Il-ħdima għal Malta Flimkien tkompli hawn. Tim Malta, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, lest u ppreparat biex l-1,000 proposta tal-manifest elettorali jissarrfu f’miżuri konkreti għal kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies.
Livell ta’ għajxien li jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies. Dan ma ngħiduhx bil-kliem imma nwettquh bil-fatti. Bħalma ħdimna tul dawn is-snin biex il-familji, in-negozji u ż-żgħażagħ ikunu mgħejuna fl-oqsma differenti ta’ ħajjithom, hekk se nkomplu nagħmlu.
Fuq kollox, irridu nagħtu spinta ‘l quddiem lill-ambjent bl-implimentazzjoni tal-wedgħa tas-€700 miljun għal proġetti biex nirriġeneraw l-ambjent u nsebbħu żoni urbani. Inħossni onorata li l-Prim Ministru għoġbu jafdani b’din il-wedgħa biex, flimkien mal-impenn favur is-settur tal-enerġija u l-ħidma favur l-intrapriżi, nkomplu nbiddlu dan il-pajjiż għall-aħjar.
Bħala Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, irrid nara li s-sinerġija li bdejna matul il-leġiżlatura li għaddiet tkompli tissaħħaħ matul dawn il-ħames snin. Dejjem emmint illi s-sostenibilità hija l-qafas ta’ kollox: illi żvilupp ekonomiku irid imur id f’id mat-tisħiħ ambjentali filwaqt li jgħin jibni soċjetà aktar ġusta – soċjetà li fiha l-ġid jitqassam ma’ kulħadd u f’forom differenti, inkluż biex il-livell tal-ambjent ta’ madwarna ngħolluh ħalli jitgawda minn kulħadd.
Nhar is-Sibt li għadda, il-poplu vvota għal mandat b’saħħtu favur il-proposti li ressaq il-Partit Laburista – vot għal viżjoni li tieħu lil pajjiżna mhux għal din il-leġiżlatura biss imma li twettaq it-triq għal viżjoni fit-tul li taħdem għal ġenerazzjonijiet futuri.
Fil-qasam ambjentali, irridu nwettqu l-proġetti li jassiguraw żoni urbani isbaħ, li joffru pulmun aħdar lill-lokalitajiet densi, biex żoni rikreattivi fil-miftuħ ma jkunux ’il bogħod. Il-parks u l-widien irridu nkomplu nieħdu ħsiebhom filwaqt li nkomplu bl-investiment fil-Park tal-Inwadar u l-Park tal-Familja f’Bengħajsa. Il-proġetti tas-€700 miljun huma ambizzjużi imma għandna l-grinta biex nimplimentawhom.
Fil-qasam tal-enerġija, bdejna nħejju x-xogħol li jwassal għad-dekarbonizazzjoni, b’aktar investiment f’enerġija rinnovabbli u fit-tieni interconnector. Se nkomplu naħdmu biex nassiguraw konnessjoni aktar permanenti mal-Ewropa permezz ta’ pipeline li jkun kapaċi jġorr l-idroġenu wkoll. Se nibqgħu ngħinu lill-familji u l-industrija b’feed-in-tariff vantaġġuża. Se nkomplu ninkoraġixxu l-użu ta’ sistemi ta’ enerġija effiċjenti għad-djar, in-negozji u l-intrapriżi u anke l-għaqdiet. Fl-istess waqt, se nkomplu għaddejjin bil-pjan ambizzjuż għat-tisħiħ fid-distribuzzjoni tal-elettriku, sistemi li bihom naraw li l-klijenti jkunu moqdija aħjar.
Fil-qasam tal-intrapriża, il-prijorità tibqa’ dik ta’ djalogu miftuħ mal-imsieħba soċjali, ma’ min iħaddem u mal-ħaddiema. Ħerġin minn sentejn ta’ pandemija li matulhom konna ta’ spalla soda għall-intrapriżi. Tajna l-għajnuna tagħna – mhux biss għajnuna assistenzjali bħal wage supplement li ġiet estiża skont il-bżonn, imma għajnuniet oħra li jgħinu lill-intrapriżi jinvestu biex ikunu lesti għad-dinja ta’ għada: dinja diġitali, innovattiva u li tappoġġja n-newtralità tal-klima. Ma’ dan, irridu naraw li l-intrapriżi jkollhom il-ħaddiema bil-ħiliet neċessarji. Qed nattiraw kumpaniji tal-livell għoli, f’oqsma tal-manifattura innovattiva bħalma huma l-farmaċewtika. Investiment dirett barrani u investimenti lokali li joħolqu karrieri ta’ kwalità.
Din hija viżjoni li l-elettorat jaqsam magħna. Għandna f’idejna opportunità tad-deheb biex, bis-saħħa tal-programm elettorali mibni fuq 1,000 proposta, verament nibdlu lil dan il-pajjiż ċkejken tagħna, b’kapaċitajiet kbar.
Biex lil uliedna nħallulhom ekonomija ħafna aktar moderna, li tpoġġi n-nies fiċ-ċentru u fuq kollox nazzjon ħafna aktar b’saħħtu.
.