“Malta ċertezza u stabbiltà” għax il-poplu jaf b’ċertezza li għandu Gvern b’saħħtu li l-ewwel prijorità tiegħu hija li joffri l-istabbiltà biex in-nies ikunu jistgħu jippjanaw il-futur tagħhom, biex iż-żgħażagħ jafu li għandhom opportunitajiet ta’ xogħol; li n-negozji u l-investituri jafu li dan huwa pajjiż li jaqbillek tinvesti fih għax l-investiment irendi.
Dan hu Gvern Laburista li għandu ruħ soċjali, li l-pensjonanti u l-familji jafu li meta ffaċjati bi sfidi internazzjonali, Gvern Laburista mhux se jgħabbihom b’piżijiet akbar. X’differenza mill-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern! L-unika soluzzjoni tagħhom kienet u għadha li meta jsibu sfidi internazzjonali, jgħabbuhom fuq il-poplu. Ma nbidlux. Imma llum, bil-fatti u bil-provi, in-nies jafu li Gvern Laburista qiegħed hemm ta’ spalla għalihom, ifittex is-soluzzjonijiet u jipprovdi ambjent li jħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku.
Politika li tfittex li tipproteġi u tinċentiva, għal kuntrarju ta’ politika ta’ awsterita li tikkastiga lil min irid jimxi ‘l quddiem. Bil-fatti nafu li waqt pandemija, żidna l-impjiegi b’aktar minn 14,000 fuq medda ta’ sentejn. Illum, pajjiżna għandu madwar 900 persuna li qed jirreġistraw għax-xogħol. L-isfida kurrenti hi li m’hemmx biżżejjed nies biex jimlew il-postijiet tax-xogħol vakanti.
Għall-pensjonanti, bqajna nżidu l-pensjonijiet. Din ma kinitx l-ewwel żieda u bi Gvern Laburista, il-pensjonanti għandhom iċ-ċertezza li din mhux se tkun tal-aħħar. Iż-żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa tifisser €65 miljun fil-bwiet tal-pensjonanti tagħna. Din iż-żieda mhix taxxabbli u hemm min se jirċievi aktar żidiet, bħaż-żieda fil-pensjoni tar-romol, dawk li għadhom attivi fid-dinja tax-xogħol u aktar.
L-għajnuna tkompli wkoll għal min jaħdem, għal min għandu familja. Jekk inħarsu lejn il-prezzijiet tal-enerġija, l-akbar miżura għal dan il-baġit hija l-istabbiltà fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, tal-fjuwils u tal-gass. F’Malta, il-prezz tad-dawl illum huwa 25% orħos mill-2012, meta dak iż-żmien pajjiżna kien jixtri bi prezzijiet ferm orħos. Madwar l-Ewropa l-familji qed iħallsu kontijiet tad-dawl li huma 75% ogħla minn dak li kienu iħallsu fl-2013. F’pajjiżi bħall-Estonja l-kontijiet żdiedu sa tlett darbiet. Il-prezz li qed iħallsu l-Maltin u l-Għawdxin għall-fjuwil illum huwa 15% orħos mill-2012.
Bi kriżi ekonomika ferm iċken minn dik tal-lum, amministrazzjoni Nazzjonalista għabbiet lill-familji Maltin b’piż ta’ aktar minn €1,500 fis-sena, fi spejjeż relatati mal-enerġija. Illum, għax dan il-Gvern daħal għall-familji Maltin u Għawdxin, il-familji qed jiffrankaw mal-€2,000 fis-sena f’kontijiet tal-energija. Ma’ dan, żid għajnuna oħra: Koppja fuq il-paga minima li għandhom żewġt itfal bejn żieda għal-għoli tal-ħajja u żieda fiċ-children’s allowance, se jkunu qed jirċievu kważi €27 oħra fil-ġimgħa. Għal min jieħu l-inwork benefit u bil-mekkaniżmu addizzjonali, se jiżdied €4 oħra fil-ġimgħa. Żieda ta’ iktar minn €30 fil-ġimgħa. Baġit 2023 jagħti żieda ta’ €90 għal kull wild, biex b’hekk aktar minn 41,000 familja se jgawdu minn żieda fiċ-children’s allowance.
