Miriam Dalli tħares lura lejn is-sena li għaddiet, is-sitt waħda bħala MEP u l-ewwel bħala Viċi-President tas-Soċjalisti u Demokratiċi
Għaddiet sena minn meta saru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Rebħa rekord għall-Partit Laburista u sodisfazzjon doppju personali, għaliex 64,000 persuna fdawni bil-vot tagħhom; l-akbar ammont ta’ voti li qatt kiseb kandidat tal-Partit Laburista. Dan iġib miegħu r-responsabilita’ li nirrapreżenta bl-aħjar mod liċ-ċittadini kollha tal-gżejjer tagħna.
Ir-rwol ta’ Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew ifisser ukoll li nara li l-interess ta’ pajjiżna jkun imħares b’vuċi b’saħħitha u magħquda. Iċ-ċokon tagħna ma jnaqqasx mill-influwenza fil-fora Ewropej. Kienet rebħa għal pajjiżna meta nħtart Viċi-President tal-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew. B’aktar minn 93% tal-voti tal-grupp kollu tiegħi, sirt l-ewwel persuna Maltija li qatt okkupat din il-kariga fil-Parlament Ewropew.
Din hija s-sitt sena ta’ ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew. Imma x-xogħol tiegħi mhux limitat għall-Parlament Ewropew. Bl-istess saħħa qed naħdem f’pajjiżna. L-elezzjonijiet tal-2019 kienu suċċess għall-programm LEAD, b’numru kbir ta’ nisa li pparteċipaw ġew eletti u llum jirrappreżentaw lill-Partit Laburista fil-lokalitajiet tagħhom. LEAD kompla din is-sena bi 32 parteċipanta ġdida.
Se nibqa’ naħdem favur rappreżentanza aktar xierqa, biex ikollna trasparenza fil-pagi u biex in-nisa u l-irġiel jaqilgħu l-istess paga għall-istess xogħol. Bl-istess mod se nibqa’ naħdem biex nindirizzaw il-vjolenza domestika. Għamilt dan f’dawn il-jiem, meta b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza nehdejna inizjattiva biex tingħata assitenza legali b’xejn lil dawn il-vittmi.
Is-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minnha tibqa’ prijorita’ ewlenija għalija bħala Chair ta’ Mental Health Europe u bħala Viċi-Chair tal-grupp MEPs Against Cancer. Riċentement nehdejt kampanja flimkien ma’ Richmond Foundation biex nilħqu gruppi differenti ta’ nies li għaddejjin minn żmien diffiċli għas-saħħa mentali tagħhom f’dawn il-mumenti ta’ sfida.
Se nibqa’ naħdem għal għajnuna akbar għall-pazjenti tal-kanċer. Madwar 30 miljun pazjent madwar l-Unjoni Ewropea, inkluż f’Malta li jsibuha diffiċli biex jaċċessaw il-mediċina għall-mard rari tagħhom. Ħdimt qatih biex ikkonvincejt il-grupp tiegħi jimbotta l-kunċett ta’ joint public procurement, biex pajjiżi żgħar ma jkunux żvantaġġjati fix-xiri ta’ mediċini. Ksibna l-maġġoranza tal-Parlament Ewropew, u l-Kummissjoni Ewropea ħadmet fuq dan is-suġġeriment. Qed naħdem biex issa din l-istess proċedura tintuża sabiex mediċini għal mard rari jkunu disponibbli.
Is-saħħa tagħna tiddependi fuq l-ambjent li ngħixu fih. Għat-tielet sena konsekuttiva, intgħazilt bħala Ambaxxatriċi għall-Unjoni Ewropea għall- Enerġija Sostenibbli. Irrappreżentajt lill-Parlament Ewropew waqt l-assemblea nazzjonali tal-Ġnus Magħquda fi New York, li ffukat fuq it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli u anke’ fil-konferenza tat-tibdil fil-klima li saret f’Madrid fi Spanja.
Permezz tas-Soċjalisti u Demokratiċi, ħdimt biex il-Parlament Ewropew iddikkjara stat ta’ emerġenza dwar it-tibdil fil-klima. Il-portafoll tiegħi bhala Viċi President tas-Soċjalisti u Demokratiċi jinkludi l-European Green Deal, pakkett ambjentali leġiżlattiv biex sal-2050 l-Unjoni Ewropea tkun Climate Neutral. Fil-Parlament Ewropew innegozzjajt riżoluzzjoni li ġiet approvata b’maġġoranza kbira minkejja r-reżistenza li sibt minn gruppi politiċi oħra tant li ħafna hasbu li ma kienx possibbli li nikkonvincu lill-maġġoranza timxi warajna.
