Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Enerġija rinnovabbli : L-aktar investiment ambizzjuż għall-familji

F il-politika trid twettaq bil-fatti u taġixxi b’mod li tħalli effett f’ħajjet il-familji Maltin u Għawdxin. Hekk għadna kif għamilna meta ħabbarna t-twettiq ta’ miżura oħra tal-Baġit; dik li nibqgħu ninċentivaw l-enerġija rinovabbli.

Din il-ġimgħa ħabbart l-aktar investiment ambizzjuż fl-użu residenzjali tal-enerġija rinovabbli, ta’ €9 miljun. Dan għamilnih għax qed naħsbu fit-tul biex naċċertaw ruħna li l-familji li se jinvestu u dawk li diġà investew fir-rinovabbli jieħdu l-massimu tal-investiment li għamlu fuq 20 sena.

 Qed nagħmlu tajjeb għas-sistema introdotta minn amministrazzjoni Nazzjonalista u sibna soluzzjoni għal dawk li applikaw għal tariffi li jiskadu wara sitt jew tmien snin. Il-feed-in tariff issa se tkun qed tkopri total ta’ 20 sena. Din ma kinetx deċiżjoni b’kumbinazzjoni imma maħsuba biex timxi b’mod parallel mat-tul ta’ ħajja ta’ pannella, li l-medja tagħha hija dik ta’ 20 sena. 

Dawn jibdew jgħoddu minn dakinhar li daħlu fl-iskema oriġinali. Jiġifieri għal min tpoġġa fuq sistema li skadiet wara sitt snin, se jidħol fis-sistema eżistenti għal 14-il sena oħra u min tpoġġa fuq sistema li skadiet wara tmien snin, se jidħol fis-sistema eżistenti għal 12-il sena oħra.

 Qatt m’hu se ndur fuq in-nies jew naċċetta li jkun hawn min jgħid lin-nies biex jarmi l-pannelli li nvesta fihom. Anzi lin-nies inħeġġiġhom biex ikomplu jħarsu fit-tul għaliex dan huwa settur li nemmnu fih u li qed ninvestu fih. 

Is-sodisfazzjoni tiegħi huwa meta niġi quddiemkom bi pjan maħsub, costed u b’viżjoni ta’ fejn irridu mmorru. Għalina, it-tranżizzjoni għall-enerġija aktar nadifa hija aktar wiesa’, fejn iċ-ċittadini wkoll ikunu protagonisti ta’ din il-bidla. Din it-tranżizzjoni mhix faċli imma l-isfidi qatt ma beżżgħuni. Aħna politiċi kuraġġużi u żgur li mhux se nħallu lin-nies u lin-negozji jġorru dan il-piż waħedhom. Jiena wkoll konxja tal-fatt li ħafna qed jistaqsu dwar dawk imsejħa bħala solar rights. Bħalma ħabbart fil-Parlament, flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, qed inħarsu lejn x’soluzzjonijiet nistgħu noffru. Li nassigura huwa li meta aħna nitkellmu fuq soluzzjonijiet, dawn aħna nagħtuhom u nwettquhom. 

Matul dawn l-aħħar snin, irreġistrajna progress konsiderevoli fil-qasam tar-rinovabbli u se nkomplu naħdmu biex l-enerġija tagħna tkun prodotta mill-aktar sorsi nodfa. 

Għalhekk li qed ninċentivaw lin-nies ikunu aktar effiċjenti u sostenibbli u b’hekk qed inħeġġuhom jinvestu f ’enerġija aktar nadifa, b’kontijiet orħos u jkunu fiċ-ċentru tal-bidla li qed nagħmlu. 

L-għan tagħna hu li nkomplu nsaħħu l-iskemi tajbin u b’saħħithom ta’ grants biex il-familji u n-negozji verament ikunu jistgħu jinvestu f ’operat sostenibbli. F’dan il-każ, ilfamilji se jkunu jistgħu jinvestu f ’enerġija solari ħalli mid-dar tagħhom jiġġeneraw, jaħżnu u jiffrankaw il-kontijiet tad-dawl tagħhom. 

Mhux biss qed niffukaw fuq djar Maltin u Għawdxin fejn ċittadini jridu jinvestu fil-produzzjoni tal-enerġija. Qed noffru wkoll l-għajnuna lil dawk li jridu jużaw l-enerġija li jipproduċu huma stess, permezz tal-grants fuq il-batteries fid-djar. 

Dawn l-għażliet differenti qed noffruhom għax nafu li l-familji għandhom realtajiet differenti. Minħabba ħinijiet ta’ xogħol, per eżempju, mhux kulħadd jista’ juża l-enerġija ġġenerata matul il-ġuranta. B’sistema ta’ batteriji qed tagħti l-għażla li dar tuża dak li ġġenerat fi kwalunkwe ħin, anke bil-lejl. 

Qed inkomplu nwettqu l-wegħda elettorali tagħna fil-qasam tal-enerġija. U dan qed nagħmluh ukoll f ’konsultazzjoni sħiħa mal-istakeholders. Biex inġib eżempju, l-iskema residenzjali saret f ’konsultazzjoni sħiħa ma’ imsieħba soċjali bħall-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji u mal-Assoċazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA).

 Dawn l-istakeholders jirrappreżentaw lin-negozji li jissupplixxu l-prodotti, li wkoll iridu jkunu skont standards Ewropej. Hawnhekk jidħol ukoll ir-rwol tar-Regolutar għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma biex niggarantixxu li dawn l-istandards qed jiġu milqugħa. 

Is-settur tal-enerġija trid taħseb għalih fuq tul ta’ żmien u tieħu wkoll kont tat-teknoloġiji li jkunu qed jiżviluppaw. Il-viżjoni tiegħi hija bbażata fuq ħames binarji differenti: il-mixja lejn sorsi aktar nodfa, is-sigurtà tal-provvista, id-diversifikazzjoni, li nibqħu nżommu fost l-aktar kontijiet irħas u l-viżjoni li sal2050 ikollna ekonomija li ma tniġġisx.

 Hawnhekk tajjeb wieħed iffakkar illi l-Gvern diġà qed jixtri mill-orħos sors. Dak li l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista ma jkunux ċar dwaru meta jsemmu l-interconnector, huwa li l-interconnector huwa l-ogħla fil-prezz meta t-talba għall-elettriku tkun fl-ogħla livelli. 

Bħala Gvern Laburista nemmnu li rridu nkomplu nsaħħu l-politika fil-qasam tar-rinovabbli – m’aħniex nitkellmu dwar dan qisha xi filosofija sabiħa fl-arja imma qed nippreżentaw pjan b’policies u inċentivi li jilħqu dan il-għan. 

Għal darb’oħra, dan il-Gvern qed ikun il-katalist tal-bidla, bil-protagonisti jkunu il-familji Maltin u Għawdxin. Flimkien, irridu nilħqu l-miri ta’ dikarbonizazzjoni ta’ dan il-Gvern biex sal-2050 jkollna ekonomija li ma tniġġisx. In-nies jafu min hu kredibbli u min iwettaq dak li jwiegħed.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta Illum fit-28 ta’ Frar,2021