Ir-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar se jibdew igawdu minn spazju miftuħ ta’ 17,000 metru kwadru, hekk kif tlesta l-ewwel fażi tal-proġett li wasslet għall-ftuħ tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa. Permezz ta’ din il-picnic area, qed nagħtu lill-pubbliku spazju ieħor fejn jirrikreaw ruħhom qalb 4,000 siġra.
L-ewwel fażi tal-proġett f’Bengħajsa qed joffri picnic area daqs żewġ grawnds tal-futbol. Dan il-Park tal-Familja huwa t-tielet spazju aħdar li qed jinfetaħ din is-sena mill-Ministeru għall-Ambjent, wara li nfetħu l-Park tal-Klieb f’Ta’ Qali u l-estensjoni tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar.
Dan tħabbar waqt żjara fil-park mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul.
Ġie spjegat kif il-picnic area hija attrezzata b’bankijiet magħmula minn materjal sostenibbli. Matul il-passaġġ, ġew installati tabelli b’informazzjoni relatata mat-tip ta’ siġar u arbuxelli differenti li hemm fil-park u l-karatteristiċi tagħhom. Għat-tgawdija tat-tfal ġew installati wkoll strutturi ta’ obstacle games. Project Green se tkun responsabbli miż-żamma ta’ dan il-park.
B’kollox ġew imħawla madwar 4,000 siġra minn diversi entitajiet fosthom Infrastructure Malta u Ambjent Malta. 1,800 siġra ġew imħawla bħala parti mill-inizjattiva ma’ Puttinu Cares fejn għal kull donazzjoni ta’ €300 jew aktar mill-pubbliku għal Puttinu, tħawlet siġra jew arbuxell.
“L-investimenti li qed nagħmlu fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna qed iħallu l-frott, u llum huwa ta’ sodisfazzjoni li qed niftħu għall-pubbliku dan il-Park tal-Familja f’Bengħajsa, żona li fil-passat kienet ġiet ikkunsidrata għal żvilupp ta’ miżbla jew bħala estensjoni għal proġett kummerċjali. Minflok, ir-residenti ta’ Birżebbuġa se jkunu qed igawdu wieħed mill-akbar parks fin-Nofsinhar ta’ Malta. Inħeġġeġ ukoll lill-pubbliku sabiex jiġi u jgawdi dan l-ispazju aħdar,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Dalli laqgħet il-ftehim li ġie ffirmat mal-Malta Girl Guides biex ikollhom ukoll spazju f’dan il-park għall-attivitajiet tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul spjega kif Project Green qed tadatta l-ispazji miftuħa għall-komunità, bil-ħsieb ukoll biex jitgawdew minn kulħadd, inkluż dawk li jagħmlu użu minn wheelchair. Għalhekk, il-picnic benches ġew adattati biex persuni b’wheelchair ikollhom spazju wkoll mal-mejda.
Huwa saħaq li l-ftehim li ġie ffirmat mal-Malta Girl Guides, li taħdem prinċiparjament mat-tfal u ż-żgħażagħ, se jkompli jassisti lil din l-organizzazzjoni fl-attivitajiet tagħha biex it-tfal ikollhom spazju sigur fejn jitgħallmu. “Dawn huma r-riżultati ta’ ħidma mal-komunità fejn smajna u issa qed inwettqu,” saħaq is-Sur Ellul.
Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa huma mis-6:30am u sad-9:00pm bejn April sa Settembru u mis-6:30am sas-7:00pm bejn Ottubru sa Marzu.