Flimkien mal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) u l-Fondazzjoni Caritas Malta ħabbarna ftehim ta’ kollaborazzjoni biex ngħinu l-aktar familji vulnerabbli jnaqqsu mill-ispejjeż tal-ħajja ta’ kuljum.
L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma se tkun qed tipprovdi assistenza lil għexieren ta’ familji identifikati minn Caritas u li huma l-aktar fil-bżonn biex jgħinuhom jikkonsmaw inqas enerġija u ilma. Barra li jintbgħatu esperti biex janalizzaw minn fejn dar tista’ tnaqqas il-ħela, jistgħu jirċievu għajnuna sa massimu ta’ €5,000 kull familja biex ibiddlu appliances jew jirranġaw pajpijiet tal-ilma li jkunu qed iwasslu għal ħela żejda.
Barra minn hekk, l-EWA se tkun għaddejja b’moniteraġġ u ġbir ta’ informazzjoni biex ittejjeb il-policies tagħha, talli l-aktar familji vulnerabbli ma jkomplux jaqgħu lura.
Dan ftehim li rriżulta wara laqgħa li kelli mal-Fondazzjoni Caritas meta ppreżentawli l-istudju tagħhom ‘A Minimum Essential Budget for a Decent Living 2020’. Din hija waħda mill-aktar inizjattivi għal qalbi u kien ta’ sodisfazzjon meta rajt lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenżija Manuel Sapiano, u lid-direttur tal-Fondazzjoni Caritas Anthony Gatt jiffirmaw dan il-ftehim li se jwassal għal differenza reali. Xi ħaġa li ġiet irrikonoxxuta wkoll mill-Caritas, li għandhom tant għal qalbhom il-familji fil-bżonn. Għall-Partit Nazzjonalista dan il-ftehim ma jfisser xejn iżda. Minflok, użaw dan l-avveniment biex jagħmlu mistoqsijiet partiġġjani. Fotokopja tal-attitudni li kellhom fil-Parlament meta għal ġimgħa sħiħa, fil-mument li suppost in-nies qed jisimgħu l-proposti tal-Oppożizzjoni fid-diskussjoni dwar il-Budget, ma ħarġux bi proposta waħda.
Dan kollu jfisser biss l-aktar żminijiet ta’ sfida li qed tiffaċċja d-dinja kollha, għandna Oppożizzjoni Nazzjonalista b’membri fi ħdanha li mhux interessati jgħinu lil pajjiżna jimxi ‘l quddiem. Għandna esponenti ta’ klikka fil-Partit Nazzjonalista li jinteressaha biss mill-partiġġjaniżmu għax il-kilba għall-poter għamithom għal kollox.
L-aħħar jiem kienu konferma tad-differenza li teżisti bejn iż-żewġ naħat. Gvern Laburista li qed jagħti l-awtonomija lill-istituzzjonijiet biex iwettqu xogħolhom u jara li ssir ġustizzja u Oppożizzjoni Nazzjonalista li tilgħabha tal-paladina tal-ġustizzja, imma meta raw l-aħħar żviluppi, flok qalu li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu, marru jiġru Brussell biex joqgħodu jattakkaw lil Malta.
Għandna Kap tal-Oppożizzjoni li filwaqt li jgħidilna li se jesiġi li ssir ġustizzja, fl-istess ħin imur fuq it-televiżjoni jgħid li se jagħti l-maħfriet lil min lanqas talab maħfra. X’irresponsabilità!
Kif dejjem tennejt, u nibqa’ ninsisti, kull min għamel ħażin għandu jħallas ta’ għemilu. Għandna Prim Ministru li ma jiddejjaqx jieħu d-deċiżjonijiet fejn hemm bżonn li jittieħdu; li ma jiddejjaqx jagħti aktar setgħat u saħħa lill-istituzzjonijiet.
Bl-istess determinazzjoni, dan il-Gvern qed jaħdem fuq implimentazzjoni ta’ Baġit u miżuri li jwieżnu lill-ħaddiema u lin-negozji fil-mument li l-aktar għandhom bżonn. L-għajnuna li qed nagħtu lin-negozji u lill-ħaddiema f’dawn iż-żminijiet hija bla preċedent.
Aktar minn €450 miljun s’issa f’wage supplement li se jkompli jiżdied sa’ l-aħħar tas-sena. Qed nipproteġu xejn anqas minn 100,000 impjieg. Mhux ta’ b’xejn li pajjiżna irreġistra t-tieni l-aħjar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropeja. Tkabbir ta’ 3.8% meta l-medja tal-Unjoni Ewropea hija tnaqqis ta’ 0.7%. Dak huwa r-riżultat ta’ min jaħdem għax iħobb lil pajjiżu. Mhux biss qed naħdmu għal-lum billi nsostnu l-kumpaniji eżistenti imma qed naraw li nippreparawhom għal għada u għal futur.
Flimkien mar-rappreżentanti tas-setturi kollha, qegħdin niltaqgħu biex infasslu numru ta’ miżuri li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-kumpaniji Maltin ħalli nkomplu nassistu lilhom u lill-ħaddiema tagħhom fix-xhur li ġejjin biex jinvestu fil-futur. L-għan tagħna huwa li naraw industrija u intrapriża aktar kompetittiva, aktar produttiva, krejattiva u innovativa.
Malta huwa pajjiż vibranti b’potenzjal enormi li jkompli jattira investiment ġdid. Ma nitkellmux dwar dan fl-arja, imma naġixxu fuqha. F’dawn il-jiem stess varajna skema ġdida għall-istart-ups u aktar b’saħħita biex ngħaddu messaġġ ċar: Malta hija miftuħa għall-iStart-ups.
Fil-fatt, negozji ġodda jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja sa massimu ta’ €200,000, grazzi għall-iskema l-ġdida tal-Business Start (BStart 2021). Kumpanija innovattiva tista’ tibbenefika b’total ta’ €1.2 miljun f’għajnuna differenti. Varajna wkoll sit elettroniku ġdid, StartinMalta.com, bil-għan li jipprovdi informazzjoni dwar Malta bħala l-post ideali biex jibdew startups kemm minn imprendituri lokali u dawk barranin.
Ejja niftaħru b’pajjiżna. Ejja nitkellmu dwar il-vantaġġi kompetittivi li Malta toffri, ewlenin fosthom l-użu tal-lingwa Ingliża, il-konnettività u frameworks regolatorji b’saħħithom. Nemmnu fid-djalogu miftuħ mal-istakeholders. Kellna eluf ta’ stejjer ta’ suċċess u rridu naraw li dawn li l-istejjer ta’ suċċess ikomplu.
Malta hija pajjiż ta’ suċċess. Għamluha suċċess u jkomplu jagħmluha suċċess in-nies bieżla li l-potenzjal tagħhom – mix-xjenza, għat-teknoloġija, għax-xogħol tal-idejn u l-arti – jużaw il-ħiliet tagħhom biex jagħmlu isem għalihom u għal pajjiżna. Din hija l-Malta li aħna kburin biha u li nippromwovu barra minn xtutna
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta Illum fit-28 ta’ Marzu,2021