Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

16-il proġett ta’ spazji ħodor miftuħa għall-komunitajiet


80,000 metru kwadru ta’ art għat-tgawdija tan-nies

Il-komunitajiet se jgawdu minn spazji miftuħa ħodor b’sittax-il proġett f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, proġetti li se jagħtu nifs ġdid lill-komunità, b’110,000 persuna se jkollhom dawn l-ispazji ftit minuti bogħod mid-dar, fejn jistudjaw jew fejn jaħdmu. 

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Mosta, li matula tħabbru numru ta’ proġetti, kif proposti minn kunsilli lokali u entitajiet mhux governattivi, li se jkunu qegħdin isiru u jitlestew minn Project Green sal-2025 b’investiment ta’ €10 miljun. 

Il-Prim Ministru spjega li l-Gvern qed jinvesti f’tmenin elf metru kwadru ta’ art biex jitgawdew bħala spazji miftuħa ġodda, jew spazji f’kundizzjoni ferm aħjar milli huma llum.

Fid-diskors tiegħu tenna li fost dawn il-proġetti hemm artijiet li setgħu nbnew, ġonna mitluqa, spazji bejn bini residenzjali, u artijiet barra mill-konfini tal-iżvilupp mitluqa; li b’dawn il-proġetti lkoll se jinbidlu f’postijiet fejn it-tfal jistgħu jiġru u jilagħbu, il-ħaddiema jistrieħu fi tmiem il-ġimgħa u l-familji jiltaqgħu.

Bl-għażla dwar liema proġett il-Gvern għandu jinvesti permezz tal-Community Greening Grant, għamlitha l-komunità nnifisha.

Fil-fatt, dawn il-proġetti, li jinfirxu min-nofsinhar tal-pajjiż sa Għawdex, huma lkoll proposti diretti ta’ kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi. Rappreżentanti eletti jew volontiera li jaħdmu ta’ kuljum fost il-komunitajiet.  

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dawn huma proġetti tan-nies, għan-nies. Proġetti li wkoll jirriflettu l-qalb soċjali ta’ gvern li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem, għax huwa biss pajjiż li jkun miexi ‘l quddiem li jkun jista’ jinvesti f’dawn it-tip ta’ proġetti li rrefera għalihom bħala biss il-bidu.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat li dan l-investiment se jagħti lill-komunitajiet tagħna 16-il spazju miftuħ għat-tgawdija tar-residenti. Hija tenniet li l-community greening grant hija l-ikbar skema li qatt rajna f’pajjiżna għal proġetti ambjentali s’issa. Il-Ministru Dalli sostniet ukoll li dan l-investiment qed isir fl-isfond ta’ xogħol li għaddej fuq proġetti kbar, li minnhom diġa’ infetħu spazji miftuħa ġodda oħra. Ikkonkludiet li permezz ta’ Project Green biss, mill-bidu ta’ din is-sena sa issa, infetħu u ġew riġenerati aktar minn 32,000 metru kwadru. Il-Ministru Dalli qalet li qed tħares ’il quddiem għal aktar proġetti sostenibbli u ta’ kwalità.