Prijorita’ Malta Dejjem

Prijorita’ Malta Dejjem

Tliet snin ilu kont ibbażajt il-kampanja tiegħi għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fuq l-għajta ta’ Prijorità Malta. Kont nemmen dak iż-żmien kif għadni nemmen illum il-ġurnata u kif nibqa nemmen dejjem, li l-ewwel interess tiegħi bħala MEP hu li nirrappreżenta bl-aqwa mod li nista’ liċ-ċittadini li nirrapreżenta u lil pajjiżi.

Dan imur lilhinn mill-politika partiġġjana. Niftakar li l-predeċessuri tiegħi li kienu jirrappreżentaw lill-Partit Laburista meta kien għadu fl-Oppożizzjoni kienu għamlu l-istess, minkejja li setgħu kieku riedu jfixklu l-ħidma tal-gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi.

Waqt il-kampanja elettorali tal-2014 kien hemm min qalli li ‘Prijorità Malta’ kien biss slogan għaliex fl-aħħar mill-aħħar kull MEP se jġib l-interess nazzjonali quddiem għajnejh. Naħseb qatt daqs l-aħħar ġimgħat u xhur ma kien evidenti li dan mhux il-każ mill-MEPs li jirrappreżentaw il-Partit Nazzjonalista.

Mill-bidu nett ta’ din il-leġislatura, l-MEPs Nazzjonalisti ħadu kull okkażjoni biex litteralment jugżaw lil Malta u jieħdu issues nazzjonali u lokali għall-iskrutinju tal-istituzzjonijiet Ewropej. Kieku għamlu dan għax imnebbħa mill-interess nazzjonali, kien ikollhom kull dritt, iżda għamlu dan biss għall- vantaġġ partiġġjan li bdew jaħsbu li jistgħu jiggwadanjaw.

Li ma rax il-Partit Nazzjonalista kien li sfortunatament bl-attitudni tiegħu f’okkażjoni waħda wara l-oħra ma kienx qed jagħmel ħsara lill-Partit Laburista biss imma l-akbar ħsara kien qed jagħmilha lill-pajjiżna, lill-ekonomija u lill-ħaddiema tagħna.

Ghamlu dan bit-tenttativi kontinwi taghhom dwar il-programm taċ-ċittadinanza, iżda meta l-Kummissjoni Ewropea tat lil Gvern Laburista l-approvazzjoni tagħha, rapprezentanti tal-Partit Nazzjonalista stess bdew jaghmlu l-flus minn dan il-programm permezz tad-ditti legali taghhom.

Pruvaw iwaqqfu l-pjanijiet tal-gvern għal qalba tal-enerġija għal gas b’petizzjoni fil-Parlament Ewropew stess, qabel ma rrealizzaw li l-istess Unjoni Ewropea kienet qed timbotta biex kull pajjiż ikollu strateġija li tippromwovi l-użu tal-gas LNG.

Komplew b’kummenti negattivi u dispreggativi dwar is-smiegħ ta’ Karmenu Vella għal Kummissarju. Ħadmu kontra n-nomini ta’ Malta għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kemm rigward Toni Abela kif ukoll Leo Brincat. U ħaduha kontra Juncker u l-Kummissjoni Ewropea għax ġew Malta u ma tkellmux fuq it-temi li riedu huma.

Komplew bil-kritika tagħhom fil-bidu tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill, waqt laqghat tal-kumitati tal-Ġustizzja u l-Intern, fil-kumitat tal-impjiegi. fil-kumitat tal-Enerġija u dak tal-Kultura fost l-oħrajn. U fl-aħħar jiem, kienu huma li mbuttaw dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar il-prinċipju legali tad-dritt u l-governanza f’Malta. Għalijja min verament iħobb lil pajjiżu ma jaġixxix hekk.

Din hija differenza kruċjali li tiddistingwi bejn l-MEPs Nazzjonalisti u l-MEPs Laburisti. Għalija, l-Ewropa hi l-post fejn nista naħdem biex ċittadini Maltin ikunu trattati daqs dawk Ewropej mingħajr diskriminazzjoni, tfisser li nimbotta politika li ttejjeb is-saħħa taċ-ċittadini, li jkollna ambjent tassew b’saħħtu, u arja nadifa. Għalijja l-Parlament Ewropew hu l-għodda biex nassigura Ewropa soċjali li taħseb fil-ħaddiem u fil-batut u ma tħalli lil ħadd warajja. Tfisser ħafna affarijiet iżda żgur mhux estenzjoni tal-politika partiġġjana.

Jien se nibqa’ npoġġi lil Malta bħala prijorita’ f’kull vot li ħadt, f’kull diskors li għamilt, u f’kull rapport li nikteb. Għaliex fl-aħħar mill-aħħar jien nemmen li qabel jien MEP Laburista jien MEP Maltija, u ċerta li meta jiġi l-waqt ħa mmur quddiem l-elettorat b’wiċċi minn quddiem. Għaliex l-elettorat, kif għamel fit-3 ta’ Ġunju, jaf jiġġudika waħdu min tassew għandu għal qalbu lil pajjiżu.

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com