Se nibqa’ naħdem biex nara li l-opportunitajiet ta’ din it-tranżizzjoni ngawdu minnhom lokalment ukoll. Bħalissa qed naħdem fuq proġett għal qalbi ħafna: Small Changes, Big Impact. Flimkien m’aktar minn 50 persuna oħra, inkluż rappreżentanti ta’ NGOs u akkademiċi, qed naħdmu fuq proposti f’oqsma differenti, li se nippreżentaw lill-awtoritajiet Maltin u lil Kummissarji Ewropej.
Irrid nara bidla pozittiva f’pajjiżi. Il-ħatra tiegħi bħala chair tal-kummissjoni għal karozzi li ma jniġġżux għandha tgħin biex jonqos it-tniġġiż fit-toroq tagħna u biex nagħtu żmien biżżejjed ħalli jkollna karozzi nodfa fit-toroq Maltin. Dan jorbot mal-liġi li ħdimt fuqha fl-aħħar snin biex mal-Ewropa kollha jkollna karozzi li ma jniġġżux. Qed naħdem ukoll fuq liġi li taċċerta li jsir magħruf kemm il-karozzi iniġġżu fit-toroq, u mhux fil-laboratorji biss. Dan hu l-legat li rrid nħalli lil uliedi u lil tfal oħra ta’ l-eta tagħhom.
Rwol elwieni tiegħi hu li niddefendi l-interessi ta’ pajjiżi barra minn xtutna. F’diskussjonijiet dwar is-saltna tad-dritt, kont ħarxa ma’ dawk li jsibuha konvenjenti li jagħmlu ħsara lil Malta u lill-poplu tagħha. Insistejt mal-Kummissjoni Ewropea li għandha tipproponi mekkaniżmu b’esperti indipendenti li janalizzaw l-Istati Membri kollha b’mod ugwali, b’mod oġġettiv u b’mod ġust.
Niddefendi lil pajjiżi fejn tidħol l-immigrazzjoni. Permezz tas-Soċjalisti u Demokratiċi qed naħdem biex il-Kummissjoni Ewropea toħroġ b’soluzzjonijiet u turi solidarjeta’ bil-fatti. Qed nagħmel dan bil-fond għall-Ażil u l-Imigrazzjon, fejn se nibqa’ ninsisti li kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu u mhux pajjiż wieħed jew tnejn.
Niddefendi wkoll l-interessi ta’ pajjiżi f’dawn iż-żminijiet ta’ Coronavirus. Kont minn tal-ewwel li ħdimt favur flessibilita’ finanzjarja ħalli ċ-ċittadini u intrapriżi – partikolarment dawk żgħar u ħaddiema self-employedma jispiċċawx iġorru piż kbir. Ħdimt biex niżgura li Malta u l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkollhom aċċess għat-tagħmir mediku kollu kemm hu. Insistejt li dan mhux iż-żmien li kulħadd jaħseb għal rasu, u Malta ma tistax tikkompeti ma’ pajjiżi akbar għax-xiri ta’ materjal neċessarju. Nehdejna alleanza ta’ politiċi, CEOs, trade unions u think tanks Ewropej biex flimkien nippromwovu miżuri sostenibbli biex l-ekonomija, inkluż dik Maltija, terġa’ tinbena aktar b’saħħitha u sostenibbli wara l-pandemija.
Nixtieq nara li l-bdiewa jkollhom dħul finanzjarju tajjeb u li titħares il-kompetittivita’ tas-settur agrikolu. Flimkien ma’ Friends of the Earth Malta u diversi bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin. qed naħdmu fuq kampanja b’messaġġ wieħed b’saħħtu favur ix-xiri ta’ prodott lokali Malti.
Inħossni kburija li ħdimt b’ħilti kollha biex nagħmel differenza f’ħajjet kull wieħed u waħda minnha. Fis-snin li ġejjin se nkompli għaddejja bl-istess enerġija u bl-istess determinazzjoni, għax irrid li flimkien nieħdu lil dan il-pajjiż fil-Livell li Jmiss.