Fl-istess ħin li l-Prim Ministru Robert Abela kien qed iħabbar il-Kabinett il-ġdid tiegħu, bid-dekasteri differenti, il-Parlament Ewropew kien qiegħed jivvota fuq riżoluzzjoni dwar il-Green Deal Ewropew. Għalfejn qed insemmi dawn iż-żewġ fatti f’daqqa?
Bħala n-negozjatur f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi għal din ir-riżoluzzjoni, imxejt fuq il-viżjoni li nemmen fiha. Dik illi t-tkabbir ekonomiku ikun wieħed sostenibbli, li jirrispetta l-ambjent u jivvalorizza t-tisħiħ soċjali. Huma kliem sbieħ, li jinstemgħu pożittivi iżda meta wieħed jiġi biex jimplimenta din il-viżjoni bil-fatti, jibdew jitfaċċaw l-ostakli.
L-akbar ostaklu hija l-bidla fil-mentalità: il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku ġdid, ta’ politika u miżuri li jiffavorixxu s-sostenibbiltà f’kull qasam. Dan huwa dak li nimbuttaw fil-Parlament Ewropew u dan huwa li rridu nibdew naraw ukoll f’pajjiżna.
Nemmen illi d-deċiżjoni li ttieħdet biex l-ambjent, l-ippjanar u t-tibdil fil-klima jingħaqdu f’dekasteru wieħed kienet deċiżjoni tajba. Il-fatt li huwa ekonomista – il-Ministru Aaron Farrugia – li se jkun qed imexxi dan il-portafoll, ifisser li dan il-Gvern Laburista se jkun qiegħed iħares lejn l-ambjent minn aspetti differenti.
Irridu nżommu f’moħħna li l-art hija l-aktar riżorsa prezzjuża għalina l-Maltin u l-Għawdxin. Ejja ma nintilfux f’livell ta’ politika kkumplikata, u miżuri li jdawwru r-rota ekonomika, u ninsew l-aktar funzjonijiet bażiċi tagħna bħala bnedmin: li nieħdu nifs nadif, li jkollna fejn nimirħu, li jkollna fejn inserrħu għajnejna u l-menti tagħna. Wasal iż-żmien li l-ġid nikkalkulawh skont il-kwalità tal-ħajja wkoll.
Fis-snin li għaddew, Malta ħarset lejn setturi innovattivi li ħaddieħor żamm lura milli jikkonsidra, bħas-settur tal-kannabis mediċinali. Illum, dawn il-pajjiżi qed jimxu fuq il-passi tagħna u aħna rridu nibqgħu nkunu mexxejja f’oqsma differenti, dejjem f’rispett tal-aħjar prattiċi. Ċerta li l-Ministru Silvio Schembri se jkompli jibni fuq il-bażi li ħadem fuqha Dr Chris Cardona.
Hemm aspett ieħor importanti li rridu naħdmu dwaru: dak dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-governanza tajba. Il-Ministri Evarist Bartolo u Edward Zammit Lewis se jkollhom xogħol importanti f’dan ir-rigward. Jeħtieġ li naħdmu bil-kmiem imxammra favur il-governanza. Każijiet ta’ korruzzjoni jridu jiġu investigati u dwarhom tittieħed azzjoni fl-immedjat, b’mod ċar u trasparenti, bla ebda lok għal dubju jew inċertezzi. Dan il-partit fil-Gvern irnexxilu jimplimenta riformi f’setturi varji, u b’hekk wera li kapaċi jwettaq bidliet, mhux biss fejn jidħlu miżuri ekonomiċi iżda anke fit-tisħiħ tad-demokrazija. Tul is-snin li għaddew, wettaqna riformi li sa ftit ilu kienu biss teorija, bħas-separazzjoni tar-rwolijiet tal-Avukat Ġenerali, hekk kif propost mill-Kummissjoni Venezja. Jeħtieġ issa li dbabar suwed tal-passat ma jerġawx jirrepetu ruħhom. Il-politika m’għandha tħalli ebda lok għal inċertezzi dwar nies li jmissu magħha.
Prijorità oħra li l-Prim Ministru Abela jrid jagħti hija l-ġustizzja soċjali: kemm hu mqassam tajjeb il- ġid, kemm hemm aċċess ugwali għall-opportunitajiet u progress personali f’kull aspett tal-ħajja tal- individwu. Irridu niftakru dejjem fl-għeruq ta’ dak li kien il-moviment Laburista; għeruq simili ħafna għall-erba’ prinċipji kardinali li fuqhom hi mibnija l-idea tal-ġustizzja soċjali: l-ekwità, l-aċċess għall-opportunitajiet, il-parteċipazzjoni u d-drittijiet indaqs.
Irridu nkomplu nindirizzaw sew il-problema tal-faqar f’pajjiżna. Filwaqt li hawn min qed jagħmel lira tajba, hawn min ukoll bilkemm għandu biex jgħajjex lil familtu. Hemm ukoll faxxa oħra, faxxa ferm ikbar, li għalkemm mhix tbagħti l-ġuħ, ma tistax tgħid li tgħix fil-kumdità lanqas. Din hija r-realtà l-ġdida ta’ pajjiż li għamel ħafna progress, iżda li ħalla lil xi wħud warajh ukoll. Dħalna f’perjodu ġdid, mimli sfidi, fejn it-tajjeb li sar jeħtieġ li jkompli jitwettaq, filwaqt li fejn bdejna nonqsu, jew inqasna għal kollox, irridu nsibu soluzzjonijiet.