Torca : Lil Hinn mid-Dibattitu fil-Parlament Ewropew

Torca : Lil Hinn mid-Dibattitu fil-Parlament Ewropew

It-Tlieta li għadda fil-Parlament Ewropew kellu jkun hemm dibattitu dwar ir-rule of law f’Malta.  U ninsisti ‘kellu jkun hemm’, għax minflok ġie diskuss kif il-pajjiż allegatament qed jikser ir-rule of law, ittieħdet l-opportunitá biex għal darb’oħra l-attenzjoni tintefa’ fuq is-servizzi finanzjarji u s-sistema ta’ tassazzjoni ta’ pajjiżna.

 

Il-ħsieb wara dan id-dibattitu, u eventwalment ir-rizoluzzjoni li dwarha ttieħed vot l-għada, kien biex tingħata verżjoni waħda tal-fatti b’ħafna nofs veritajiet u f’ċertu każi allegazzjonijiet serjissimi.

 

Dan fl-istess ħin li l-Kummissjoni Ewropea diġa’ għamlitha ċara li mill-analiżi li għamlet ikkonfermat li f’Malta la tara theddid u lanqas ksur tar-rule of law.

 

L-isfortuna hi, li flok sar dibattitu oġġettiv li jiffoka fuq il-fatti kif inhuma f’pajjiżna, sar dibattitu fejn ġew mitfugħa flimkien, issues li huma distinti minn xulxin biex tingħata stampa għal kollox differenti ta’ pajjiżna, u li aħna bħala Maltin lanqas niddentifikaw ruħna magħha.

 

Kienet opportunitá ideali għal dawk li jħarsu lejn pajjiżna b’mod negattiv għax jaraw f’Malta kompetitur b’saħħtu fis-servizzi finanzjarji. Sfortunatament l-MPE tal-Partit Nazzjonalista ħatfu din l-opportunitá biex mingħalihom jagħmlu ħsara lill-Gvern Malti meta l-veritá hi li qed jagħmlu ħsara lill-pajjiż kollu kemm hu.

 

Madwar xahar ilu, seħħ il-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia li xxokkja lil ħafna u dan, ġustament, qajjem mistoqsijiet dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti.

 

Wiehed kien jistenna li quddiem każ serju bħal dan l-MPE tal-Partit Nazzjonalista u l-Partit tal-Popolari Ewropew kollu kemm hu kienu jivvutaw biex isaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti. U kellhom l-opportunitá li jagħmlu dan matul vot biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-whistleblowers u anke l-ġurnalisti. Imma ovvjament m’għamlux hekk u vvutaw kontra.

 

Huwa fatt, li l-Partit Nazzjonalista jagħmel minn kollox biex inessi l-fatt, li kien Gvern Laburista li daħħal numru ta’ liġijiet biex tissaħħaħ il-governanza u t-trasparenza. Dawn il-liġijiet daħlu f’erbgħa snin u Gvern Laburista għamel dak li gvernijiet Nazzjonalisti m’għamlux f’25 sena, minkejja li l-Unjoni Ewropea kienet tikkritikahom u tinsisti magħhom biex jintroduċu dawn il-liġijiet. Dawn il-liġijiet ivarjaw mill-liġi li tipproteġi lil min isaffar is-suffara fuq kazijiet ta’ korruzzjoni jew malamministrazzjoni, għal-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi, għal liġi ġdida tal-istampa.

 

Dan ma jfissirx li m’hemmx x’jinbidel jew x’jitranġa. Kif diġa’ għidt, hemm bzonn li niddiskutu bis-serjetá fejn irridu nirranġaw; naċċertaw ruħna li r-riformi Kostituzzjonali li rridu ndaħħlu, jidħlu u li jkunu effettivi u jagħmlu differenza. Irridu naċċertaw l-indipendenza tal-pulizija, tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u tal-ġudikatura. F’dan ir-rigward nilqa’ l-iżvilupp li sar fejn membri tal-ġudikatura issa qed ikunu appuntati wara li kumitat maħtur apposta, magħmul minn persuni li għandhom rwol kostituzzjonali, inkluż il-Prim Imħallef, flimkien mal-President tal-Kamra tal-Avukati, jevalwaw u jagħmlu rakomandazzjonijiet dwar dawn il-ħatriet.

 

Fuq kollox irridu nkomplu niġġieldu l-korruzzjoni bir-riformi li għandna ppjanati. U rridu nkunu sodi fid-deċiżjonijiet tagħna.

 

Bħalma nkunu sodi biex inkomplu niddefendu is-settur tas-servizzi finanzjarji, u nkomplu naraw x’regoli u liġijiet hemm bżonn indaħħlu biex insaħħu s-settur u naċċertaw trasparenza u kontabilitá.

 

Kien il-kumitat PANA tal-Parlament Ewropew stess li kkonferma li s-sistema tat-taxxa Maltija hija konformi mal-istandards internazzjonali u Ewropej. Fejn jidħlu t-trasparenza, il-ġlieda kontra l-frodi u l-ħasil ta’ flus, kien l-istess kumitat li kkonferma li Malta daħħlet fis-seħħ ir-regoli tal-Unjoni Ewropea u tal-OECD (Organisation for Economic Co-operation and Development).

 

Imma f’dinja li qiegħda dejjem tiżviluppa, l-istess iridu jagħmlu r-regoli u liġijiet. Ir-realtá hi li s-settur tat-tassazzjoni jevolvi l-ħin kollu u rridu nkunu proattivi – u mhux reattivi – għal dan it-tibdil.

 

Nemmen li minkejja l-attakki min-naħa tal-Partit Nazzjonalista huwa biss Gvern Laburista li jista’ jiggarantixxi li dawn l-affarijiet jidħlu fis-seħħ għal ġid tal-pajjiż.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

HTML Snippets Powered By : XYZScripts.com