Għall-familji tal-klassi medja, bejn żieda tal-għoli tal-ħajja, it-tax refund, żieda fit-tax credit u wkoll iż-żieda fic-children’s allowance se jkollhom, se jifdlilhom aktar minn €1,800 ewro fil-but. Bl-iffrankar fil-kontijiet tal-enerġija, familja ta’ erba’ se tkun gawdiet minn aktar minn €3,800, li f’sena baqgħu fil-but tagħha.
Dan l-impenn soċjali qed ikun possibbli wkoll għax ir-rota ekonomika ta’ pajjiżna qeda ddur. Fi kliem l-aġenziji tal-credit rating, dan huwa Gvern riformista li qed jikkontrolla l-inflazzjoni u jmexxi l-finanzi pubbliċi bil-għaqal. Fi żmien Gvern Nazzjonali, id-dejn tal-pajjiż kien jammonta għal 70% tal-ġid nazzjonali; id-dejn nazzjonali llum – minkejja dak kollu li għadda minnhu pajjiżna f’dawn it-tlett snin – huwa ta’ anqas minn 60%. Dan l-għaqal fil-finanzi u l-klima li qed noħolqu bħala Gvern qed iħalli l-effett tiegħu: L-investiment dirett barrani qiegħed jissaħħaħ u qed niddiversifikaw l-ekonomija ta’ pajjiżna. Irridu li t-tkabbir ikun sostenibbli. Fi żmien meta ħaddieħor kien qed ibeżża, aħna ħdimna biex nattiraw lejn pajjiżna x-xogħol u ngħinu lin-negozji Maltin jespandu.
Il-kumpaniji tal-manifattura, l-intraprizi u n-negozji qed jikbru, qed jespandu, qed jissaħħu u qed jiddiversifikaw. Qedgħin joħolqu karrieri ta’ kwalita. Fl-aħħar sena kellna disa’ proġetti ta espansjoni ta’ kumpaniji li diġa qegħdin joperaw f’pajjiżna. Proġetti li bejniethom se jkunu qed jinvestu f’Malta u Għawdex €58 miljun u mistennija joħolqu mal-500 impjieg ġdid – karrieri għall-ħaddiema u ż-żgħażagħ tagħna. U qed naraw l-interess f’setturi differenti, bħal dak tal-medical devices fejn qed nattiraw l-interess ta’ kumpaniji barranin. Għandna diġà żewġ applikazzjonijiet biex jibdew joperaw minn Malta u b’hekk ċ-ċertifikazzjoni lill-medical devices.
Qed noħolqu l-klima ideali għall-iStart-ups ġodda, biex inġibu l-aqwa talent ġewwa pajjiżna. Hawnhekk ħdimna wkoll biex niżviluppaw programm ta’ residenza ta’ kwalità għolja biex nattiraw l-aqwa talenti. Fl-ekonomija l-blue ukoll qed naraw kumpaniji innovattivi – fost oħrajn kumpanija li qed tipproduċi f’Malta dik li tissejjaħ ‘multi-expect hydro special survey system’ għall-qiegħ il-baħar. Kumpanija oħra tipproduċi robotic vessels li jintużaw fl-ispezjoni ta’ vapuri kbar. Dan juri kif f’pajjiżna qed nattiraw l-investiment biex jinħoloq xogħol ta’ kwalità għolja.
Dan huwa parti minn dak li qed joffri Baġit 2023 – programm li jikkonferma kif meta toffri l-fiduċja fil-familji u n-negozji, din il-fiduċja tissarraf f’aktar ġid. U għalhekk ċertezza u stabbiltà, għax dan huwa baġit ieħor li jikkonferma tmexxija ta’ Gvern li jħares għall-futur.