Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Għal Malta Aħjar

Dak li ħabbar il-Gvern nhar it-Tnejn li għadda huwa pjan ta’ riġenerazzjoni bla preċedent għal familji u negozji Maltin. Zgur li sa’ ftit tax-xhur ilu ħadd qatt m’għaddielu minn moħħu li pajjiżna kien se jkollu bżonn pjan ta’ rkupru ekonomiku. Imma ffaċċjat b’pandemija li fl-istorja riċenti qatt ma rajna bħalha, sibna Gvern li b’mod immedjat ħaseb f’baġit b’saħħtu u nieda pakkett ekonomiku qawwi biex iħares l-impjiegi u jagħmilhom aktar reżiljenti.

Il-ġlieda kontra l-Coronavirus ma tikkonċernax biss il-qasam tas-saħħa. Hija wkoll ġlieda biex naċċertaw ruħna li jkollna settur ekonomiku reżiljenti u b’saħħtu. Waqt li kienet qed tkun provudta kura għal min safa vittma tal-virus u waqt li kienet għaddejja ħidma biex l-istess virus ma jinxteridx, il-Gvern kien impenjat ukoll biex inhiedi miżuri li jwieżnu lill-ħaddiema bħas-suppliment għal pagi tal-ħaddiema Maltin u Għadxin u miżuri oħra bħal differiment tat-taxxi. Gvern bil-għaqal jaħdem bi pjan fit-tul biex la darba din il-pandemija tgħaddi, l-ekonomija Maltija u l-familji Maltin jkunu jistgħu jirpiljaw bla dewmien.

Dak li rajna ppreżentat fil-baġit ta’ nhar it-Tnejn imur lil’hinn pass ieħor. Ġew preżentati sett ta’ miżuri li jaħsbu kemm f’min iħaddem u f’min jiġġenera x-xogħol, kif ukoll f’min jaħdem u min se jkollu bżonn l-akbar għajnuna biex jgħix ħajja dinjituża. Meta gie mħabbar il-pakkett ta’ €900 miljun biex iddur l-ekonomija ta’ pajjiżna u biex ninvestu fis-suq lokali, l-iktar messaġġi li spikkaw kienu l-kuraġġ u l-bżulija.

Dan il-pakkett t’għajnuna li ta’ l-Gvern Malti jikkumplimenta dak li qed naħdmu għalih fuq livell ta’ Parlament Ewropew. Wara li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret pakkett ta’ rkupru ekonomiku, irid ikun aċċertat li dan il-pakkett ikun ta’ benefiċċju għal pajjiżna u mhux ta’ detriment. Għalhekk li fil-laqgħa li kelli anke’ mal-President tal-Kummissjoni Ewropea iddiskutejt biex ir-realtajiet ta’ pajjiżna jittieħdu in kunsiderazzjoni. Biex fost l-oħrajn ma jsirx kalkolu dwar l-għajnuna li jingħataw il-pajjiżi ibbażata biss fuq il-figura tal-qgħad, imma tittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li f’pajjiżna għandek settur li huwa fost l-aktar li soffra ċioe it-turiżmu. Din hija l-istess linja li qed jinsisti dwarha l-Gvern fit-taħdidiet li qed ikollu.

Għalhekk li se nibqa’ impenjata biex, issa li qegħdin jiġu rilaxxati l-miżuri relatati mal-Coronavirus, naħdmu biex nistabilixxu normalita’ ġdida, u naqbdu drawwiet ġodda li jgħinuna noħolqu bilanċ bejn il-protezzjoni tas-saħħa, il-protezzjoni ambjentali u l-għixien tagħna. Per eżempju, se nibqa’ ninsisti li wara li jgħaddi dan kollu, it-teleworking għandu jkun wieħed minn dawn id-drawwiet ġodda li jgħati flessibilitàlill-ħaddiem Malti, jgħin lil kumpaniji jkunu iktar effiċjenti f’xogħolhom u jnaqssu l-ispejjeż u anke’ jnaqqas it-traffiku u t-tniġġiż mit-toroq tagħna.

Qed inkompli niltaqa’ ma’ diversi entitajiet, kumpaniji u NGOs biex naraw kif pajjiżna jista’ jieħu l-benefiċċji li ġġib magħha l-European Green Deal, għaliex l-impenn tiegħi huwa li jkollna policies Ewropej li jħarsu l-ambjent f’pajjiżna filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema u l-industrija Maltija.

Intant, sabiex b’ħidmieti nkompli nikkumplimenta ħidmet il-Gvern, se nara li ċertu setturi f’pajjiżna ma jaqgħux lura, bħal ngħidu aħna s-settur agrikolu, li fi żminijiet bħal dawn tirrealizza kemm hu essenzjali għal pajjiżna. Irrid nara settur agrikolu b’saħħtu f’pajjiżna, fejn il-bidwi Malti u Għawdxi jista’ jaqla’ l-għixien tiegħu. Qed nitkellem ma’ diversi bdiewa u nies mis-settur biex naraw kif jista’ jkollna sistemi aktar effiċjenti li jnaqqsu l-ħela ta’ frott u ħaxix.

Permezz tal-pjan tiegħu, il-Gvern Malti wera li għandu r-riedni f’idejh u kapaċi jaħseb għal rasu u għan-nies tiegħu għaliex għandu sens qawwi ta’ għaqal fil-mod li bih jamministra l-fondi pubbliċi.

Nemmen li kull wieħed u waħda minnha għandna il-kuraġġ u aħna bieżla biex naħdmu flimkien ħalli kollha kemm ahna nikkontribwixxu għal Għada Aħjar.