Meta ngħaddu minn żminijiet diffiċli, spiss niskopru affarijiet dwarna nfusna u dwar dawk ta’ madwarna li ftit li xejn inkunu konxji minnhom. Dan hu żmien fejn joħroġ sew is-sabiħ imma anke’ l-ikrah ta’ ċertu karattri. Li l-aktar jimpressjonani huwa l-pożittiv li joħroġ. Żminijietna huma bla preċedent: fejn qabel dejjem smajna kemm hu bżonn li nżommu kuntatt ma’ qrabatna u dawk l-aktar vulnerabbli, illum qed nisimgħu biex inżommu l-bogħod minnhom.
Fost l-isbaħ karatteristika hija x-xewqa li ngħinu fiċ-ċirkostanza. Fl-aħħar jiem kien hemm numru ta’ individwi u organizazzjonijiet li avviċinawni dwar inizjattivi li qed jimplimentaw biex jagħmlu l-ġid f’din is-sitwazzjoni. Azzjonijiet bħal dawn jispikkaw meta tqis li xejn minn dak li għaddejjin minnu ma kien ppjanat.
Fost l-inizjattivi sbieħ li qed nikkollabora dwarhom hemm waħda ma’ kumpanija li tipprovdi servizzi ta’ tindif. OZO Group iddeċidew li jekk qatt kien hemm żmien li jagħtu xi ħaġa lura lill-komunita’ Maltija, huwa dan. Għalhekk isseħibt magħhom fl-inizjattiva li jipprovdu aktar minn 500 ħaddiem biex inaddfu postijiet varji madwar Malta. Il-ħsieb tagħhom huwa biex isebbħu l-lokalitajiet tagħna. Jekk il-Gvern offra għajnuna lilhom u lill-ħaddiema tagħhom, OZO Group ħassew li għandhom jirriċiprokaw dik l-għajnuna permezz t’aktar ħidma fl-ibliet u l-irħula tagħna.
Bosta kunsilli lokali laqgħu bi ħġarhom l-intenzjoni ta’ din il-kumpanija privata, u għadhom qed javviċinawni aktar kunsilli sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jipparteċipaw. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif kumpanija tagħraf ir-responsabilitajiet tagħha fi żminijiet bħal u kif ċittadini Maltin u ċittadini li jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna, ġejjin minn fejn ġejjin, jiffaċċjaw żminijiet ta’ sfida b’sens ta’ għaqda u solidarjeta’.
Wara din l-inizjattiva kont ikkuntatjata wkoll minn kumpanija oħra. Mill-Bad Boy Cleaners li wkoll qed joffru xi ħaddiema minn tagħhom biex jgħinu fil-lokalitajiet permezz ta’ twassil ta’ medicini u ikliet. Bħal dawn l-inizjattivi hemm ħafna u konvinta aktar minn qatt qabel li hu dan is-sens ta’ solidarjeta’ li jagħmilna aktar magħqudin.
Żgur li bħalu rajtu użu tajjeb aktar minn qatt qabel ta’ teknoloġija u social media, fejn nies qed jagħmlu appelli virtwali u joffru li jagħmlu x-xirja għal dawk li ma jistawx, fejn nies qed jaqsmu messaġġi ta’ tama u fejn laqgħat qed isiru xorta b’mezzi elettroniċi.
Żgur li bħali nnotajtu l-importanza kbira li qed nagħtu lis-saħħa mentali, fejn minkejja li hu żmien diffiċli għal min hu vulnerabbli, donnu s-soċjeta’ Maltija għarfet millewwel li hemm bżonn inkunu hemm għal min jista’ jkun suxxettibbli.
Fuq kollox, żgur mhux forsi rajtu b’kemm għożża u dedikazzjoni l-ħaddiema tagħna fil-qasam tas-saħħa qed jimpenjaw ruħhom biex iħarsu lill-pazjenti tagħna. U mhux biss għandna ħafna ħaddiema li forsi drabi ma ntuhomx l-apprezzament li jisthoqqilhom imma li anke’ huma, huma ndispensabbli biex il-ħajja tagħna tibqa’ għaddejja, bħal m’huma il-ħaddiema fil-ħwienet tal-merċa, supermarkets, pustiera, ħaddiema fi spiżeriji, cleaners, ħaddiema li jagħmlu deliveries, ħaddiema tal-gass u ħafna u ħafna aktar.
B’din it-tip ta’mentalita’, li ninsabu lkoll f’baħar wieħed, nistgħu niksbu ferm aktar bħala soċjeta’, kemm issa u kif ukoll ferm wara li jkun għadda dan kollu. L-appell tiegħi hu biex dan iż-żmien, għalkemm ikraħ u diffiċli, nisiltu t-tajjeb minnu u nġorruh magħna meta jkun għadda kollox.
Dan l-artiklu deher fuq il-Kulħadd