Fl-ewwel ġimgħat minn meta faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus fl-Ewropa, il-pajjiżi differenti bdew jaqdfu għal rashom minflok jgħinu lil xulxin. Wara ftit ġimgħat kulħadd irrealizza li jekk kull pajjiż se jimxi waħdu, kien se jbati kulħadd, b’mod partikolari pajjiżi żgħar bħal tagħna.

 

Mill-bidu nett insistejt li hemm bżonn ta’ kordinazzjoni fuq livell Ewropew partikolarment biex l-ebda pajjiż ma jaqa’ lura. Issa, l-Unjoni Ewropea trid tagħmel tajjeb għad-dewmien li ħadet biex tirrispondi għall-imxija tal-coronavirus u biex issa tgħin lill-pajjiżi, inkluż Malta.

 

Ħadt din il-pożizzjoni f’kull laqgħa u dibattitu li kelli fil-Parlament Ewropew. Anke’ matul din il-ġimgħa stess, hekk kif għat-tieni darba tlaqqa’ l-Parlament Ewropew b’mod virtwali. Kellna jumejn ta’ voti, fejn fost oħrajn ivvutajna biex aktar minn €3 biljun imorru favur miżuri li għandhom isaħħu s-settur tas-saħħa Ewropew. Fost oħrajn, dawn il-flus għandhom jgħinu wkoll biex il-pajjiżi ma jinqabdux mingħajr tagħmir protettiv u mingħajr tagħmir mediku.

 

Dawn il-fondi se jmorru wkoll biex il-pajjiżi jiffinanzjaw titjiriet ta’ ripatrizzjoni, bħalma qed tagħmel Malta biex tgħin lill-Maltin jiġu lura.

 

Punt kardinali għalijja huwa li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura. Din kienet waħda mill-prinċipji li ggwidat ix-xogħol li għamilna fit-task force tas-Soċjal Demokratiċi. Għall-pajjiż żgħir bħal Malta, ix-xiri konġunt ta’ tagħmir mediku u protettiv huwa importantissimu. Qed ninsisti wkoll li għandu japplika għat-tilqima tal-COVID19, meta din issir disponibbli. Dan qed nagħmlu għax ma rridx li niġu f’sitwazzjoni fejn pajjiżi akbar ikollhom saħħa akbar minn tagħna meta jmorru biex jinnegozzjaw waħedhom u pajjiżi żgħar bħal tagħna jispiċċaw jaqgħu lura.

 

F’riżoluzzjoni li vvutajna dwarha matul il-Ħamis u l-Ġimgħa, insistejna dwar miżuri li għandhom jgħinu lis-setturi milquta, u dwar protezzjoni għal ħaddiema, għall-SMEs u s-sidien ta’ negozji, iżda fuq kollox il-familji, l-anzjani u persuni vulnerabbli.

 

Is-Suq Intern huwa wkoll milqut minn din il-pandemija, minħabba r-restrizzjonijiet li ġew imposti minn pajjiżi differenti. Għalhekk, li fil-Parlament Ewropew qed ninsistu biex jibqgħu miftuħa rotot biex prodotti essenzjali bħal mediċina, tagħmir protettiv, ikel u affarijiet essenzjali oħra jaslu f’kull rokna tal-Unjoni Ewropea.

 

Din kienet il-ġimgħa fejn l-immigrazzjoni telgħet ħafna fuq l-agenda. Matul dawn il-ġimgħat u fil-ġranet li ġejjin se nibqa’ b’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet Maltin, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropeja biex naċċertaw ruħna li tinstab soluzzjoni. Malta dejjem imxiet mal-obbligi internazzjonali tagħha u l-Forzi Armati ta’ Malta għadhom sal-llum jikkordinaw salvataġġ. L-istqarrijiet u l-voti tiegħi dejjem irriflettew dan il-fatt u rridu noqgħodu attenti minn min jagħti impressjoni oħra.