#ClimateOn! Kun parti mill-bidla
Tliet snin ilu, Malta ddikkjarat emerġenza klimatika. Pass importanti biex pajjiżna rrikonoxxa l-emerġenza u l-urġenza li biha rridu nindirizzaw it-tibdil fil-klima. Forsi hawn min ra dan il-pass bħala wieħed simboliku, iżda bla dubju ta’ xejn intbagħat messaġġ nazzjonali illi verament Malta u Għawdex iridu jimxu lejn aktar miżuri u prattiċi li jindirizzaw it-tibdil fil-klima.
Ħafna drabi, l-ewwel ħsieb li jiġi f’moħħna meta naħsbu dwar dawk il-miżuri li jindirizzaw dan il-fenomenu, naħsbu fl-emissjonijiet mit-trasport. Huwa fatt li s-settur tat-trasport: art, baħar u l-arju, huwa kontributur ewlieni tal-emissjonijiet u hawnhekk rridu nkomplu nappoġġjaw politika u miżuri li jnaqqsu t-tniġġis.
Iżda mhux biss.
Kull settur ekonomiku, is-settur privat, u l-pubbliku inġenerali, lkoll għandhom rwol importanti xi jġorr. U filwaqt li bħala pajjiż qedgħin nagħtu aktar importanza lejn dawk il-prattiċi li jiffavorixxu l-klima, hemm ħafna aktar x’nagħmlu.
Tibdiliet żgħar u kbar; uħud minnhom faċli, oħrajn li jeħtiegu sforz akbar biex il-bidla titwettaq. Nirrikonoxxi l-fatt li aktar u aktar nies u intrapriżi qed isiru konxji minn dan. L-għarfien qed jiżdied u rridu nkomplu nibnu fuq dan il-momentum li nħoloq.
Għat-tieni sena konsekuttiva, nehdejna l-kampanja nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, #ClimateOn!, bl-islogan ta’ Activate Change. L-għan huwa li nħeġġu kulħadd jieħu azzjoni immedjata. Kif dejjem ngħidu, dan huwa ż-żmien li naġixxu u nwettqu dak li ddiskutejna.
Din il-kampanja tiffoka primarjament fuq għarfien u kuxjenza dwar l-urġenza tat-tibdil fil-klima. Ir-realita hi li t-tibdil fil-klima qed iħalli impatt serju fuq il-bniedem u fuq l-ambjent naturali tagħna, kawża ta’ attiduni mhux sostenibbli li qed twassal għal tniġġiż akbar u żieda fit-temperatura globali.
Il-Mediterran huwa żona ta’ riskju għall-impatt ikkawżat mit-tibdil fil-klima, li minbarra li jwassal għal temperaturi ogħla, iwassal ukoll biex il-livell tal-baħar jogħla.
Għalhekk, huwa biss permezz ta’ azzjoni f’waqtha li nistgħu nimmitigaw u nadattaw għall-impatt tat-tibdil fil-klima. Dan huwa l-mument għal azzjoni f’waqtha.
Malta flimkien mal-Unjoni Ewropea, qed taħdem għal ambizzjoni akbar. Kollettivament, bħala Unjoni Ewropeja rridu nnaqsu t-tniġġiż b’55%. Filfatt bħalissa għaddejin diskussjonijiet fuq il-qafas legali li għandu jwassal lill-Unjoni Ewropeja f’dan il-punt.
Qed nirreferi ghall-pakkett legislattiv maghruf bhala l-Fit for 55 – li permezz ta’ mizuri differenti jista’ jwassal lill-Unjoni Ewropea biex tnaqqas it-tniġġiż b’55%.
Bħal daż-żmien sena, pajjiżna nhieda l-Low Carbon Development Strategy li tfassal it-triq ‘il quddiem biex permezz ta’ miri speċifiċi nnaqssu it-tniggiż. Parti importanti ta’ din l-istrateġija hija l-parteċipazzjoni attiva tal-istakeholders kollha tas-soċjetà kif ukoll il-ħtieġa li jkollna edukazzjoni akbar dwar it-tibdil fil-klima.
Permezz tal-kampanja #ClimateOn! irridu nqajjmu kuxjenza akbar dwar miżuri li permezz tagġhom nistgħu innaqqsu r-rata tat-tibdil fil-klima. Apparti li nżidu l-għarfien, l-edukazzjoni u l-promozzjoni ta’ messaġġi ambjentali se nkunu qed niffukaw fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni biex ngħixu ħajja aktar sostenibbli.
Din il-kampanja se tkun mifruxa sa’ Ottubru u permezz tagħha se nkunu qed nsejjħu għal bidliet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dawn jinkludu wkoll soluzzjonijiet innovattivi li permezz tagħhom inkunu nistgħu inħejju lis-socjetà tagħna biex tkun aktar reżiljenti u tilqa’ għal dan it-tibdil.
Din hija l-opportunità tagħna biex nispjegaw kif kull wieħed u waħda minnha jista’ jikkontribwixxi biex anke’ Malta tilħaq l-ghanijiet u l-miri tagħha. Iridu naraw inizjattivi u proġetti li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet klimatiċi, permezz ta’ riċerka, innovazzjoni, teknoloġija u żvilupp.
Permezz ta’ din il-kampanja, se nkunu qed infittxu inizjattivi li huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà u l-pubbliku inġenerali, biex ikollna kwalità ta’ arja aħjar, titjib f’saħħet-il bniedem u l-protezzjoni tal-biodiversità. Dan filwaqt li nsaħħu l-ekonomija tagħna.
Jekk hemm sfida globali li hija emerġenza, din żgur hija t-tibdil fil-klima u l-impatt tagħha. Id-dinja qed tesperjenza diversi avvenimenti frekwenti ta’ temp estrem. Qed nesperjenzawhom aħna stess. Avvenimenti li huma ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem u l-ambjent ta’ madwarna b’riperkussjonijiet ekonomiċi serji.
Il-Gvern qed jaħdem biex iżidu l-ambizzjoni tiegħu ħalli nnaqsu l-impatt tat-Tibdil fil-Klima. Għandna bżonn il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd. Ċittadini, negozji, l-industrija, gruppi soċjali. Kulħadd għandu sehem x’jagħti.
Għalhekk li din il-kampanja se tkun ta’ pjattaforma biex inħeġġu l-azzjoni u nħeġġu bidla mis-setturi kollha biex nimxu lejn enerġija aktar nadifa u rinovabbli u lejn għażliet aktar ambjentalment sostenibbli, bħal pereżempju fil-mod kif nivvjaġġaw u anke’ fl-investiment finanzjarju li hu meħtieġ.
Il-Kampanja #ClimateOn! hija pass ieħor biex insaħħu l-ħidma u l-azzjoni biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima u fuq kollox ngħixu aħjar aktar sostenibbli.
Inħeġġeġ lilek li qed taqra dan l-artiklu, liż-żgħar u lill-kbar, lill-entitajiet tal-gvern u s-settur privat, lill-ħaddiema u lil min iħaddem kif ukoll il-familji u l-iskejjel tagħna biex ilkoll flimkien inkunu parti minn din il-bidla.