Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Progress u Tiġdid

F’dawn il-mumenti partikolari fl-istorja dinjija qed nintebħu li jekk verament irridu, nistgħu nbiddlu l-istil tal-għixien tagħna f’qasir żmien.

Kemm itir iż-żmien! Għaddieli dan il-ħsieb minn moħħi din il-ġimgħa stess meta intbaħt li dalwaqt magħna t-tielet xahar ta’ dan id-deċenju l-ġdid.

Tar iż-żmien ukoll minn fuq il-Partit Laburtista, li din is-sena jiċċelebra t-twaqqif mill-100 sena tiegħu. Il-medda taż-żmien iġġib magħha ammont ta’ opportunitajiet. L-ikbar opportunita’ hija dik li niġġeddu. It-tiġdid mhux biss eżerċizzju li jagħmlilna l-ġid bħala Partit, imma huwa mandatorju għall-ġid tal-elettorat. Partit li ma jiġġeddidx ma jistax jadatta ruħu għal-ħtiġijiet tal-ġurnata, wisq inqas jista’ jantiċipa l-bżonnijiet ta’ għada u jħejji għalihom.

Waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista, tnediet diskussjoni fuq it-tiġdid u t-tisħiħ tal-istrutturi tal-Partit. Irridu nneħħuha minn moħħna li t-tiġdid huwa marbut ma’ kriżi jew diffikultà. Anzi, it-tiġdid jevita sitwazzjonijiet problematiċi u joffri l-opportunità mhux biss biex inħarsu lejn il-passat imma wkoll biex infasslu l-futur ta’ dan il-Partit.

Meta nitkellmu dwar tiġdid dejjem inżomm f’moħħi l-familja żagħżugħa Maltija. Għandek koppja li għadhom żgħar, li llum-il ġurnata jgħixu fil-propjetà tagħhom għaliex gawdew mill-iskema tal-first-time buyers. Ma kinitx faċli biex xtraw. L-iskema hija tajba iżda l-prezzijiet tal-propjeta’ huma li huma u kien sagrifiċċju kbir biex biż-żewġ pagi tagħhom laħħqu mal-ispejjeż. Illum il-ġurnata, il-Partit irid jiġġedded biex l-affarijiet bażiċi tal-ħajja, bħal li jkollok saqaf fuq rasek, ikunu affordabbli realistikament mal-pagi li qed jaqilgħu il-Maltin u l-Għawdxin. Apparti min irid jixtri, hemm min qiegħed jikri. Ir-regoli l-ġodda fil-liġi tal-kera huma pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda rridu niżguraw li ma jservux ta’ deterrent għal min irid jikri l-propjetà, jew jinkoraġġixxu illegalitajiet ġodda fis-suq.

Imma bħal din il-koppja li saret first-time buyer hemm persuni oħra tamparhom li biex jibdew il-familja tagħhom, jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali. Għalhekk li aħbar bħal dik li binja kbira f’Marsamxett – li kienet ilha mitluqa snin twal u li issa inbidlet fi 11-il appartament – se tintuża għall-akkomodazzjoni soċjali hija pass pożittiv.

Il-Partit Laburista fil-Gvern irid ikompli jiġġedded biex fil-qalb tar-riġenerazzjoni arkitettonika, u ambjentali ta’ diversi partijiet ta’ pajjiżna, iżomm f’moħħu l-aspett soċjali, għax jifhem kemm hu diffiċli għal nies f’ċertu ċirkostanzi li jibdew ħajjithom bħala familja.

Bħall-koppja li rnexxielhom jixtru propjetà, hemm oħrajn li għax qeghdin waħedhom, jew għax fuq paga minima, mhux jirnexxielhom jaslu biex ikollhom darhom. Dik il-koppja li sseparaw u biegħu d-dar tagħhom u għandhom nofs prezz ta’ propjetà sħiħa jiltaqgħu ma’ problemi serji biex jixtru jew imqar jikru, l-aktar fil-każ ta’ nisa li għal żmien twil iddependew finanzjarjament fuq żewġhom u llum isibuha diffiċli jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, Lil dawn ma nistgħux ninsewhom.

