Mill-Parlament Ewropew

Frażi li qed tintuża ta’ spiss f’taħdidiet ekonomiċi u ambjentali hija green recovery, li tirreferi għal pjan ta’ irkupru ekonomiku Ewropew li jħares lejn it-tkabbir ekonomiku u soċjali. Pjan li huwa intiz li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent filwaqt li jkun sostenibbli. Dan qed jissemma mhux biss minħabba l-impatt tal-pandemija COVID-19, iżda wkoll għaliex irridu naċċertaw ruhna li jkollna mudell ekonomiku li jkun qed ihares s-sostenibilita’.

Bħala ambaxxatrici tal-Unjoni Ewropea dwar enerġija sostenibbli, din il-ġimgħa ndirizzajt konferenza mifruxa fuq numru ta’ jiem dwar kif il-pajjiżi Ewropej jistgħu jibbenefikaw minn investiment f’teknoloġiji aħjar. Il-qasam tal-enerġija għandu jimxi minn sussidji lil teknoloġiji li jħammġu għal sussidji favur teknoloġiji aktar inovattivi, li jistgħu jgħinu lill-ekonomiji u l-konsumaturi li fuq tul ta’ żmien jistgħu jgawdu minn roħs fl-ispiża li jagħmlu.

Din il-ġimgħa indirizzajt ukoll laqgħa tal-Partit Soċjalista Ewropew (PES) li ġabet flimkien lill-ministri tal-ambjent, inkluż il-Ministru Malti Aaron Farrugia. Jekk l-implimentazzjoni tal-Green Deal Ewropew ma tkunx waħda ambizzjuża, allura jfisser li nispiċċaw nirrepetu l-iżbalji tal-passat u jfisser ukoll li ma nkunux tgħallimna wisq mill-pandemija. Bħala Soċjal Demokratici nemmnu li rridu nkunu magħquda favur politika li tindirizza l-ambjent u l-klima. Mhux biss billi nqajmu aktar għarfien dwar dan iżda wkoll biex ikollna miżuri u liġijiet li verament jirriflettu din l-ambizzjoni.

Din il-ġimgħa kelli wkoll l-opportunità li nindirizza s-summit Nordiku tal-vetturi elettriċi (Nordic EV Summit) li seħħ f’Oslo, in-Norveġja. Dan huwa summit annwali, fejn is-sena l-oħra attendew għalih aktar minn 1,000 parteċipant minn 40 pajjiż madwar id-dinja. Din is-sena attendejt b’mod remot fejn qsamt il-ħsibijiet tiegħi dwar il-futur tal-mobilità. Il-mod ta’ fejn hi miexja din l-industrija hi opportunità tad-deheb biex nattiraw l-aħjar investimenti u noħolqu xogħolijiet ta’ kwalità anke’ f’pajjiżna stess. Minn dan kollu, grazzi għall-effiċjenza teknoloġika u kompetizzjoni b’saħħitha, jgawdu wkoll il-konsumaturi.

Diġa qed nara interess minn numru ta’ lokalitajiet favur mobilità sostenibbli, spazji miftuħa, smart cities u żoni urbani aktar ħodor. Din il-ġimgħa stess kelli laqgħa ma’ Mario Fava mill-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar il-pjanijiet innovattivi li għandhom numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, Interessanti kif għandna numru ta’ lokalitajiet li qed jistudjaw opportunitajiet biex inaqqsu l-użu tal-karozzi mill-qalba tal-bliet u rħula biex b’hekk ir-residenti ikollhom aċċess aktar sigur bil-mixi. Dawn l-ideat jistgħu jwasslu għal żoni aktar nodfa, nieqsa mit-tniġġiż u u aċċessibilità aħjar għall-anzjani fi ħdan il-lokalità.

Fost laqgħat oħra relatati mal-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew kelli laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ Facebook biex niddiskutu l-użu tal-media soċjali fil-ħajja ta’ kuljum, l-użu tal-intelliġenza artifiċjali f’oqsma differenti u l-protezzjoni ta’ min juza’ pjattaformi bħal Facebook. Fost is-suġġetti li ddiskutejna kien hemm ukoll it-tħassib ta’ ħafna li tkellmu miegħi dwar kif jistgħu jaċċertaw ruħhom li l-privatezza tagħhom tkun imħarsa ferm aktar.

Nieħu din l-opportunità biew nawguralkom il-festa l-pubblika t-tajba.