Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Għalfejn Ekonomija Sostenibbli?

Toly hija waħda minn dawk il-kumpaniji Maltin li tista’ tqishom bħala eżempju ċar ta’ kumpanija li bir-reżiljenza tagħha kienet kapaċi toħroġ mill-pandemija b’saħħitha. F’dawn ix-xhur segwejt mill-qrib l-operat ta’ din il-kumpanija meta ħabbarna kif Toly Products Ltd kienet qed tinvesti sabiex l-operat tagħha jkun aktar sostenibbli.

Waqt li jħarsu fit-tul, il-kumpaniji Maltin qed jaħsbu fis-sostenibbilita. Fil-fatt Toly qed tippjana biex tkompli tinvesti iktar minn €3 miljun għall-erba’ snin li ġejjin biex tkompli tkun sostenibbli fl-operat tagħha. Dan l-investiment jindirizza kemm tnaqqis fit-tniġġiż kif ukoll fil-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità minn materjal li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

F’dawn l-aħħar snin rajna l-ekonomija tikber b’rata mgħaġġla, b’attenzjoni fuq l-ekonomija diġitali. It-teknoloġija, l-innovazzjoni u r-riċerka saru punt ta’ referenza għal kull industrija li trid tibqa’ relevanti għaż-żmijiet tal-lum. Mhux biss. Il-konsumaturi llum il-ġurnata huma aktar konxji ta’ dak li jikkonsmaw, minn fejn ġejjin il-prodotti li qed jixtru u x’effett qed iħallu fuq l-ambjent. 

Ġustament, in-nies jistaqsu wkoll x’qed jagħtu lura l-kumpaniji lejn il-komunità li joperaw minnha. Għalhekk, bħala Ministeru tal-Intrapriża ħadna l-inizjattiva li nistiednu l-kumpaniji kwotati fuq il-Borża ta’ Malta biex jirrapportaw informazzjoni relatata mal-ambjent, mas-soċjal u mal-governanza (ESG) fil-mod ta’ kif joperaw.

Din l-informazzjoni se tkun organizzata u riprodotta fuq il-pjattaforma elettronika tad-Direttorat tas-Sostenibbiltà fi ħdan il-Ministeru. 

Is-sostenibbilità fiha nnifisha twassal biex kumpanija tikber u tiddiversifika. Dan għaliex l-effiċjenza fil-produzzjoni u l-operat joffru l-opportunita biex kumpanija tkompli tinvesti ħalli ttejjeb il-prodott tagħha jew tilħaq mad-domanda li jkollha. Kumpaniji li jinvestu fis-sostenibbilità huma kumpaniji li kapaċi jattiraw l-investiment barrani u li jistgħu jikkompetu fis-swieq internazzjonali. 

Il-karatteristika ewlenija tan-negozji u ħaddiema Maltin u Għawdxin huma l-bżulija u d-determinazzjoni. Naraha fix-xogħol tiegħi, fil-laqgħat ma’ imprendituri differenti u fiż-żjarat f’kumpaniji u negozji differenti. Dawn huma l-valuri li bħala Gvern se nkomplu naħdmu biex inħeġġu u ninċentivaw. 

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta t-Torċa fid-9 ta’ Settembru,2021