Rebħa li tfisser ħafna favur studenti b’awtiżmu

Rebħa li tfisser ħafna favur studenti b’awtiżmu

Personalment kienet ġimgħa sabiħa ħafna għalijja, wara li ġejt rikonoxxuta bħala MEP tas-Sena għas-Saħħa Pubblika ġejt identifikata wkoll bħala t-tieni l-aktar MEP influwenti fil-qasam ambjentali Ewropew.

Imma jkolli nammetti li l-aktar żvilupp li kien ta’ sodisfazzjon din il-ġimgħa kienet l-aħbar li l-Università ta’ Malta ddeċidiet li temenda l-policies tagħha biex tiffaċilita d-dħul ta’ studenti b’awtiżmu u studenti li jbatu minn diffikultajiet ta’ tagħlim oħra li ma jkollhomx xi kwalifiki propju minħabba l-kundizzjoni tagħhom.

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li wara xhur twal inqajmu kuxjenza dwar dan l-aspett, tara l-akbar istituzzjoni edukattiva f’pajjiżna taġixxi u ttemm din l-inġustizzja.

Hawnhekk qed nitkellmu dwar studenti li huma kapaċissimi. Mhux qed nitkellmu dwar studenti li mhux kapaċi jimxu ‘l quddiem. Anzi, dawn huma studenti li minħabba l-awtiżmu, pereżempju jsibu problema biex iħaddmu lingwi differenti u minflok iħaddmu lingwa waħda, fejn ġeneralment jitgħallmu l-Ingliż iżda jsibu diffikultà biex jitgħallmu l-Malti fl-istess ħin. Dan meta ċertifikat fil-lingwa mhux bżonnjuż għal kors li huma xtaqu jaqbdu.

Jew pereżempju kellek studenti li kienu qed isibu diffikultà fil-matematika, meta dan is-suġġett ma kellhomx bżonnu għal kors Universitarju tagħhom. Dan kien qed iwassal biex dawn l-istudenti jsibu diffikultajiet biex javvanzaw fl-edukazzjoni post-sekondarja minħabba r-rekwiżiti tal-Università mingħajr ma nsemmi l-frustrazzjoni kbira li din is-sitwazzjoni kienet qed iġġib maghhom.

Id-deċiżjoni tal-Università f’dan ir-rigward, li issa se tibda tanalizza l-kazi individwalment, hija  pass importanti ‘l quddiem. Hawnhekk ma nistax ma nirringrazzjax lit-tmexxija l-ġdida tal-Università ta’ Malta għaliex ħadu deċiżjoni responsabbli favur l-inklussivita’ u aktar ekwita. Hu pożittiv li dawn il-valuri mhux biss jiġu ppridkati iżda wkoll qed jiġu prattikati.

Dawn l-istudenti issa huma pass eqreb li jwettqu l-ħolm tagħhom mingħajr ebda ostakli żejda. B’din id-deċiżjoni, ingħataw sinjal li bid-determinazzjoni u l-għaqal tagħhom jistgħu jgħelbu d-diffikultajiet li jistgħu isibu. Fuq kollox, intbagħatilhom messaġġ li m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor u li jistgħu ikomplu jaħdmu għal dak li jixtiequ.

Bla dubju din tista tiġi kkunsidrata bħala rebħa importanti favur dawn l-istudenti u l-ġenituri tagħhom li ilhom zmien twil jitkellmu dwar il-problemi li qed jiltaqgħu magħhom. Ħdimt magħhom id f’id għal dawn l-aħħar xhur u bqajt impressjonata mhux biss bl-isfidi li dawn ikollhom jaffaċċjaw ta’ kuljum, iżda wkoll bid-determinazzjoni tagħhom li jgħelbuhom. U għalhekk naf kemm din id-deċiżjoni tal-università kienet tfisser għalihom.

Wasalna? Le altru min hekk. Anzi nemmen li għad fadal ħafna aktar xi jsir. Sfidi hemm ħafna, irridu nidentifikawhom u nindirizzawhom. Għalhekk ħa nibqa’ nippersisti favur aċċessibbilità akbar għall-edukazzjoni għall-istudenti kollha li għandhom il-potenzjal li jimxu ‘l quddiem.

Ha nibqa’ nippersisti biex nagħtu lil genituri ta’ tfal b’awtizmu firxa aktar wiesa’ ta’ terapija, anke dik innovattiva. Ħa nkompli naħdem biex ikollna mezzi li jiskopru l-kundizzjoni tal-awtiżmu aktar kmieni. Ħa nissokta nqajjem aktar kuxjenza kontra l-istigma li nsibu fuq tfal awtistiċi. U fl-aħħar u mhux l-inqas, ħa nibqa’ nsemma leħni favur il-bżonn ta’ strateġija Ewropea li tindirizza dawn il-problemi b’mod ħolistiku u toffri l-appoġġ adekwat u s-sostenn meħtieġ, kif ghamilt fl-ahhar jiem.

Dan hu dak li nemmen fih u konvinta li bl-isforz kollettiv tagħna lkoll flimkien, nistgħu naslu.

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com