Roberta Metsola u David Casa għal darb’oħra għażlu li jaqbżu għall-pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-Bulgarija, iżda qed jibqgħu jinsistu li jagħmlu l-ħsara lil Malta u minflok jagħmlu dak li l-poplu eliġġihom biex jagħmlu, qed jibqgħu jikkundannaw lil pajjiżna sempliċiment biex tipprova ssir ħsara politika. F’dan kollu Bernard Grech huwa kompliċi – il-fatt li bil-barka tiegħu sar dan kollu, juri dejjem il-kompliċità ma’ min qed jipprova jagħmel il-ħsara lil Malta.

 

Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli u d-Deputat Ian Castaldi Paris.

 

Id-Deputat Ian Castaldi Paris nnotta id-difiża qawwija ta’ Metsola u Casa quddiem din ir-riżoluzzjoni. Difiża fejn fiha Metsola ressqet xejn inqas minn 33 emenda bil-għan li ttaffi mill-qawwa tad-diskors użat fir-riżoluzzjoni fil-konfront tal-Bulgarija. Sabiex umbgħad kemm Metsola u Casa vvutaw kontra r-rapport fil-konfront tal-Bulgarija.

 

“Din hija xi ħaġa li tweġġa’ lill-pajjiż. Xi ħaġa li tweġġa’ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha għaliex wara kollox aħna kburin li aħna Maltin. Peró ma nistaġibx li għandha żewġ esponenti li jimxu b’dan il-mod. Jekk il-Kap tagħhom stess Bernard Grech jistħi jgħid li huwa Malti mhux ta’ b’xejn li barra minn xtutna dawk in-nies tal-Oppożizzjoni li suppost jaqbżu għal pajjiżna mhux qed jagħmlu dan,” qal id-Deputat Castaldi Paris.

 

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet kif din il-ġimgħa l-poplu Malti ra verament id-differenza fl-attitudnijiet lejn is-saltna tad-dritt u r-rule of law bejn iż-żewġ Partiti. Dan joħroġ ċar kristall meta tqabbel l-aġir tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista mal-kliem ta’ tifħir lill-Gvern Malti mill-Kummissjoni Venezja din il-ġimgħa stess, dwar ir-riformi favur is-saltna tad-dritt li saru f’pajjiżna.

 

“L-ipokrezija mhijiex aċċettabbli u jekk verament l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista jemmnu fid-demokrazija u fir-rule of law jridu juru bl-iktar mod car li jemmnu f’dawn l-affarijiet kullimkien u ma’ kull pajjiż. S’issa li rajna mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista huwa li jikkritikaw u jivvutaw kontra Malta imma jaqbżu u jivvutaw favur pajjiżi li ġejjin mill-istess familja politika tagħhom.”

 

Dan kollu jpoġġi responsabilità  fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech hekk kif dan kollu qed isir bil-barka tiegħu u allura qed jaqbel miegħu;

 

Huwa veru li huwa stess stqarr li huwa jistħi li huwa Malti, iżda dikjarazzjoni bħal dik ma tagħtihx id-dritta biex jaħdem kontra Malta.