Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Birżebuġa kif tixraqlek

Għal snin twal in-naħa ta’ Isfel ta’ Malta kien minsi. Kien minsi għax kien jiġi ttrattat differenti miċ-ċentru jew in-naħa ta’ fuq ta’ pajjiżna. 

Ir-residenti ta’ diversi lokalitajiet intalbu jagħmlu ħafna sagrifiċċji u żgur mhux forsi, l-akbar bidla pożittiva kienet l-għeluq tal-power station tal-Marsa u l-bidla mill-heavy fuel oil għall-LNG, fl-impjant ta’ Delimara. 

Dan wassal għal titjib qawwi fil-kwalità tal-arja u għamel differenza reali u tanġibbli fil-ħajja ta’ bosta. 

Kif dan il-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ġab miegħu tkabbir ekonomiku u għolla l-livell tal-għixien tan-nies, bl-istess mod qed inħarsu lejn it-titjib fil-kwalità tal-ħajja. 

Aktar minn qatt qabel, riżultat tal-pandemija, qed tingħata attenzjoni akbar lejn il-mod ta’ kif ngħixu, kif inqattgħu l-ħin liberu u l-ispazju fejn nagħmlu dan.

 L-akbar sodisfazzjon tiegħi huwa meta niltaqa’ ma’ residenti ta’ lokalitajiet differenti u jgħidu kemm jieħdu gost jisimgħu li qed ninvestu fi spazji miftuħa, li mhux neċessarjament huma fil-lokalità tagħhom iżda li huma qrib biżżejjed biex flimkien man-neputijiet tagħhom jistgħu jmorru jgawdu sagħtejn ta’ rilassament u jaqtgħu mir-rutina ta’ kuljum. 

Filwaqt li huwa minnu li għandna ħajja mgħaġġla u impenjattiva, li qed tkun riflessa anke fl-ambjent ta’ madwarna fejn il-ħsejjes ma jaqtgħu xejn, irridu nsibu dawk l-ispazji għall-kwiet, li huma fiċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna.

 Eżempju ta’ dan huma żewġ proġetti – fost numru ta’ proġetti – li bħala Parks Malta qed noħolqu għar-residenti. Dawn huma il-Bee Garden f ’San Ġwann u ġnien mill-isbaħ f ’Santa Luċija. B’dawn iż-żewġ proġetti se nkunu qed nirriġeneraw żoni abbandunati. Spazji li tista’ tgħid kien moħlija.

 Iżda wkoll qed inħarsu lejn proġetti kbar. Bħalma huwa l-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa, f ’Birżebbuġa. Park li se jkopri medda ta’ art ta’ 60,000 metru kwadru u se jagħti spazju rikreattiv għall-etaijiet differenti fin-Nofsinhar ta’ Malta. Dan qed isir b’investiment ta’ €4 miljun u se jkun wieħed mill-akbar Parks fin-Nofsinhar ta’ Malta. 

Minħabba x-xogħol estensiv li hemm bżonn, hu mistenni li dan il-proġett jitlesta sal-aħħar tal-2023. Flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, impenjati li naraw dan il-proġett jitlesta fil-ħin. Filwaqt li diġà ġew imħawla ammont konsiderevoli ta’ siġar b’ħidma ta’ Infrastructure Malta fost l-oħrajn, Parks Malta qed tara li żżid in-numru ta’ siġar b’mhux anqas minn 1,000 siġra indiġena oħra, fost oħrajn bħall-Ħarrub u ċ-Ċipress. Il-park se jiġi mgħammar b’diversi attrazzjonijiet kemm sportivi u dawk rikreattivi bħall-camping site u picnic area, b’passaġġi u żoni għall-attività fiżika, żona fejn jilgħabu t-tfal u kaffetterija. Il-Park tal-Familja f ’Bengħajsa se jikkumplimenta x-xogħol li qed isir fi proġetti oħra bħalma huwa t-tisbiħ tal-promenade ta’ Wied il-Buni. 

Fuq kollox, dan huwa l-impenn tal-Gvern biex nirriġeneraw lil Birżebbuġa għax irridu nagħtu dehra ġdida lil din il-lokalità li tixraq lir-residenti, biex igawdu ambjent sigur u nadif. 

Iżda l-akbar rigal li stajna nagħtu lir-residenti ta’ Birżebbuġa huwa bla dubju l-wegħda mwettqa li ngħalqu l-impjant tal-ħażna tal-fjuwil – kif inhu magħruf aħjar bħala l-31 ta’ Marzu. 

Propju ftit tal-jiem ilu wettaqna wegħda elettorali oħra grazzi għall- investiment ta’ €70 miljun biex il-ħażna tal-fjuwil imxiet ġewwa Ħas-Saptan ħalli b’hekk ikun jista’ jibda l-proċess, li jagħti bidu għat-tindif u tneħħija tat-tankijiet li hemm fil-qalba ta’ Birżebbuġa. Qabel ma jibda l-proċess ta’ ‘decomissioning’ tat-tankijiet, se jkun hemm perjodu ta’ cold stand-by. Wara, numru ta’ xhur, jibda t-tindif biex fil-bidu tas-sena d-dieħla it-tankijiet ikunu jistgħu jitbattlu.

 Ir-residenti ta’ Birżebbuġa jafu kemm-il darba raw trakkijiet deħlin u ħerġin. Biss biss, kien ikun hemm mal-44 vjaġġ ta’ trakk kuljum. Ifisser li minn Birżebbuġa, se nkunu qed niffrankaw mal-4.5 tunnellata ta’ emissjonijiet CO2 fis-sena.

 Din il-ġimgħa stess ukoll daħal l-aħħar tanker tal-petrol biex jimla r-riserva ta’ emerġenza. 

L-investiment biex jingħalaq l-impjant ta’ Birżebbuġa mhuwiex biss fit-tisbiħ tal-lokalità iżda huwa investiment fis-saħħa u s-sigurtà tal-familji: tal-anzjani u t-tfal.

 Inżertajt li din il-ġimgħa mort insegwi logħba ta’ beach soccer fil-Bajja s-Sabiħa u ltaqjt ma’ xi residenti li lanqas setgħu jemmnu li dan l-impjant verament qed jingħalaq. Id-differenza tinħass, issa li dawn it-trakkijiet qed jimlew minn Ħas Saptan, u għalhekk daqshekk se joħorġu fumes tal-fjuwil waqt li jkunu qed jimtlew it-trakkijiet. 

Għax filwaqt li hemm l-impatt negattiv tat-tankijiet fuq il-veduta ta’ Birżebbuġa, wieħed ma jistax jinsa l-impatt fuq is-saħħa tan-nies u s-sigurtà. Meta l-impjant kien inbena 120 sena ilu, dak iż-żmien iż-żona kienet vojta. Biż-żmien u bl-iżvilupp, inbnew postijiet residenzjali madwar l-impjant. Għalhekk kien jeħtieġ li dan l-impjant jingħalaq. 

Bħal kull proġett ieħor, x’deċiżjoni se tittieħed fuq is-sit u x’se jkun qed isir minnu, jiġi determinat minn proċess sħiħ, inkluż dak li nisimgħu u nattwaw. Iżda f ’dan il-każ, hemm proċess importanti biex tiġi studjata u analizzata l-art biex ikollna informazzjoni ċara dwar il-livell ta’ kontaminazzjoni tal-art. 

Li hu żgur hu li dan is-sit tal-31 ta’ Marzu mhux se jintuża aktar għal skopijiet industrijali.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta Illum fil-25 ta’ Lulju,2021