L-istrateġija kontra l-kanċer, kwistjonijiet soċjali jiddominaw it-taħdidiet bejn Miriam Dalli u l-Kummissarji Ewropej
Il-MPE Laburista Miriam Dalli f’laqgħat bilaterali mal-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans u l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides.

Il-Green Deal Ewropew, il-protezzjoni soċjali, l-adattament tal-industrija għall-miri stabbiliti relatati mal-klima, l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-kanċer u l-aċċess għal medikazzjoni affordabbli iddominaw taħditiet bejn il-
MPE Miriam Dalli u il-Kummissarji Ewropej Frans Timmermans u Stella Kyriakides.

Fi Strasburgu, Miriam Dalli kellha laqgħat bilaterali maż-żewġ Kummissarji. Il-laqgħat koprew materji li huma ta’ prijorità fl-aġenda tagħha għal dan il-mandat, b’impatt dirett fuq iċ-ċittadini Maltin u Ewropej.  Biex inkomplu nsostnu t-tkabbir ekonomiku, irridu nimmiraw lejn is-sostenibbiltà fis-setturi kollha, u biex dan iseħħ, hemm bżonn li jsir investiment.

F’laqgħat ma’ kumpaniji u trade unions Maltin, rajt ir-rieda li nimxu f’din id-direzzjoni. Iżda biex inkomplu navvanzaw, hemm bżonn l-appoġġ ta’ kulħadd, u se nkompli naħdem lejn dan il-għan. Irridu niżguraw li l-impjiegi tal-ħaddiema huma mħarsa, billi niżguraw li l-ħaddiema tagħna għandhom il-ħiliet meħtieġa, pagi denji u kundizzjonijiet tajba tax-xogħol,” qalet il-MPE tal-Partit Laburista.

Fil-laqgħa tagħha mal-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans, Miriam Dalli insistiet li kwalunkwe negozjar dwar il-Green Deal Ewropew għandu jirrispetta l-aspetti soċjali kollha. Flimkien qabblu li t-Tranżizzjoni Ġusta trid
tqis ir-realtajiet tal-pajjiżi kollha, filwaqt li taħdem lejn bidla fi ħdan l-UE favur is-sostenibilità. Fost is-suġġetti diskussi, kien hemm is-sigurtà tal-enerġija, iż-żieda fl-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, investiment infrastrutturali u l-ħolqien tal-impjiegi f’Malta.

F’laqgħa separata mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides, Miriam Dalli iddiskutiet l-strateġija ambizzjuża kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea u l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċina. Kien hemm qbil bejniethom li l-kura għanda tkun prijorità, speċjalment fejn jidħlu in-nuqqas ta’ mediċina, l-aċċessibilità u prezzijiet.

Jeżistu sitwazzjonijiet fejn pazjenti ma għandhomx aċċess għall-mediċini f’pajjiżhom. Xi drabi r-raġuni hi li s-swieq żgħar mhumiex finanzjarjament vijabbli għal ċertu produtturi farmaċewtiċi. Dan qed iseħħ f’pajjiżi bħal Malta wkoll. Din is-sitwazzjoni trid tiġi indirizzata b’mod urġenti,” qalet Dalli. Dalli, li reċentement inħatret Viċi-President tal-MEPs Kontra l-Kanċer, laqgħet id-direzzjoni li se tkun qed tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza suġġetti bħall-prevenzjoni, il-proċess ta’ dijanjosi, il-kura u l-ħarsien li jkun hemm bżonn wara l-kura.