Kulħadd : It-tfal fiċ-ċentru ta’ riforma Edukattiva

Kulħadd : It-tfal fiċ-ċentru ta’ riforma Edukattiva

Mill-2010 sal-lum iggradwaw aktar minn 1,800 student bħala għalliem u għalliema. 272 student ieħor bħalissa għaddejjin bl-istudji tagħhom biex jingħaqdu f´din il-professjoni, li ċertament hija vokazzjoni.

Flimkien ma’ LSAs u edukaturi oħra, dawn huma individwi li qed jiddedikaw ħajjithom biex it-tfal tagħna, għada pitgħada, jkunu wkoll jistgħu jsibu x-xogħol li jixirqilhom. Fuq kollox, dawn huma l-persuni li qed jilgħabu rwol importanti biex it-tfal tagħna jitilgħu bħalha ċittadini eżemplari, b’kuxjenza lejn l-ambjent ta’ madwarhom u b’rispett lejn is-soċjetà.

Dan ifisser żewġ affarijiet importanti: li bħalha ġenituri u bħalha adulti responsabbli mit-tfal tagħna nifhmu l-importanza li nirrispettaw lill-għalliema u lill-edukaturi; u l-għalliema u l-edukaturi jifhmu r-responsabiltà li għandhom. U jien ċerta li fil-maġġoranza tad-drabi, kulħadd jirrikonoxxi din ir-realtà. Il-problema hija meta jkollok il-minoranza li ma tħaddanx din ir-realtà u l-konsegwenzi jkunu ferm ikbar.

Kemm-il darba smajna għalliema jgħidu li mhumiex rispettati jew apprezzati? Kemm-il darba smajna b’każijiet ta’ bullying li kważi jwaħħxuk? Huwa importanti li aħna bħalha ġenituri nagħtu l-eżempju u ninsistu mat-tfal tagħna li rridu nirrispettaw lill-għalliema.

Jiena nittama li l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-għalliema jikkontribwixxi b’mod aktar pożittiv għall-karriera tal-għalliema tagħna. Dan il-ftehim, li mistenni joffri lill-għalliema mhux biss żieda fis-salarji imma wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, jaf ikun il-pass meħtieġ ʾil quddiem biex ukoll l-għalliema jgħarrfu li s-soċjetà Maltija hija grata għax-xogħol li jagħmlu. U għalhekk huwa tassew pożittiv meta nisma’ lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, li n-nuqqasijiet fis-salarji ġew indirizzati.

Meta qrajt dwar id-deċiżjoni li assessjar kontinwu tal-istudenti se jieħu post l-eżamijiet ta’ nofs is-sena, ħassejt li din kienet deċiżjoni tajba. Nafu kemm it-tfal diġà qed ngħabbuhom b’suġġetti x’jistudjaw, homework, xogħol li jagħmlu waqt il-klassi, privatijiet u aktar u allura nemmen li tneħħija tal-eżamijiet ta’ nofs is-sena jagħti nifs lill-istudenti.

 

Bħalma l-affarijiet jevolvu u jinbiddlu kontinwament, huwa bix-xieraq li l-aktar qasam li għandu jżomm ruħu aġġornat ma’ dan it-tibdil u jevolvi maż-żminijiet huwa propju l-qasam tal-edukazzjoni.

 

L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta li twitti t-triq għal futur stabbli u hawnhekk mhux qed nirreferi biss għall-kotba. Meta nitkellmu dwar il-ħtieġa li l-istudenti tagħna jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom, inkunu wkoll qed nirreferu għall-istudenti li jagħżlu suġġetti vokazzjonali u applikati.

 

Spiċċa ż-żmien tal-“one size fits all”, fejn inġegħlu lill-istudenti kollha jistudjaw bl-istess mod, jew li jkomplu fid-direzzjoni tal-istess karrieri sakemm imbagħad nduru fuqhom u ngħidulhom jaqbdu triq oħra. Rajnieha tiġri tul is-snin fejn spiċċajna b’ħafna studenti jiggradwaw f’oqsma partikolari biex imbagħad oqsma oħra jaqgħu lura.

 

Spiċċa wkoll iż-żmien li nħarsu lejn l-edukazzjoni bħalha xi forma ta’ reġiment fejn it-tfal poġġew wara l-bank tal-iskola fejn l-għan ikun preparazzjoni għal eżami wara eżami. Huwa importanti li nħarsu lejn l-edukazzjoni bħalha l-għodda li tgħin lit-tfal jiżviluppaw b’mod holistiku. Dan ifisser li filwaqt li niżguraw lit-tfal, iva jkollhom bażi akkademika tajba, naraw li tingħatalhom l-opportunità li jimirħu f´oqsma li jkompli jkabbar it-talent li jħaddnu.

 

L-iskola mhux qiegħda hemm biss għall-edukazzjoni formali imma wkoll biex it-tfal jitgħallmu social skills: kif imorru mal-oħrajn, kif jirrisolvu xi konflitt li jkollhom; u skills oħra li jgħinuhom kif jikkomunikaw ahjar; kif jesprimu lilhom infushom.

 

Il-qofol tal-edukazzjoni għandu jkun dak li jinkoraġġixxi lill-istudenti jkunu ħassieba: li jaħsbu b’moħħhom u mhux jitgħallmu bl-amment dak li hemm fuq il-karta. L-appell tiegħi huwa li ma noħonqux il-kreattività tat-tfal li għandhom l-abbiltà li jħarsu lejn id-dinja minn lenti kompletament differenti.

 

 

 

 

 

 

 

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com