Maltese Version :
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli żaru x-xogħlijiet li għaddejjin fi Triq Sir Luigi Camilleri, ir-Rabat Għawdex u x-xogħlijiet li saru fi Triq il-Kunċizzjoni, il-Qala. Dawn huma tnejn minn għadd ta’ toroq madwar Għawdex li saru mill-ġdid u kienu ffinanzjati mill-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta.
B’valur ta’ aktar minn €2 miljun, f’sitt toroq madwar Għawdex, il-Ministeru u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biddlu s-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ, filwaqt li komplew jestendu n-network tan-New Water. Qabel it-toroq inksew mill-ġdid bl-asfalt, l-Enemalta wettqet ukoll diversi xogħlijiet ta’ titjib fl-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku, billi għaddiet cables ta’ vultaġġ għoli ġodda u ħejjiet il-konnessjonijiet meħtieġa għal substation ġdida, biex tkompli tilqa’ għad-domanda tal-elettriku f’dawn l-inħawi fis-snin li ġejjin. B’hekk, b’dan l-investiment ir-residenti tal-inħawi qed igawdu minn ambjent aħjar fit-toroq tagħhom, flimkien ma’ servizzi tal-ilma u tal-elettriku aktar affidabbli.
Ix-xogħlijiet saru fi Triq ix-Xagħra, ix-Xagħra, Triq Sir Luigi Camilleri, ir-Rabat, u Triq il-Kunċizzjoni, Triq Papa Piju 12, Triq il-Mitħna u Triq ta’ Semper, il-Qala.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-infrastruttura fil-gżira Għawdxija baqgħet prijorità u fl-2022 tkompla l-programm ambizzjuż ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq. Huwa stqarr li “wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħna huwa l-ippjanar u l-iżvilupp tal-infrastruttura f’Għawdex sabiex niffaċilitaw l-iżvilupp sostenibbli u nkomplu ngħollu l-livell ta’ għajxien tar-residenti. Din is-sena, sal-lum, tajna xejn inqas minn 85,000 metri kwadri ta’ asfalt madwar Għawdex. Żieda ta’ 25% mir-rekord tas-sena preċedenti.”
Clint Camilleri rringrazzja lill-Ministru Dalli tal-kollaborazzjoni li qed issir mal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta sabiex aktar toroq f’Għawdex jinbidlulhom is-servizzi. Semma wkoll il-kollaborazzjoni li qed issir mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex ikompli jiġi estiż in-network tan-New Water sabiex aktar bdiewa jkunu jistgħu jibbenefikaw minn sors alternattiv tal-ilma għall-ħtiġijiet tagħhom.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli qalet li “Il-Korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma u l-Enemalta kontinwament qed jaħdmu biex itejbu l-kwalità tas-servizzi lill-klijenti f’Malta u Għawdex. B’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, ħadu ħsieb li waqt li jkun għaddej xogħol infrastrutturali ta’ toroq, jinbidlu infrastrutturi tal-ilma u tal-elettriku u minflokhom isiru oħrajn ġodda li jilqgħu għad-domanda tal-lum u tal-ġejjieni.”
Il-Ministru Dalli sostniet li dan l-investiment se jfisser li aktar familji se jgawdu minn żieda fl-effiċjenza ta’ servizzi essenzjali u sigurtà fil-provvista. Hija temmet tgħid li filwaqt li qed isiru dawn l-investimenti, qed jaraw li jkomplu jestendu n-network tan-New Water għall-bdiewa, biex anke jippreservaw l-ilma tal-pjan.