“Il-futur huwa llum!” Kemm-il darba smajniha? F’konferenzi, f’konvenzjonijiet u f’reklamar ta’ oġġetti u servizzi differenti, dejjem nisimgħu dwar kif il-futur tat-teknoloġija jinsab magħna; li l-globalizzazzjoni u l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp qed jgħinuna nużaw metodi ta’ ħidma li qabel lanqas biss konna noħolmu bihom.
Iżda xi drabi minkejja l-avvanzi l-kbar li nagħmlu, nispċċaw neħlu fuq l-affarijiet li tista’ tgħid huma l-aktar sempliċi. Li taħdem b’mod remot huwa eżempju tipiku. Hawn min għadu sal-ġurnata tal-llum isibha diffiċli biex jagħti l-opportunità lil min jaħdem miegħu jagħmel xogħolu jew xogħolha b’mod remot.
Sfortunatament, din hija ir-realtà li xi wħud qed jgħixu, għaliex minkejja dak li suppost tgħallimna fix-xhur li għaddew, għad għandna min jibża’ li l-ħaddiema tiegħu jaħdmu bit-teleworking. Mhux qed nitkellem dwar min jaħdem fil-fabbriki, jew fil-kostruzzjoni, jew fil-qasam tat-trasport jew fit-turiżmu fejn in-natura tax-xogħol titlob il-preżenza fiżika, imma hemm ħafna xogħolijiet oħra li jistgħu jsiru b’mod remot.
Ħafna drabi r-reżistenza tiġi minħabba nuqqas ta’ fiduċja minn min iħaddem jew jimmaniġġja lill-ħaddiema li jkollu fit-tim tiegħu. Wara kollox, nemmen li biex tkun ċert li l-ħaddiema qed jagħmlu xogħolhom, m’hemmx għalfejn tarhom bil-qiegħda fuq id-desk fl-uffiċċju. Għalija, l-importanti hu li x-xogħol li għandu jsir, isir. Biex tkun indirizzata din in-nuqass ta’ fiduċja, l-introduzzjoni ta’ KPIs (key performance indicators) tista’ tgħin biex tkun analizzata l-prestazzjoni tal-ħaddiema.
Hemm ħafna affarijiet li jistgħu isiru online. Ċertu servizzi li kumpaniji joffru, bħal bejgħ ta’ prodotti tal-ikel u xorb, jistgħu isiru online. Matul l-għeqqel tal-COVID, ħafna ħwienet u kumpaniji irrealizzaw li kellhom bżonn jaddattaw u jbiddlu l-business model tagħhom. Ħafna marru online u ħolqu siti elettroniċi u apps biex in-nies ikunu jistgħu jixtru b’mod aktar faċli u b’aċċessibilità akbar. Ħwienet tal-ikel u ristoranti bdew jipprovdu u jżidu s-servizzi online. Servizz bħal dan, li jien konvinta hawn ħafna jsibuħ komdu, għandu jiġi estiż anke’ għal dawk il-lokalitajiet li forsi sa’ issa ma kienux koperti minn dan is-servizz u jsir aktar flessibbli biex verament jaqdi lil kulħadd, anke’ lil min ikollu ordnijiet li forsi mhux daqshekk għoljin fl-ispiża. Nemmen li dawn huma affarijiet li jistgħu jiġu indirizzati aktar kemm ix-xiri online isir popolari.
Nemmen li din il-pandemija ġabet magħha opportunitajiet u mhux sfidi biss. Naħseb ħafna apprezzaw kemm l-arja nħasset aktar nadifa u kemm it-tniġġis naqas u l-fatt li ma kienx qed ikun hemm konġessjonijiet tat-traffiku jew kemm kellna aktar ħin mal-familja u t-tfal. Ma nixtiqx li dawn l-affarijiet li rnexxielna nbiddlu, nitilfuhom.
Bil-ħtieġa li ċ-ċittadini jżommu distanza soċjali minn xulxin, ix-xogħol remot sar aktar normali minn qatt qabel u dan forsi għen biex min iħaddem ma jibqax iħares lejn it-telework daqshekk bħala theddida, iżda bħala s-soluzzjoni biex ikompli bl-operat tiegħu. Maż-żmien, beda jirriżulta li ħaddiema xorta jistgħu jtellgħu x-xogħol minn fejn ikunu, minflok neċessarjament minn mal-iskrivanija fl-uffiċċju.
Irridu ngħidu kollox: id-distanza soċjali sfurzata ħolqot problema għal dawk l-organizzazzjonijiet li ma kinux lesti li jaħdmu b’mod remot. It-trasferiment ta’ negozju online ma jseħħx mil-llum għall-għada: mhux biss hemm software li jrid ikun installat u għoddod teknoloġiċi li jridu jinxtraw, iżda l-klijenti jridu jidraw dan il-metodu ta’ ħidma ġdida ukoll.
Dan ma jgħoddx biss għas-settur privat, imma għas-settur pubbliku ukoll. Nemmen li s-settur pubbliku jrid ikun l-ewwel wieħed li jibgħat messaġġ ċar.
Dan huwa suġġett li ma nistgħux inħalluh jorqod. Irridu naħdmu aktar dwaru u noħolqu aktar kuxjenza fuqu. Biex issir diskussjoni dwar dan, ingħaqadt mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, il-President tal-Kumitat tal-Mobilità Sostenibbli fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ Konrad Pule u l-Ing. Abigail Cutajar, Professjonista Akkreditata LEED fid-Disinn u l-Kostruzzjoni tal-Bini. Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru, organizzajna l-ewwel webinar dirett dwar Il-futur diġitali. Bit-tema ‘Teleworking u Servizzi Online’, għal dan is-seminar virtwali attendew mal-mitt parteċipant.
Fost dawk li attendew kien hemm il-Ministru Carmelo Abela, rappreżentanti mis-settur privat u dak pubbliku, li lkoll qasmu l-ħsibijiet tagħhom, eżempji ta’ prattiċi tajbin u ideat ta’ x’jista’ jsir u kif nistgħu nbiddlu l-affarijiet. Fost oħrajn intqal li l-fiduċja fil-ħaddiema hija essenzjali, flimkien mal-investiment biex isir it-teleworking u l-infrastuttura tajba biex jista’ jkun hemm moniteraġġ tax-xogħol li jkun qed isir. Intqal, fost l-oħrajn, li t-teleworking itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema tagħna filwaqt li jippermetti aħjar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.
Dan il-webinar kien wieħed minn sensiela ta’ inizjattivi li qed jiġu organizzati kollettivament, biex niddiskutu suġġetti li jbiddlu b’mod tanġibbli it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli. Dawk li jmexxu negozji u intrapriżi, kbar jew żgħar, esploraw kif se jħarsu lejn dak li qed nitgħallmu mill-pandemija u kif dawn it-tagħlimiet jistgħu jwittu t-triq għal futur.
Il-passi lejn it-teleworking qegħdin isiru, iżda bl-istess mod, il-politika nazzjonali għandha tinbidel skont din il-bidla. L-inċentivi għandhom jagħmluha aktar faċli għan-negozji biex jaqilbu għal xogħol remot, filwaqt li jifhmu l-benefiċċji fit-tul ta’ din il-bidla fil-mod kif naħdmu u fuq kollox fil-mentalità. L-isfida li jiffaċċjaw dawk li jfasslu l-politika issa hija kif ikomplu jipproteġu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini filwaqt li jilħqu l-għanijiet ta’ tkabbir ekonomiku fi żmien ta’ inċertezza.