Għaddiet ġimgħa oħra fejn bqajna għaddejjin bil-ħidma tagħna fil-Parlament Ewropew minn Malta. Bħal ma nagħmlu dejjem rajna li nwasslu messaġġ b’saħħtu dwar dak li huwa importanti ghal pajjiżna.

 

Kienet ġimgħa fejn kelli laqgħa ma’ tlett Kummissarji Ewropej differenti: Frans Timmermans, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissarju Ylva Johansson responsabbli mill-immigrazzjoni, u l-Kummissarju Thierry Breton responsabbli mis-Suq Intern.

 

Fil-laqgħa bilaterali mal-Kummissarju Ylva Johansson iddiskutejna s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni f’pajjiżna. Kont ċara li Malta dejjem għamlet il-parti tagħha u issa jmiss lill-pajjiżi l-oħra biex jagħmlu l-parti tagħhom u huma wkoll jimxu mal-obbligi internazzjonali tagħhom. Insistejt, li l-Kummissjoni Ewropea trid tipprovdi fondi biex timmaniġġja r-rotot migratorji li ġejjin mil-Libja u tuża l-għoddod kollha tagħha biex persuni li m’humiex intitolati għall-protezzjoni jintbgħatu lura pajjizhom filwaqt li jkun hemm ġlieda b’saħħitha kontra t-traffikanti tan-nies.

 

Din il-ġimgħa tkellem miegħi anzjan dwar il-prezzijiet ta’ ċertu medicini li qalli li minn kemm ilha li faqqgħet il-pandemija għolew. Din kienet waħda mill-issues li iddiskutejt dwarha mal-Kummissarju Ewropew Thierry Breton. B’reazzjoni għal dan Breton qal li biex ikun assigurat kontroll, il-firxa sħiħa ta’ attivitajiet farmaċewtiċi meħtieġa għandhom ikunu bbażati fl-Ewropa. Dwar dan hemm diskussjonijiet għaddejjin diġa ma’ numru ta’ kumpaniji. Tkellimt miegħu ukoll dwar il-qasam tat-turiżmu, li hu fost l-aktar setturi milquta u fejn għandek ħafna SMEs żgħar li ma jistgħux joqgħodu jinħlew f’ħafna burokrazija żejda imma għandhom bżonn t’għajnuna diretta.

 

Mal-Viċi President Frans Timmermans tkellimna dwar il-pjan ta’ rkupru ekonomiku Ewropew, li bħalissa qed naħdmu fuqu bhala Soċjal Demokratiċi. Qbilna illi l-pandemija m’għandhiex titfa’ lura l-pjanijiet li hemm biex l-ekonomija timxi fuq rotta sostenibbli fejn nindirizzaw il-prekarjat u ma tkomplix issir aktar ħsara lill-ambjent.

 

Għalkemm aħna Membri Parlamentari Ewropej, ix-xogħol tagħna għandu impatt anke’ lokalment. Din il-ġimgħa stess għamilt laqgħa ma’ numru ta’ ministeri u entitajiet biex naraw kif nistgħu ngħinu aktar lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Ħriġna bl-idea ta’ assistenza legali bla ħlas għall-vittmi ta’ vjolenza domestika. Huwa amirevoli l-mod kif il-Ministru Edward Zammit Lewis flimkien mas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar f’temp ta’ 24 siegħa biss raw li jimplimentaw din l-idea biex verament inkunu qed ngħinu lill-vittmi f’mument tant delikat għalihom.