Soċjetà Ġusta – Kulħadd

Soċjetà Ġusta – Kulħadd

F´dawn l-aħħar jiem Malta sellmet lill-attivist soċjalist Charles Miceli, persuna altruista li tant ħadem għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija.

 

Miceli kien il-vuċi tal-fqir, jaħdem mal-aktar batut, joffri l-għajnuna tiegħu lill-persuni li jbatu minn problemi tas-saħħa mentali u emozzjonali u ħadem mill-viċin ma’ priġunieri.

 

Kulħadd jaqbel li Miceli kien il-vuċi tal-kuxjenza li ta´ kuljum ifakkarna li s-soċjetà ma timxix ´il quddiem jekk xi ħadd minnha jibqa´ lura.

 

Jekk verament irrid nonoraw il-memorja taʾ Miceli, għandna nagħmlu ħilitna biex inkomplu nibnu u naħdmu għal dak li kien jemmen fih Miceli, li l-prijorità tiegħu kienet dik ta’ soċjetà ġusta.

 

Biex inkomplu neliminaw il-faqar minn pajjiżna rridu nkomplu naħdmu favur miżuri li jgħinu lill-familji li jinsabu fir-riskju tal-faqar u naħdmu biex dawk li jinsabu fil-faqar joħorġu minnu. Dan il-Gvern qabad it-triq it-tajba meta għażel li jindirizza dan u ħadem biex jinċentiva lin-nies li jaħdmu filwaqt li bil-mod il-mod jgħinhom ma jibqgħux dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.

 

Ir-realtà iżda hi li tagħmel kemm tagħmel qatt m’hu biżżejjed. Dejjem se jkun hemm faqar ġdid u dejjem se jkun hemm realtajiet ġodda li jwasslu għal-faqar u li jridu jiġu ndirizzati. Meta nitkellmu dwar faqar, qed nitkellmu dwar individwi u mhux dwar numri.

 

Huwa tajjeb li nħarsu lejn l-avvanzi li għamilna – fosthom l-istatistika maħruġa mill-Eurostat li turi kif in-numru taʾ tfal li jghixu fi djar fir-riskju taʾ faqar jew esklużjoni soċjali naqqsu minn 24,000 fl-2013 għal 18,000 fl-2016. Imma dawn in-numri għandhom jixrpunawna biex naħdmu aktar.

 

Tnaqqis fit-taxxi, żieda fil-pensjonijiet u għajnuna biex ġenituri jkomplu jaħdmu kienu kollha miżuri effettivi li għinu lill-ħafna familji joħorġu mir-riskju tal-faqar. Iżda fadal aktar x nagħmlu hekk kif l-akbar sfida li għandna bħalissa hija dik dwar il-kirjiet. Infatti, hekk kif il-Gvern qed jaħdem fuq proposti għal suq aktar ġust, Miceli – bħalha rappreżentant tal-Alleanza Kontra l-Faqar – kien qed jagħti wkoll il-kontribut tiegħu permezz taʾ numru taʾ proposti kif dan il-għan jistaʾ jintlaħaq.

 

Il-ħames snin li għaddew kienu ħames snin ta´ suċċess ekonomiku. Issa rridu nkomplu naħdmu biex nimbuttaw ʾil quddiem miżuri u policies li joffru liċ-ċittadini tagħna kwalità ta´ ħajja aħjar – mhux biss finanzjarja imma li l-familji tagħna jgħixu fid-dinjita li tixraqilhom f´ambjent b´saħħtu.

 

Bi kwalità ta’ ħajja aħjar mhux qed nirreferi biss għal aktar flus fil-but imma dwar il-ħtieġa li nindirizzaw b’mod sostennibli l-infrastruttura għall-popolazzjoni li qiegħda kulma jmur dejjem tikber; irridu nagħtu lill-familji tagħna l-ispazju biex igawdu ħafna aktar ħin ta’ kwalità flimkien, anke fi spazji miftuħa. Il-ħajja mgħaġġla tal-llum qed iġġib magħha pressjonijiet kbar fuq il-familja mingħajr ma neċessarjament jintlaħaq il-bilanċ bejn il-ħajja personali u dik professjonali.

 

Li jkollna aktar spazji miftuħa mhux biss mezz ta’ kif nindirizzaw il-konġestjoni tal-bini imma wkoll huwa ħolqien ta’ spazju li fih iċ-ċittadini ta’ pajjiżna jkollhom fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom fil-miftuħ. Bl-ispazji miftuħa nkunu wkoll qed naħdmu biex innaqqsu l-konġestjoni tal-arja. Għandna pajjiż sabiħ u rridu naċċertaw ruħna li nibqgħu inżommu sabiħ. Għalhekk li hemm bżonn ukoll ta’ linji gwida aktar ċari li jħarsu l-estetika tal-bini tagħna u jiggwidaw il-mod kif nibnu.

 

Wara li dan il-Gvern mhux biss inċentiva l-privat u l-konsumaturi biex ikunu huma l-mutur tat-tkabbir ekonomiku li reġa’ ħa spinta l-quddiem taħt Gvern Laburista wara snin ta’ staġnar, issa wasal iż-żmien li nkomplu ninvestu f’niċeċ ġodda, bħalma huma s-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li naħtfu opportunitajiet ġodda fejn tidħol it-teknoloġija.

 

Jekk verament nemmnu f’soċjetà ġusta ma nistgħux nieqfu nisimgħu liż-żgħir. Jekk nemmnu f’soċjetà ġusta rridu nkomplu naħdmu permezz ta’ politika maħduma minn isfel għal fuq u li niftakru li kull deċiżjoni li nieħdu, tkun f´liema qasam tkun, ikollha impatt fuq kull wieħed u waħda minnha, ġejjin minn fejn ġejjin u sejrin fejn sejrin.

 

 

 

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com