqaʾ għal dejjem. Għalhekk li konvinta aktar minn qatt qabel li minkejja l-attakki kollha LEAD qiegħed hawn biex jibqa’ għaliex għandna bżonn nisa daqs kemm għandna bzonn irġiel fil-politika u ħadd mill-Partit Nazzjonalista m’hu se jaqtgħalna qalbna.

 

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com