Fis-sena li rat fost l-akbar żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija madwar id-dinja, f’pandemija u fi żmien fejn l-għoli tal-ħajja fl-Ewropa laħaq livelli rekord, f’pajjiżna konna, għadna u se nibqgħu nieħdu l-aktar deċiżjonijiet importanti biex nipproteġu lin-nies l-ewwel u qabel kollox.
In-nies tistenna li fil-mument tal-prova nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba, nagħmlu dak li hemm bżonn biex naraw li fl-aħħar mil-aħħar nsarrfu l fiduċja li tawna fi kwalita ta’ ħajja aħjar għalihom.
Kwistjoni ta’ atitudni
Fil-ġimgħat li għaddew il-prezz tal-enerġija, partikolarment il-prezz tal-gass, laħaq livelli li qatt ma konna rajna qabel.
Minkejja dan ħadna d-decizjonijiet t-tajba. L-aktar waħda li tipproteġi lin-nies u li tinċentiva n-negozji tagħna hi li l-piż qed jinġarr mill-gvern u mhux mil-familji tagħna.
F’pajjiżi oħra ħafna akbar minn tagħna qed naraw li l-piż tal-prezzijjiet esorbitanti tal-enerġija qed jinġarru propju minn dawk li jifilħu l-anqas. Għax nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn illum il-Maltin u l-Għawdxin qed igawdu fost l-orħos prezzijiet ta’ fjuwil, gass u diesel fl-Ewropa kollha. Ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li aħna l-unika pajjiż fejn il-konsumaturi ma raw l-ebda żieda fil-prezzijiet tal-enerġija f’disa’ snin sħaħ wara li Gvern Laburista raħħas dawn il-prezzijiet b’25%.
Sitwazzjonijiet simili, deċiżjonijiet differenti
Ftit tas-snin ilu, gvern Nazzjonalista kien iffaċjat bi kriżi ekonomika ħafna aktar modesta minn dik li ħalliet il-pandemija tal-COVID-19 fl-aħħar sentejn. Quddiem sfidi ħafna anqas gravi, ħaddieħor ħa l-eħfef triq u ivvota bil-qalb biex jgħolew il-kontijiet u l-prezzijiet
Fl-2008 pajjiżna kellhu l-aktar livell għoli ta’ inflazzjoni fl-aħħar 40 sena b’rata tal-għoli tal-ħajja li kienet laħqet kważi il-5% u xejn anqas minn 6,000 ruħ qiedgħa. Riżultat ta’ politika żbaljata li kienet taħdem kontra n-nies u n-negozji billi tagħbbihom bil-piżijiet meta l-anqas ikunu jifilħu. Deċiżjonijiet ħżiena li ma poġġewx liċ-ċittadini fiċ-ċentru.
Dik is-sena il-prezz tal-enerġija f’Malta kien żdied b’aktar 45%.
Dakinhar il-piż ġarrewh waħedhom il-familji u n-negozji tagħna. Issa meta mistoqsiji mill-ġurnalisti fuq din il-kwistjoni, mill-kumdità tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech ħasel idejh mir-responsabilità u żamm ma’ l-istess deċiżjonijiet li ħadu ta qablu.
Fiduċja u kredibilità
Ma tirbaħx il-fiduċja bl-islogans. Il-fiduċja tan-nies tinbena fuq il-kredibilità tal-politiċi li jwettqu dak li jwegħdu u jwegħdu biss dak li jistgħu jwettqu.
Kredibilità li tinbena billi taħdem kulljum għal ġid tan-nies flok titfa l-problemi taħt it-tapit. In-nies jafu li dan il-gvern huwa l-aqwa garanzija ta’ kontijiet stabbli. Bħalissa ghaddej xoghol importanti li se jwassal sabiex nassiguraw li nkomplu nsolvu anomaliji li nholqu minn gvern nazzjonalista f’paniku qabel l-2013 filwaqt li nippromowvu l-għaqal fil-konsum u l-protezzjoni tan-negozji u l-industrija Maltija.
Bid-deċiżjonijiet tagħna f’dawn is-snin, se nkunu raħħasna l-kontijiet, żammejnihom baxxi waqt l-agħar kriżijiet u solvejna l-problemi li writna minn ta’ qabilna.
Serħan-il moħħ lin-negozji
Din l-attitudni turi d-differenza bejn pajjiżna u pajjiżi oħra. Konna u għadna qed ninvestu bis-saħħa biex ngħinu lin-negozji joħolqu l-ġid, joħolqu aktar xogħol, joħolqu aktar opportunitajiet għall-ħaddiema Għawdxin u Maltin.
Investjena kważi €700 miljun biex salvajna aktar minn 105,000 impjieg. Waqt il-pandemija, in-negozji tagħna irċevew għal darba darbtejn għajnuniet finanzjaraji biex iħallsu l-pagi, l-kontijiet tad-dawl u l-kirjiet tagħhom.
Illum għandna l-aktar rata baxxa ta’ qgħad fl-istorja tagħna. Mhux hekk biss, f’sentejn ta’ pandemija rnexxilna nsostnu klima pożittiva fl-intrapriza Maltija biex jinħolqu xejn anqas minn 14,000 karriera ġdida.
Kwalità ta’ ħajja aħjar
Id-dinja għaddejja mil-akbar mewġa ta’ inflazzjoni fl-aħħar 40 sena u, kuntrarju għal kif kienu jaħsbu xi wħud, għalina ż-żieda fil-prezzijiet m’hix perċezzjoni jew sempliċi statistika ekonomika li trid tgħix biha. Konxji mill-fatt li l-familji, speċjalment dawk finanzjarjament aktar vulnerabbli qed iħossu din iż-żieda aktar minn ohrajn.
Vera wkoll li minħabba li żammejna l-prezzijiet tal-energija stabbli, pajjiżna bħalissa għandhu l-anqas rata ta’ inflazzjoni fl-Ewropa kollha. Filfatt l-għoli tal-ħajja fl-Ewropa bħalissa huwa l-aktar għoli li qatt kien u kważi d-doppju tal-livell f’Malta. Għalina dan mhux konsolazzjoni. Se nkomplu naħdmu sabiex naraw li jkollna mekkaniżmu li jkompli jwiezen liż-żgħir.
L-enerġija li nwettqu l-ġid
Jekk baħrin ta’ vera tarafhom fil-maltemp, l-aħħar sentejn żgur sawruna aktar minn qatt qabel. Mhux talli ma qatawlniex qalbna, talli l-isfidi, għalkemm bla preċedent fl-istorja mlewna b’rieda u b’enerġija biex naħdmu aktar minn qatt qabel ħalli noħolqu l-ġid għan-nies tagħna.
Madwar id-dinja il-qasam tal-intrapriża u s-settur tal-enerġija għadda mill-aktar sentejn diffiċli li niftakru. Minkejja dan, illum għandna fost l-orħos kontijiet fl-Ewropa, l-inqas rata ta’ qagħad fl-istorja, l-aktar prezzijiet stabbli għall-familji u n-negozji, l-anqas rata ta’ għoli tal-ħajja fiż-Żona Ewro, u l-aktar nies jaħdmu li qatt kellna fil-pajjiz.
Dak li jagħmilna differenti minn ħaddieħor huwa propju d-determinazzjoni u t-twemmin tagħna li ninvestu fin-nies u noħolqu l-ġid. Għaliex mill-ġid joħroġ biss aktar ġid.
Article Original Source : https://www.illum.com.mt/opinjoni/politika/64712/miriam_dalli__innies_lewwel_u_qabel_kollox_#.YhPqt5PMJqt