Għandna ħafna koppji li jaħdmu t-tnejn li huma illum il-ġurnata. Qabel l-2013, din ma kinitx ir-regola imma pjuttost l-eċċezzjoni. Li kieku ma kinitx għall-faċilita’ ta’ childcare b’xejn, li introduċa Gvern Laburista, kieku għad għandna ħafna nisa li lanqas daħlu fid-dinja tax-xogħol. Kemm evolvjena, meta tqis li kien il-Partit Laburista stess li introduċa ċ-children’s allowance! Iċ-childcare b’xejn jippermetti liż-żewġ ġenituri jkollhom serħan-il moħħ li t-tfal tagħhom qegħdin f’idejn tajba waqt li joħorġu jaħdmu. Żewġ pagi jgħinu biex kemm il-mara kif ukoll ir-raġel jiksbu l-indipendenza finanzjarja tagħhom u jiżviluppaw irwieħhom b’mod indaqs. Xi haġa li ma nixba qatt ninsisti dwarha. Kien il-Gvern Laburista li daħħal il-paga minima f’pajjiżna u għalhekk li hija r-responsabiltà tagħna li llum niddiskutu b’mod serju l-bżonn li din il-paga tlaħħaq realistikament mal-ħtiġijiet tal-ġurnata. Il-Partit irid ikompli jaħdem ukoll biex ikisser darba għal dejjem il-mentalità li r-raġel huwa s-sors ewlieni tal-qliegħ tal-familja, u biex jiżgura li meta mara toħroġ taħdem, titħallas daqs ir-raġel jekk tkun għamlet l-istess xogħol bħalu. Bl-istess mod, raġel m’għandux iħossu inqas minn irġiel oħra jekk jagħżel li jqatta aktar ħin ma’ uliedu waqt li l-mara taħdem barra mid-dar.

Dan huwa pajjiż fejn l-edukazzjoni hija b’xejn, u kulħadd, hu min hu, għandu l-opportunità jistudja sal-ogħla livelli. Dan huwa l-Partit li jagħraf il-bżonn tal-inklużjoni ta’ kullħadd fis-sistema edukattiva. Eżempju b’saħħtu hawn huwa l-fatt li ċertu skejjel qed jaħdmu biex jadattaw ruħhom għal kundizzjonijiet bħall-awtiżmu, u mhux it-tfal bl-awtiżmu jadattaw ruħhom għas-sistema. Kienu passi fid-direzzjoni t-tajba dawk li saru sa issa, iżda fadal ħafna xi jsir. Għal snin twal, skartajna ċertu ħiliet u ffavorixxejna dawk akkademiċi. Jeħtieġ li nkompli nqajmu mill-ġdid l-importanza tas-snajja li tant huma meħtieġa f’setturi bħat-turiżmu u l-mobbiltà. Jeħtieġ ukoll li nkomplu nqabblu dak li għandu bżonn is-suq tax-xogħol ma’ dak li qed jitgħallmu wliedna.

Imxejna ‘l quddiem fejn tidħol l-ugwaljanza bejn il-ġeneru – iżda għadna ma wasalniex fejn irridu naslu. Jeħtieġ li nwittu t-triq għan-nies f’kull qasam, inkluż fil-kamp politiku u fi rwoli fejn jittieħdu deċiżjonjiet tal-ogħla livell. Il-programm LEAD tal-Partit Laburista huwa biss eżempju wieħed u l-bidu – hemm aktar deċiżjonijiet u ideat li rridu nimplimentaw.

Kien il-Partit Laburista li daħħal il-pensjonijiet f’pajjiżna u llum qed ikompli jisħaq favur l-anzjanità attiva u ħajja dinjituża. It-tiġdid ma jistax ikun assoċjat biss maż-żagħżagħ. Ir-realtà ġdida li l-Partit irid jindirizza tirrigwardja anzjani li jinsabu waħedhom, li huma esklużi mill-avvanzi teknoloġiċi tal-ħajja u li mhux ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja. Irridu nibqgħu nemmnu fit-tiġdid personali tal-anzjani u ma ninsew qatt il-potenzjal li ġġib magħha l-esperjenza li għandhom u li ħafna drabi tintesa.

Fattur importanti għall-benessere tal-familja huwa l-ambjent li ngħixu fih. L-ambjent u l-ippjanar iridu jimxu id f’id. Illum ngħarfu li ekonomija li tirrispetta l-ambjent hija prijorità. Ma nistgħux nibqgħu nissottmettu l-ambjent għal prijoritajiet politiċi – jekk nitlqu l-ambjent, l-ambjent tlaqna. Irridu naraw li l-politika li jmexxi ‘l quddiem il-Partit Laburista trid toffri kwalità ta’ ħajja aħjar, li tibda mill-aktar bażiku: il-kwalità ta’ dak li nieklu, kemm hi nadifa l-arja ta’ madwarna, kemm għandna spazju miftuħ fejn inserrħu l-menti u neżerċitaw ruħna. 

It-tiġdid kontinwu tal-Partit Laburista jkompli jwassal biex nibqgħu rilevanti f’ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin ta’ llum u tal-ġejjieni.