Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Fi Klassi Waħda Imma Mhux f’Keffa Waħda

Id-diversità hija l-arti li wieħed jaħseb flimkien, b’mod indipendenti. Dan huwa kliem Michael Forbes li spiss naħseb dwaru, speċjalment meta niltaqa’ ta’ kuljum ma’ tant realtajiet ta’ nies u ċirkostanzi differenti. Kemm hu sabiħ li ngħarfu naħdmu għal għan wieħed, imma fl-istess waqt naħdmu u naħsbu bil-mod individwali tagħna. Jekk hemm post fejn wieħed jista’ jrawwem il-ħsieb u l-ideat, huwa propju fil-bankijiet tal-iskola.

Infatti nixtieq nittratta aħbar li segwejt riċentement, li se jibda x-xogħol biex jiġi introdott ambjenti favur l-awtiżmu f’diversi skejjel primarji u sekondarji din is-sena. Il-Ministru għall-Edukazzjoni ħabbar li dan se jkun eżerċizzju li se jiffoka fuq sbatax-il skola primarja u sitt sekondarji, għaliex is-settur tal-edukazzjoni kellu jwieġeb għal aktar għarfien dwar l-awtiżmu billi jiżgura li l-iskejjel jipprovdu ambjent it-tajjeb għal dawn it-tfal. Fi ħdan l-iskejjel, għandu jkun hemm ambjent fejn kulħadd jaħdem għal għan wieħed, ċioe it-tagħlim u t-trawwim ta’ uliedna. Iżda għandu jkun ukoll ambjent fejn nippermettu lit-tfal jaħsbu u jaħdmu bil-mod individwali tagħhom.

L-awtiżmu huwa suġġett għal qalbi ħafna. Infatti, bħala Membru Ewro Parlamentari, ħdimt fuq dikjarazzjoni uffiċċjali flimkien ma’ Autism Europe, l-akbar assoċjazzjoni Ewropea li tagħmel xogħol f’dan il-qasam, u appellajt lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jaddottaw strateġija Ewropeja biex jgħinu lil dawn il-persuni fl-isfidi tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Id-dikjarazzjoni kienet approvata mill-Parlament Ewropew wara li sabet l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

Sħaqt u se nkompli nisħaq li m’hemmx metodu wieħed u uniku kif ikun indirizzat l-awtiżmu, u ġenituri għandhom jingħataw l-opportunità li jesploraw metodi varji li jistgħu jgħinu lil uliedhom. Fit-teorija dan nistgħu ngħiduh, imma biex nimplimentawh bis-serjetà rridu miżuri li jikkonċernaw il-ħajja ta’ kuljum ta’ uliedna. Għax uliedna kollha, bl-awtiżmu jew le, imorru l-iskola.

Għadda ż-żmien, però, li l-iskola tkun one-size-fits-all. Dan jgħodd mhux biss għal każijiet bħall-awtiżmu, iżda għal ħtiġijet kollha varji tat-tfal. L-obbligu ewlieni tagħna hu li noħolqu ambjent fejn kulħadd jista’ jitgħallem u li ma jeskludi lil ħadd minħabba n-natura tiegħu. Irridu nżommu f’moħħna li meta ngħidu terapija, din ma sseħħx go xi klinika maqtuha mid-dinja, minn tobba jew infermiera. Għall-kuntrarju, is-socjetà ta’ madwar dawn it-tfal tista’ sservi ta’ terapija għalihom kuljum, filwaqt li kulħadd jibbenefika mill-fatt li l-ambjent fejn it-tfal jitgħallmu jkun inklussiv. Għax l-inklużjoni ma titgħallimiex mill-kotba, imma permezz tal-prattika.

Sabiex dan il-kunċett ikun applikat sew, esperti u stakeholders li jaħdmu f’dan il-qasam iridu jingħaqdu bejniethom, u jikkollaboraw mal-edukaturi. Għaliex jibqa’ wkoll il-fatt li dijanjosi dettaljata u li ssir kmieni kemm jista’ jkun tgħin biex tingħata appoġġ u informazzjoni aħjar lil tfal bl-awtiżmu u lil familji tagħhom. Madanakollu, nemmen li s’issa fl-Ewropa mhux qed isir biżżejjed biex ikun hemm djanjosi minn kmieni.

Ejja nżommu f’moħħna li l-politika dwar l-awtiżmu diffiċli titfassal b’ċertu perfezzjoni għaliex ħafna ma jifhmux sewwa l-kundizzjoni x’inhi. Irid ikollna diskussjonijiet onesti u diretti ma’ dawk kollha li għandhom rwol f’dan il-qasam biex naraw x’inhu jaħdem u x’mhuwiex. Aħna u niktbu l-policies irridu niftakru li t-tfal iridu jgħixu t-tfulija tagħhom b’serenità mat-tfal l-oħra filwaqt li l-adulti jridu jgħixu ħajja indipendenti kemm jista’ jkun.

Għalhekk ukoll huwa tajjeb li nadattaw l-iskejjel tagħna għal dawn it-tfal, għax dan huwa eżerċizzju li minnu jitgħallem kulħadd. Ninsab konvinta li se jkun hemm sfidi, imma jekk dawn nagħrfuhom bħala opportunitajiet, se jgħinuna nifhmu l-awtiżmu u nindirizzawh, u allura jservu ta’ opportunità.

Bħala Membru tal-Parlament Ewropew, se nkompli nisħaq favur dawn it-tip ta’ opportunitajiet u favur l-inklużjoni.