Jekk hemm ħaġa waħda ċerta bħalissa hija li ma nafux kemm se ttul il-pandemija tal-Coronavirus. Inċertezza li tagħmilha diffiċli nipprevedu l-isfidi kollha li jistgħu jinqalgħu.
Il-verita hi li dan kollu huwa ġdid. Ħadd ma kien ippreparat għal din il-pandemija imma hemm affarijiet li nistgħu nipprevedu u nibdew naħsbu għalihom. Ewelnin fosthom ir-riperkussjonijiet ta’ din il-pandemija u l-fatt li rridu nipproteġu lil ħaddiema u naraw li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja jgħinu lil xulxin.
Fiċ-ċirkostanza li qegħdin fihom nistgħu jew ingergru li l-Unjoni Ewropea mhux tagħmel biżżejjed jew noffru soluzzjonijiet biex l-impatt jittafa kemm jista’ jkun. Jien għażilt it-tieni triq.
Bħala parti minn Task Forċe tas-Soċjalisti u Demokratiċi qed naħdmu fuq sett ta’ proposti li għaddejjna lill-Kummissjoni Ewropea u anke’ lil Kunsill biex jittieħdu miżuri fuq livell Ewropew li jistgħu jgħinu lill-pajjiżi kollha u b’mod partikolari liċ-ċittadini fil-pajjiżi differenti inkluż Malta.
L-akbar interess tiegħi huwa li nipproteġu lill-ħaddiema, lis-self-employed u l-businesses ż- żgħar u li naċċertaw ruħna li f’din il-kriżi ikun hemm soluzzjonijiet fuq livell Ewropew li jgħinu lil pajjiż żgħir bħal Malta biex nixtru apparat mediku li għandna bżonn.
Ir-realta hi li għandna postijiet tax-xogħol li għalqu. Hemm ħaddiema f’setturi mhedda li żammew xogħolhom ġieli anke’ b’paga anqas għalissa, imma oħrajn spiċċaw bla xogħol. Hemm sidien ta’ postijiet tax-xogħol li ma għalqux, imma fejn ix-xogħol naqas drastikament. F’laqgħat li kelli ma’ employers differenti kien hemm sentiment komuni li għandhom bżonn l-għajnuna jekk din il-pandemija se ttul ħafna aktar milli mistenni.
Għalhekk li qed ninsisti dwar miżuri li jistgħu verament joffru xibka ta’ protezzjoni soċjali. Dawn il-proposti gew diskussa u llum jagħmlu parti minn dokument bi proposti li qed nippreżentaw fuq livell Ewropew bħala Soċjal Demokratiċi.
Pereżempju fil-każ ta’ Malta, il-Gvern Malti intervjena u qed jgħin lil min spiċċa bla xogħol u qed jagħti wkoll għajnuna lil min iħaddem biex il-ħaddiema ma jitilfux xogħolhom. Għal min hu direttament affettwat, ċertament li din l-għajnuna tgħin imma mhux neċessarjament tkopri l-ispejjeż kollha. Għalhekk li hemm bżonn ta’ miżuri Ewropej li jkunu kumplimentari għal dak li l-gvernijiet individwali jkunu qed jintroduċu fil-pajjizi differenti tagħhom, inkluż ukoll f’Malta.
Fost il-miżuri li qed ninsisti dwarhom hemm skema temporanja ta’ dħul minimu Ewropew biex nappoġġjaw lil dawk li qegħdin f’impjieg prekarju f’dan iż-żmien ta’ kriżi. Qed ninsisti wkoll biex il-Kummissjoni Ewropea tħaffef il-proposta tagħha għal fond Ewropew – magħruf bħala l-iskema ta’ benefiċċji tar-riassigurazzjoni tal-qgħad – biex tissupplimenta l-benefiċċji nazzjonali tal-qgħad. Dawn huma miżuri li jistgħu jgħinu lill-ħaddiema u lis-self-employed f’din il-kriżi li qed taffettwa lil kulħadd.
Qed ninsisti fuq dawn il-miżuri għaliex diversi studji qed juru li fuq livell Ewropew, ir-rata tal-qgħad mistennija tiżdied minħabba l-pandemija tal-ĊOVID-19. Skont l-aħħar analiżi tal-ċredit rating agency Fitch Ratings, il-livell tal-Prodott Gross Domestiku fiż-żona Ewro mistenni jaqa’ b’4.2%. F’din il-pandemija rridu nigbdu ħabel wieħed biex wara li jgħaddi kollox il-businesses tagħna jkunu jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom u biex il-ħaddiema jkollhom xogħol li jrendilhom paga għalihom u għal familja tagħhom. Imma biex dan isir hemm bżonn ta’ xibka ta’ protezzjoni għal familji, ħaddiema, self-employed u negozji. Irrid li nkunu ċerti li qed nagħtu l-għajnuna neċessarja lill-familji tagħna biex isalvaw f’din il-krizi.
Huma miżuri bħal dawn li jistgħu verament jikkumplimentaw il-ħidma li qed jagħmlu pajjiżi bħal Malta biex iċ-ċittadini f’pajjiżna u fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea jħossu li l-Unjoni Ewropeja qiegħda magħquda f’mument ta’ kriżi.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi strument ta’ solidarjetà ta’ €100 biljun bl-isem ta’ SURE, biex jgħin lill-ħaddiema jżommu d-dħul tagħhom u jgħin lin-negozji jsalvaw. Iżda dan se jaħdem permezz ta’ self mogħti lill-pajjiżi mill-UE. Se nibqa’ naħdem flimkien mal-grupp politiku tiegħi biex naraw li jkun hemm skemi apposta li jindirizzaw is-sitwazzjoni tal-impjiegi fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Qed nagħmel dan għaliex riċerka li saret fl-2014 mill-Parlament Ewropew uriet li, kieku matul il-kriżi ekonomika tal-2008 kien hemm skema’ ta’ qgħad komuni fl-Ewropa, it-telf fil-GDP tal-Istati Membri affettwati kien ikunu €71 biljun anqas. Minkejja l-pressjoni tal-Parlament Ewropew f’dawn l-aħħar snin, kien biss f’Ottubru li għadda li l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tippreżenta proposta dwar l-iskema ta’ riassigurazzjoni tal-qgħad tal-UE.
Dan huwa l-mument ta’ solidarjeta, solidarjeta f’kull qasam; fejn jidħlu l-impjiegi u l-qasam soċjali imma anke’ fil-qasam mediku. Il-ġimgħa li għaddiet insistejt dwar il-ħtiega ta’ xiri fuq livell ta’ Unjoni Ewropea ta’ tagħmir mediku użat fl-isptarijiet bħal magni tal-ossignu u apparat ieħor neċessarju għas-sistemi tas-saħħa biex ma nispiċċawx f’sitwazzjoni fejn pajjiżi żgħar bħal Malta jkunu żvantaġġjati minn pajjiżi akbar li jkollhom saħħa li jinnegozzjaw ferm aktar minn Malta. Sistema konġunta bħal din tgħin biex il-prodotti ma jiġux imblukkati minn xi pajjiż jew ieħor. Għalijja huwa ta’ sodisfazzjon nara din il-proposta inkluża bħala proposta oħra li qed naħdmu fuqhom.
Dan hu żmien ta’ prova għas-solidarjetà. Nemmen aktar minn qatt qabel li, fi kriżi bħal din, li nkunu magħqudin jagħtina ferm aktar saħħa.
Dan l-artiklu deher fuq it-Torċa