Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Nirrevedu kif nibnu u kif naħsbu

Miriam Pace. L-isem li kull min hu responsabbli biex jaċċerta l-ogħla standards fil-kostruzzjoni m’għandux ineħħi minn moħħu. Dan kien ir-raba’ inċident fejn waqgħu djar tan-nies f’inqas minn sena waħda biss, u l-ewwel wieħed li ħalla fatalità diretta f’dawn ix-xhur.

L-għan ta’ riformi u regoli hu biex każijiet bħal dawn jiġu evitati. Anke jekk dak li hemm fil-liġi u fit-teorija hu tajjeb, x’imkien qed infallu. Fl-2015, il-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini kien ħabbar l-introduzzjoni ta’ Skill Card. Dak iż-żmien kien intqal li din il-card kienet se ttejjeb l-istandards fl-industrija. Illum nistaqsi kif eżatt ġiet implimentata u x’inhuma r-riżultati tagħha?

Fil-prinċipju huwa pass pożittiv li l-Prim Ministru ħatar grupp tekniku biex jagħmel reviżjoni sħiħa tar-regolamenti, tas-sistemi prattiċi u tax-xogħol b’rabta mal-industrija tal-kostruzzjoni. Imma jrid ikun assigurat li din ir-reviżjoni tħalli riżultati fl-immedjat u fit-tul, għax ma nistgħux nibqgħu nimplimentaw bidliet li ma jwasslux biex l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi verament jingħata l-prijorità li jistħoqqlu.

Xejn anqas mill-ogħla standards m’għandhom ikunu aċċettati. Mhux biżżejjed li min jibni jsegwi regoli bażiċi tal-OHSA. Apparti li ħafna drabi jitqajmu dubji jekk dawk ikunux segwiti wkoll, ma nistgħux naċċettaw li siti ta’ kostruzzjoni f’pajjiżna  jkollhom ħaddiema li qatt ma missew għodda qabel f’ħajjithom, jew li qed jibnu minkejja li ma jifhmux fis-settur. Sit ta’ kostruzzjoni mhux post fejn wieħed jittanta xortih, jipprova delizzju ġdid, jew jipprova jiffranka lira fil-materjal li juża.

Irrid nara periti, kuntratturi, bennejja, u politiċi jiddiskutu madwar mejda biex isibu soluzzjonijiet li jwasslu għal bidla reali fejn l-ewwel inpoġġu l-istandards li neħtieġu u mhux kif xi ħadd se jiffranka lira. Ma rridux li r-regolamenti jkunu maħsuba u mfassla minn lobby group, hu minn hu. Għax pajjiżna la hu tal-periti, la hu tal-kuntratturi, la hu tal-bennejja u lanqas hu tal-politiċi. Huwa hemm biex jitgawda minn kullħadd u l-proċess tal-bini ta’ djarna għandu jkun maqbul bejn kulħadd.

Il-fatt li l-industrija tal-kostruzzjoni tiġġenera ħafna flus m’għandhiex tkun skuża biex kollox jgħaddi. Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi stess kien ikkwotat jgħid li fl-industrija hemm persuni li ma humiex kompetenti fix-xogħol u li l-Aġenzija għall-Bini u l-Kostruzzjoni mhix mgħammra biżżejjed biex tlaħħaq mal-ammont ta’ kostruzzjoni li għaddejja fil-pajjiż. Binja m’għandhiex titla’ jew ħofra tiġi skavata jekk il-proċess tal-bini tagħha jipperikola ħajjiet in-nies.

Illum qed niddiskutu dwar mara li kienet għall-kwiet f’darha, fl-aktar post li suppost hu sigur, iżda l-post spiċċa niżel fuqha. Drabi oħra kellna ħaddiema li tilfu ħajjithom jew weġgħu serjament waqt li kienu fuq xogħolhom. Kull ma jmur, permezz tal-mezzi soċjali, ħerġin ritratti ta’ ċirkostanzi fejn jidher ċar li jew ma sarx ippjanar tajjeb, jew ix-xogħol twettaq bi traskuraġni, jew il-ħaddiema fuq ix-xogħol mhux protetti. Biex ma nsemmux bini mingħajr sens ta’ estetika, anzi bini li jistona u jkerraħ l-irħula tagħna.

Il-mezzi soċjali mhux l-aħjar post fejn wieħed jilmenta fuq suġġett ta’ serjetà massima bħal dan. Imma xi kultant jispiċċa l-aktar post li jħalli impatt. Hemm wisq nies li qed jispiċċaw jiġru minn uffiċċju għal ieħor biex xi ħadd jismagħhom, jew li jħossu li l-każ tagħhom ma ġiex trattat bl-importanza li jistħoqqlu. Kull każ irid jingħata widen, anke fejn jidher li kollox miexi skont il-liġi. Bniedem ma jesprimix biża dwar is-sigurtà ta’ daru għalxejn, u jrid ikollu tħassib serju biex jasal jitkellem mal-awtoritajiet.  

Trid issir ġustizzja mal-familja Pace. Sfortunatament l-ebda sforz mhu se jġib lil Miriam Pace lura. L-unika ġid li jista’ joħroġ issa hu li ma nħallux binja oħra tiġġarraf sforz dak li nkunu tgħallimna. Ma nistgħux niċħdu lill-Maltin u l-Għawdxin mid-dritt bażiku li jgħixu b’moħħhom mistrieħ f’darhom stess.