Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Napprezzaw lill-ħaddiem is-sena kollha

Din is-sena l-Ewwel ta’ Mejju iċċelebrajnih b’mod differenti. Ma nġbarnix folol kbar biex infakkru l-kisbiet li għammilna u nsellmu lil kull min jaħdem, iżda dan ma jfissirx li fil-kwiet ta’ darna ma rriflettejnhiex fuq l-importanza ta’ dan il-jum.

L-impatt tal-pandemija tal-coronavirus m’huwiex biss dwar kemm nistgħu noħorġu mid-dar u kemm nistgħu – jew aħjar ma nistgħux – ninġabru fil-pjazzez. L-impatt tal-COVID19 huwa wkoll wieħed ekonomiku u soċjali. L-impatt dirett fuq is-settur turistiku rajnih u ħassejnih mal-ewwel; ristoranti, ħwienet tax-xorb, stabbilimenti tad-divertiment u ħwienet li joffru servizzi diretti lill-klijenti bħal-ħwienet tas-sbuħija u tax-xagħar kellhom jagħlqu.

Huwa ċar iżda li l-impatt tal-pandemija mhux se jieqaf hawn u jisparixxi fil-mument li pajjiżna jiġi ddikkjarat ‘corona virus free’. Ir-riperkussjonijiet fuq l-ekonomija se jinħassu daqskemm se jinħass l-impatt fuq il-postijiet tax-xogħol.

Minkejja li f’pajjiżna hawn min spiċċa bla xoghol, hawn ukoll sidien tan-negozji li raw kif għamlu biex żammew il-ħaddiema. Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-membri tal-Kabinett u entitajiet tal-Gvern bħal Malta Enterprise, raw kif għamlu biex jagħtu għajnuna lin-negozji fl-immedjat u għajnuna lil dawk li sfaw bla xogħol.

Issa rridu niffukaw fuq l-irkupru ekonomiku. Jekk qabel kont nitkellem dwar il-ħtieġa li nersqu ‘l bogħod mill-mudell ekonomiku tradizzjonali, dan japplika issa aktar u aktar. Ma nistgħux mmorru lura għal kif konna qabel. Hemm aspetti minn din in-normalita li dħalna fiha li rridu nżommu magħna.

Wara li tgħaddi din il-pandemija żgur li se nżiedu aktar id-dipendenza fuq id-diġitizazzjoni. Jekk xejn, din il-pandemija għallmitna kemm it-teknoloġija użata b’mod tajjeb toffri alternattivi għan-negozji u alternattivi għax-xogħol. Mhux kulħadd jista’ jagħmel xogħolu permezz tat-teleworking – imma ħafna minnu jista’ jsir. Imma biex dan isir hemm bżonn li l-kumpaniji jaġġornaw l-infrastrutturi tagħhom biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jikkomunikaw b’mod sigur mid-dar. Bl-istess mod ħafna aktar kumpaniji, ħwienet u min jipprovdi servizz għandu jżid il-preżenza tiegħu online. Fl-istess ħin, dan it-tip ta’ investiment jagħmel tajjeb għal kumpanija li mbagħad tkun tista’ tiffranka l-flus minn bnadi oħra.

Din ir-rivoluzzjoni diġitali li ilna tant nitkellmu dwarha, qabdet il-momentum. Konvinta li se naraw investiment akbar f’dan il-qasam, fl-intelliġenza artifiċjali, fis-supercomputing, fis-cybersecurity u fit-taħriħtal-ħaddiema biex jiżviluppaw il-ħiliet diġitali tagħhom. Iffiser li rridu nagħtu t-taħriġneċessarju lill-ħaddiemaġodda u anke’ dawk li diġaqed jaħdmu biex ikollhom il-ħiliet neċessarji ħalli ma jaqgħux lura teknoloġikament.

F’kull pjan li se jinħadem biex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha u biex min spiċċa bla xogħol ma jdumx qiegħed, irridu nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema u nkomplu bil-ġlieda kontra l-prekarjat. Li nipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiem jfisser ukoll li nkomplu naħdmu favur l-ugwaljanza, fejn irġiel u nisa jitħallsu l-istess paga għall-istess xogħol li jagħmlu. L-ugwaljanza tfisser li persuni b’disabilita ma jiġux iddiskriminati fuq il-post tax-xogħol, u li s-socjeta tifhem li kulħadd għandu x’jikkontribwixxi.

Il-pjan ta’ rkupru irid iħares lejn ix-xogħolijiet ta’ għada, xogħolijiet li jrendu għax it-tkabbir ekonomiku se jkun wieħed sostenibbli. Li jkun sostenibbli ifisser li l-pjan ta’ tkabbir iħares l-ekonomija, l-ambjent u l-ġustizzja soċjali.

L-akbar tislima li nistgħu nagħtu lill-ħaddiema f’dawn iż-żminijiet huwa li ma nħallux lil kulħadd għal rieħu. Fuq livell Ewropew qed naħdmu favur fondi u flessibilita’ neċessarja biex jgħinu lill-gvernijiet nazzjonali jimplimentaw programmi, skemi, miżuri u azzjoni diretta biex kemm jista’ jkun jagħmlu tajjeb għad-daqqa li diġa qed iħossu n-nies.

Hemm konsumaturi li diġa nefqu l-flus fuq servizzi li ma gawdewx minnhom, bħal nies li nefqu eluf ta’ ewro bħala depożiti għall-vaganzi li lanqas biss marru. Hawnhekk irid jingħata s-serħan-il moħħli dawn mhux se jibqgħu lampa stampa. Minħabba l-kompetittivita tal-linji tal-ajru, anke dik tal-linja nazzjonali Air Malta, jeħtieġli jkun hemm approċċ komuni fuq livell Ewropew. Għalhekk li ktibt lill-Kummissjoni Ewropea biex tispjega kif se tassigura li l-konsumatur ikun protett. Irridu naħsbu wkoll fl-operaturi fil-qasam tat-turiżmu li ħafna minnhom huma negozji żgħar, u ħafna minnhom huma negozji tal-familja u li jinsabu maqbuda fin-nofs.

Għalkemm din is-sena kellna Jum il-Ħaddiem differenti mis-soltu minħabba ċ-ċirkonstanzi li ninsabu fihom, konvinta li lkoll flimkien – leġiżlaturi, l-industrija, min iħaddem u t-trade unions – jista’ jkollna katina soda ta’ ideat u ħidma li ma teskludi lil ħadd.

Dan l-artiklu deher fit-Torċa: 30/04/2020