Dawn l-aħħar xhur ma kinux mill-aktar feliċi għall-familji u anke għan-negozji tagħna. Iż-żieda fir-restrizzjonijiet mħabbra fil-bidu ta’ Marzu, filwaqt li neċessarji sabiex inkunu kapaċi nikkontrollaw it-tixrid tal-pandemija qabel ix-xhur kruċjali tas-sajf toħloq wkoll sens ta’ skumdità hekk kif kollha kemm aħna għatxana li nirritornaw għall-ħajja ta’ kuljum.
Ilum dan is-sagrifiċċju kollettiv qiegħed iħalli l-effett mixtieq. Il-ftuħ gradwali tal-iskejjel, u minn għada anke l-ftuħ ta’ numru sostanzjali ta’ negozji, huwa r-riżultat li lkoll xtaqna nilħqu.
Ir-rieda li nerġgħu nxammru l-kmiem
F’ dawn il-ġimgħat komplejt niltaqa’ ma’ ħafna imprendituri u rappreżentanti differenti fil-qasam tan-negozju li bħal kullħadd intlaqtu minn dawn ir-restrizzjonijiet. Filwaqt li kull settur għandu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħu, hemm fattur li jgħaqqad lil dawn l-imprendituri flimkien: Ir-rieda li ma jibqgħux dipendenti biss fuq l-għajnuna li qed nagħtu imma li jerġgħu jibdew joperaw biex ikunu jistgħu jerġgħu jiġġeneraw l-ġid u fuq kollox jilħqu l-milja tan-negozju tagħhom. Din ir-rieda hija riżultat tal-mentalità intraprenditorjali tagħna, riflessjoni wkoll ta-fatt li l-kumpaniji tagħna jafu l-potenzjal li jistgħu jilħqu u qed jgħarfu li hemm opportunitajiet li ma jridux jitilfu fiż-żmien li ġej.
Nibdlu l-isfidi tal-lum fl-opportunitajiet ta’ għada
Il-pandemija mhux biss ġabet magħha bidliet importanti fil-ħajja tagħna imma għaġġlet il-pass ta’ kif ħafna negozji se jkunu qed joperaw fis-snin li ġejjin. L-akkwist ta’ prodotti u servizzi fuq l-internet per eżempju ma kinitx xi ħaġa ġdida imma l-pandemija aċċelerat dan il-proċess li issa infirex fis-setturi kollha. Il-kuxjenza ambjentali fil-konsumaturi wkoll ma kinitix xi ħaġa ġdida iżda fl-aħħar sena rajna kif, fuq livell globali, sirna ħafna aktar konxji tal-impatt li dak kollu li nixtru u nipproduċu jista’ jkollu fuq l-ambjent li rridu ngħixu fih.
Dawn il-bidliet huma niċeċ ta’ opportunitajiet għan-negozji tagħna. Dan anke għall-fatt li l-maġġor parti tal-kumpaniji tagħna huma ta’ daqs żgħir jew medju u allura kapaċi jaddataw rwieħhom malajr għall-bidliet bħal dawn li se jkunu kruċjali għat-tkabbir tagħhom fis-snin li ġejjin.
Propju din il-ġimgħa żort kumpanija Maltija, immexxija minn familja ta’ imprendituri żagħżagħ li storikament dejjem kienet involuta fil-manifattura tal-plastik. Illum din il-kumpanija qed tiġġedded billi tinvesti f ’makkinarju innovativ biex taħli anqas enerġija u fl-istess ħin tipproduċi prodotti innovativi li jnaqqsu l-impatt ambjentali, fost oħrajn fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan filwaqt li qegħdin iżidu l-użu ta plastik riċiklat, li flok jinħela iżid il-kapaċità ta’ produzzjoni biex il-kumpanija issa tibda tħares bis-serjetà lejn l-esportazzjoni.
Dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-industrija lokali, anke f’setturi tradizzjonali, tista’ u kapaċi tiġġedded b’suċċess. Jien kommessa u se nkompli nassigura li nagħtu s-sostenn u l-għajnuna kollha possibli lil dawn il-kumpaniji li qed jersqu lejn mudell ambjentalment u ekonomikamnet sostenibbli bil-fatti.
Investment b’ direzzjoni ekonomika ċara
Dak li kien suċċess fil-passat irridu nibnu fuqu, imma fl-istess ħin hemm bżonn li naddattawh għall-futur. Nifhem ukoll li dak li l-ekonomija għaddiet minnu fl-aħħar sena kien bla preċedent.
Propju għax irridu negħlbu l-inċertezza li ġabet magħha l-pandemija, nemmen li dan huwa l-mument li nkunu inċiżivi fl-għajnuna li nagħtu lill-imprendituri Maltin.
Fl-aħħar xhur iddiskutejt ma’ ħafna rappreżentanti tan-negozji Maltin għax irridu nkunu ċerti li mmexxu ‘l quddiem inizjattivi li verament jgħinu n-negozji tagħna imma li fl-istess ħin jagħtu direzzjoni ta’ fejn irridu naraw l-ekonomija tagħna fis-snin li ġejjin.
Nieħu pjaċir nara li l-imprendituri Maltin iridu jimxu lil hinn minn għajnuna assistenzjali imma lejn investiment f ’mudell ekonomiku sostenibbli li jassiguraw futur f ’saħħtu għall-kumpaniji tagħhom u l-ħaddiema li jħaddmu.
Kultura ta’ innovazjoni u kreattività
Minn ġenerazzjoni għall-oħra, l-imprenditur Malti dejjem wera l-kapaċità li jadatta għall-isfidi u jaħtaf l-okkażjoni biex jibdilom f ’opportunitajiet għall-futur.
Biex dan iseħħ, irridu nkomplu nkattru kultura ta’ innovazzjoni u kreattività mhux biss fi ħdan negozji eżistenti imma b’mod partikolari f ’kumpaniji ġodda.
Propju għalhekk fl-aħħar ġranet varajt inċentivi b’saħħithom biex ngħinu u ninkoraġixxu startups Maltin u barranin biex jiġu joperaw f’pajjiżna. L-għajnuna finanzjarja hija importanti u bla preċedent, hekk kif Malta Enterprise issa tista’ toffri sa massimu ta’ €1.2m f’għajnuniet lil dawn il-kumpaniji.
Iżda ma waqafniex hemmhekk. Għax verament irridu naraw li dawn il-kumpaniji jirnexxu qed iniedu wkoll assistenza f ’forma ta’ konsulenza u pariri kummerċjali li jkunu kruċjali biex nibdlu ideat tajbin ħafna għal prodotti kummerċjalment vijabbli.
Spalla għan-negozji tagħna
Matul dawn ix-xhur l-għajnuna lin-negozji tagħna kienet waħda bla preċedent. Din mhux se tieqaf fix-xhur li ġejjin għax irridu naċċertaw rwieħna li l-intrapriża tagħna terġa’ tqum fuq saqajha u timbotta ‘l quddiem l-ekonomija Maltija kif għamlet fl-aħħar snin. L-għajnuna li ser nagħtu fil-fatt ser tevolvi aktar biex tassisti fl-investimenti li hemm bżonn biex ikollna negozji aktar robusti u li kapaċi jżiedu l-kompetittività tagħhom.
In-negozji tagħna jafu li bħal ma ġara sa issa se jkomplu jsibu lilna spalla ma’ spalla magħhom f ’din il-mixja, issa aktar minn qatt qabel biex nassiguraw irkupru f ’saħħtu, sostenibbli u li jwassal għal-prosperità ekonomika għall-ġid tal-Għawdxin u l-Maltin kollha
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta Illum fil-25 t’April,2021