Ftit aktar minn sena ilu, permezz tal-Enemalta, ħabbarna pjan ta’ azzjoni biex fuq medda ta’ sitt snin tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna. Fost il-proġetti, il-pjan t’azzjoni jinkludi 250 sub station ġdida u immodernizzar ta’ oħrajn, bini ta’ ċentru ġdid ta’ distribuzzjoni fin-Naxxar u tkabbir ta’ tlieta oħra, tibdil ta’ linji u l-istallazzjoni ta’ regolaturi tal-vultaġġi f’diversi lokalitajiet.
Pjan ta’ €90 miljun mifrux fuq sitt snin.
Fil-ġimgħat li għaddew, kelli l-opportunità li nżur ix-xogħol li tlesta fuq iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Marsaskala, li b’investiment ta’ ftit anqas minn €3 miljun, ġiet irduppjata l-kapaċita ta’ dan iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni. B’hekk, l-Enemalta ppjanat biex tilqa’ għar-rata li biha qed tikber din il-lokalità u l-madwar, minn Ħaż-Żabbar sa Birżebbuġa.
L-investiment f’dawn iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni jfisser li qed jiġu mgħammra bl-aħħar teknoloġija. It-tisħiħ fis-sistema mhuwiex xi ħaġa vizibbli imma r-riżultat jista’ jiġi mkejjel. Per eżempju, matul is-sajf li għadda, minkejja rekord ta’ domanda fl-elettriku, l-qtugħ ta’ dawl naqas b’aktar minn 33%.
Fi Frar, l-Enemalta laħqet il-peak tad-domanda, b’rekord ġdid għax-xhur tax-xitwa ta’ 538MW. Mqabbel mal-istess perjodu is-sena l-oħra, l-ogħla domanda tax-xitwa kienet ta’ 503MW. Jiġifieri qed nitkellmu 35MW aktar mill-ogħla domanda li kellna s-sena li għaddiet.
L-isfida li għandha l-Enemalta mhix żgħira, fl-isfond tat-tkabbir ekonomiku u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja li jkomplu jżidu d-domanda għall-elettriku. Tistgħu taħsbu: Matul l-2022, l-Enemalta tat kważi 12,000 servizz ġid tal-elettriku; għamlet 48 substation ġdida, fosthom fil-Mellieha, l-Mosta, Ħ’Attard u l-Marsa u żiedet 80 feeder mis-substation għal toroq residenzjali. Saru wkoll xogħlijiet fuq iċ-ċentri tad-Distribuzzjoni ta’ Ħal Tarxien u l-Imrieħel.
U se nkomplu nagħmlu aktar għax irridu li l-familji, ir-residenti u n-negozji jkomplu jkollhom provvista tal-elettriku stabbli.
Dan huwa Gvern li ta s-serħan il-moħħ lill-familji u n-negozji minkejja l-isfidi li niltaqgħu magħhom. Bid-deċiżjoni li ħadna li nżommu l-prezzijiet stabbli, il-familji tagħna qed jiffrankaw mal-€2,000 fis-sena fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom: Filwaqt li l-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi Ewropej għollew il-kontijiet tagħhom, il-familji u n-negozji Maltin baqgħu jgawdu minn kontijiet stabbli.
Sadattant, qed inkomplu naħdmu biex Malta jkollha settur tal-enerġija li ma jniġġisx.
Dan l-impenn lejn enerġija nadifa kompla b’investiment qawwi biex aktar familji u negozji jinvestu fl-enerġija rinovabbli u sistemi t’effiċjenza fl-enerġija.
Fil-fatt, grazzi għal diversi skemi ta’ għajnuna għal sistemi t’enerġija rinovabbli, żidna bil-kbir il-kapaċità tal-enerġija rinovabbli. Filwaqt li fl-2013 pajjiżna kellu kapaċità ta’ 28.5 megawatt ta’ enerġija nadifa, din il-figura issa telgħet għal 222.25 megawatt, żieda ta’ madwar 680% f’10 snin. Dan ifisser li diġà qbiżna l-mira stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, li pajjiżna jkollu 11% tal-enerġija tiegħu provduta minn sorsi rinovabbli sas-sena 2030. Fil-fatt lħaqna it-12.15%, mingħajr mhu qed ninkludu l-investimenti tal-2022.
Dan l-impenn se jkompli fis-snin li ġejjin hekk kif il-Gvern qed jaħdem biex iħajjar ukoll investiment fl-enerġija rinovabbli offshore fl-ibħra madwar Malta.
L-investiment ambjentali jkompli
L-impenn ambjentali qed nuruh ukoll bl-implimentazzjoni ta’ proġetti li jsaħħu l-ispazji ħodor diġà eżistenti filwaqt li noħolqu oħrajn ġodda. Fost l-aktar attivitajiet li ħassejt sodisfazzjoni nattendi għalihom f’dawn l-aħħar ġimgħat kienu propju dawk relatati mal-ispazji miftuħa.
Il-Park tal-Familja f’Bengħajsa: żona li ħaddieħor kien iħares lejha bħala l-post ‘ideali’ biex tagħmel miżbla jew biex tiżviluppa attivita industrijali. Minflok aħna qed ntuha r-ruħ biex il-familji u ż-żgħażagħ ikollhom spazju rikreattiv ieħor fin-Nofsinhar ta’ Malta. Picnic area ta’ 17,000 metru kwadru qalb 4,000 siġra u arbuxell. U din hija biss l-ewwel fażi ta’ dan il-Park.
L-estensjoni tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar. Żona oħra li qed iżżid fil-popolarità tagħha qalb ir-residenti tal-inħawi. Għax x’hemm isbaħ milli dawn il-postijiet jitgawdew minn nies? Għalhekk ukoll qed naħdmu biex inżidu l-attivitajiet fil-parks, attivita bħalma hi Wirt in-Natura li tiġbed lejha bosta viżitaturi.
Qed naraw li nagħtu l-ħajja mill-ġdid lil postijiet li forsi biż-żmien intelqu jew ikun hemm bżonn xogħol ta’ tisbieħ. Irċivejt ħafna kummenti sbieħ fuq ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni li sar fil-Park tal-Klieb, f’Ta’ Qali. Post ieħor fejn is-sidien tal-klieb jistgħu jmorru bil-klieb tagħhom u jħalluhom jiġru u jilgħabu fi spazju sigur.
Dan ix-xogħol kollu sar f’dan l-ewwel kwart ta’ din is-sena, filwaqt li għaddej ix-xogħol bi preparamenti għal proġetti oħra.
Għandna l-ambizzjoni, imma fuq kollox ir-rieda biex mhux biss ikollna spaziji miftuħa imma li dawn jinżammu fi stat tajjeb ambjentali. Kull spazju miftuħ huwa uniku u se nkunu qed nadattaw skont l-esiġenzi tas-sit, it-tipoloġija u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet rispettivi u l-possibiltajiet li joffru l-lokalitajiet.
L-għan tagħna jibqa’ dak li noffru lir-residenti spazju miftuħ fil-lokalità stess għat-tgawdija ta’ kulħadd.
Dan l-artiklu deher fl-ILLUM: 26/03/2023