Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Kredibilità

Jekk hemm xi ħaġa mhux ikkontestata hija l-kredibilità ta’ dan il-Gvern biex isolvi l-problemi li ħoloq Gvern Nazzjonalista. Problemi li karkru s-snin, li ntirtu minn amministrazzjoni għall-oħra sakemm spiċċaw f’ħoġor Gvern Laburista. Problemi li affettwaw il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-livell tal-għixien tagħhom. Jekk kienux mediċini out of stock, pensjonijiet friżati jew livell ta’ qgħad għoli, fost affarijiet oħra, kien dan il-Gvern li offra s-soluzzjonijiet għall-familji Maltin u Għawdxin.

Għax aħna Gvern għan-nies, hekk se nkomplu nagħmlu f’kull settur u qasam, inkluż dak tal-enerġija. Fil-fatt, bil-fiduċja li tagħni l-Prim Ministru Robert Abela, waħda mill-ewwel problemi li solvejna fi ftit xhur kienet il-kwistjoni tal-Feed-in-Tariffs. Fejn Gvern Nazzjonalista ta inċentiv lill-familji li jiskadi wara ftit snin, aħna tajna lil dawn il-familja Feed-in-Tariff ta’ 20 sena. Deċiżjoni li se taffettwa b’mod pożittiv lil 20,000 familja. 

Ftit tal-jiem ilu kont f’dibattitu televiżiv mal-kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus fejn ħareġ bl-aktar mod ċar li l-Partit Nazzjonalista jaħdem il-politika tiegħu fuq kummenti mingħajr ma jivverifika jew jistudja l-affarijiet. Staqsejt direttament  lill-kelliem tal-Oppożizzjoni jekk humiex qed jinkludu lin-negozji fis-suppost proposta tagħhom. Ma kienx ċert u mbagħad qal iva mingħajr ma rrealizza li r-rati applikabbli għall-intrapriżi huma differenti. Kien propju f’dan il-mument li ħareġ biċ-ċar kemm il-Partit Nazzjonalista telaq jiġri f’popoliżmu sfrenat.  Għax b’dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista hemm negozji li se jbagħtu.

Aħna ma nagħmlux politika populista. Gvern Laburista jieħu deċiżjonijiet wara li nkunu studjajna u analizzajna l-affarijiet. Nemmen li jekk hemm x’jitranġa, is-soluzzjoni trid tkun ġusta ma’ kulħadd, mal-familji u ma tipperikolax impjiegi. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista tipperikola l-impjiegi. Tant m’għandhomx ideja fuq x’hiex qed jitkellmu, Bernard Grech mar iżur ħanut tal-laħam biex jgħidlu li se jikkoreġilu l-kont, meta ħwienet bħal dan se jkunu fost in-negozji tal-familja li se jkunu qed jintlaqtu b’dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista. 

Bernard Grech talab lin-nies jinġabru d-Dar Ċentrali biex jagħtu d-dettalji personali tagħhom meta b’li qed jagħmel qed jipperikola x-xogħol ta’ dak il-waiter li jaħdem f’ristorant, ta’ dak il-kok li jaħdem f’lukanda, tal-mastrudaxxa li investa fin-negozju tiegħu. Fl-għeqqel ta’ pandemija, Gvern Laburista ta aktar minn €500 miljun biex isalva l-impjiegi, filwaqt li Partit Nazzjonalista se jipperikola l-impjiegi. Għax il-politika tiegħu mhux maħsuba. Il-politika tiegħu mhux studjata.

Il-Partit Nazzjonalista l-ewwel joħloq il-problemi u mbagħad idur fuqna għal soluzzjoni. Illum qed jikkritiaw sistema li daħlu huma għax hekk jaqblilhom. Min hu populist hekk jagħmel. Il-poplu jaf li kieku baqa’ Partit Nazzjonalista fil-Gvern, kieku llum għandhom €500 miljun anqas fil-bwiet tagħhom. Daqshekk iffrankajna mill-kontijiet – aktar minn €500 miljun.

Il-kwistjoni kollha ddur madwar il-kredibilità. Jekk għandux il-kredibilità l-Partit Nazzjonalista dwar dan is-suġġett meta għabba lill-familji Maltin u Għawdxin bl-ogħla kontijiet tad-dawl li qatt kellna, jew inkella għandux il-kredibilità dan il-Gvern illi mill-2013 ‘il quddiem ta lura u iffranka lill-poplu Malti u Għawdxi aktar minn €500 miljun. 

Id-differenza hija li aħna ninvestu fin-nies.  F’pandemija fejn ħaddieħor mar b’awsterità, investejna nofs biljun fl-ekonomija, fin-nies, fix-xogħol ta pajjiżna, fin-negozji ta’ pajjiżna. Din hija r-realtà u l-kredibilità ma ġġibiex billi sagħtejn wara li tara artiklu tmur tagħmel konferenza tal-aħbarijiet. Is-serjetà u l-livell tal-politika illi qed jistenna l-poplu tagħna titlob li ma nkunux suppervi, li nkunu saqajna mal-art u umli. Li nibqgħu nisimgħu minn għand in-nies. Bħala Gvern kommessi illi nibqgħu mixjin bir-riformi li għamilna tul is-snin għax huwa dan il-Gvern li għandu l-kredibilità jsolvi l-problemi li ħalla l-Partit Nazzjonalista fil-gvern. 

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta t-Torċa fl-1 ta’ April,2021