Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Niġġeddu għall-pajjiż li jixraqlek

“ Dan il-partit li jkompli jiġġedded u jġedded għax aħna nemmnu f ’pajjiżna. Għalhekk inġeddu lil Malta flimkien. Flimkien nagħmlu l-unika forza politika magħquda li tista’ ġġedded lill-pajjiżna. Nemmen fuq kollox fil-ħaddiem għax il-bażi ta’ dan il-moviment, imma iktar u iktar tal-pajjiż, huwa l-ħaddiem.” 

Dan huwa kliem il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, fid-diskors tiegħu waqt ir-rally lejlet Jum l-Indipendenza. Mhuwiex biss kliem imma riflessjoni ta’ dak li qed nagħmlu bħala Partit Laburista biex niġġeddu għal ġid tal-pajjiż. 

Dan il-prinċipju huwa rifless fil-politika li nħaddnu, fil-miżuri li nħabbru u fl-inizjattivi li nvaraw f ’oqsma differenti, mill-iżgħar sal-akbar miżura. Jekk inħares biss lejn il-ħidma tiegħi matul il-ġimgħa li għaddiet, kienet f ’varjazzjoni ta’ inizjattivi: minn laqgħat ma’ kumpaniji privati li qed jinvestu f ’pajjiżna; għal diskussjonijiet ma’ kunsilli lokali biex nitkellmu dwar il-ħidma fi ħdan il-komunitajiet; għal tnedija ta’ ktieb illustrattiv biex ngħallmu lit-tfal tagħna dwar l-iżvilupp sostenibbli; għal tnedija ta’ skema biex l-għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jinstallaw pannelli solari fuq il-binjiet tagħhom b’xejn. 

F’dawn il-ġimgħat qed naraw li nkomplu nniedu inizjattivi li jgħinu lill-intrapriżi Maltin sabiex ikomplu jespandu, jinvestu u fuq kollox joħolqu karrieri ta’ kwalità għall-ħaddiema tagħna. 

Għalfejn qed nagħmlu dan? Għalija r-risposta hija vera diretta: dan kollu qed nagħmluh biex ngħixu f ’pajjiż aħjar u biex nagħtu futur b’saħħtu lit-tfal tagħna. Verament nemmen li l-imħabba li għandna lejn uliedna u r-rieda biex niggarantuwlhom għada aħjar mill-bieraħ hija r-rieda li taqgħadna lkoll, Għawdxin u Maltin, irrispettivament mill-kuntest soċjali li ġejjin minnu jew mill-mod kif naħsbuha fuq livell politiku. 

Il-ġimgħa li għaddiet, meta ħabbarna l-investiment multimiljunarju tal-kumpanija De La Rue ġewwa pajjiżna, rajna li dan l-investiment mhux biss iwassal għat-tkabbir ekonomiku tal-intrapriża u tas-settur tal-manifattura f ’pajjiżna. Lil hinn minn dan rajna li dan l-investiment iwassal għall-ħolqien ta’ karrieri ġodda u fuq kollox karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ tagħna. Filfatt l-investiment li qed naraw jitwettqu illum fil-qasam tal-manifattura huwa riflessjoni tal-fatt li bħala Gvern mhux talli ma qtajniex qalbna minn din l-industrija, mhux talli ma qadniex kwieti u irrasenjajna ruħna, talli xammarna l-kmiem. Xammarna l-kmiem biex naraw kif nistgħu nassistu kemm lill-kumpaniji li ilhom deċenji sħaħ joperaw minn pajjiżna biex ikunu jistgħu jespandu aktar, filwaqt li komplejna nattiraw lejn pajjiżna investiment barrani ġdid.

Dan kollu wassal biex illum għandna xejn anqas minn 7,400 persuna aktar milli kellna fl 2013 li bdew karriera propju f ’din l-industrija li ħaddieħor kien qata’ qalbu minnha. Il-ħidma tagħna tfisser li illum dawn il-persuni mhux biss qed jaħdmu f ’industrija li qed tikber imma li bit-talenti tagħhom qed jilħqu l-milja tagħhom. Fuq kollox frott il-bżulija u l-ħidma ta’ kull waħda u wieħed minnhom, dawn il-ħaddiema saħħew il-futur tagħhom u qed jaraw il-familji tagħhom javvanzaw ‘il quddiem.

Fil-qasam tal-enerġija stajna waqafna mal-qalba miż-żejt għall-gass li ġabet bilda radikali fil kwalità tal-arja u l-livell tal-għixien tan-nies fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Imma nafu li l-mument li nieqfu u nistrieħu fuq is-suċċessi tagħna nfusna, jkun il-mument li nieqfu nimxu ‘l quddiem għal livell ta’ għixien aħjar. 

Għalhekk qed ninvestu b’mod aggressiv u b’ammonti mingħajr preċedenti f ’enerġija aktar nadifa. Apparti li qed nagħtu fost l-aktar għajnuniet ambizzjużi biex in-nies u l-kumpaniji Maltin jinvestu f ’enerġija nadifa, qed ukoll naraw li nixprunaw ‘il quddiem il-qalba għall-vetturi li ma jaħdmux bil-petrol u d-diesel, imma minflok jaħdmu b’teknoloġija li ma tniġġiżx. Qed nagħmlu dan għaliex irridu ekonomija u pajjiż ħieles mit-tniġġiż, għax fuq kollox nemmnu u rridu li uliedna jgħixu f ’pajjiż u f ’ambjent aħjar.

Qed naraw li nsebbħu dejjem aktar il-parks tagħna u nagħtu lura lill-familji ambjenti rikrejattivi, ġonna u spazji ħodor speċjalment fiż-żoni urbani ta’ pajjiżna. 

Din l-ambizzjoni tagħna li naħdmu dejjem aktar għal Malta b’ekonomija b’saħħitha – li tgħolli l-kwalità tal-ħajja ta’ kull min jgħix f ’pajjiżna – kienet il-punt ċentrali fid-diskors tal-Prime Ministru nhar it-tnejn li għadda. Ir-rieda li naraw li f ’dak kollu li nagħmlu inpoġġu fiċ-ċentru l-iżvilupp soċjali tan-nies; li jkollhom l-għodda u l-kapaċità li jibnu futur isbaħ għalihom infushom u għal uliedhom. Minn dejjem kien il-qafas ewlieni fit-twemmin politiku tagħna u tal-Gvern Laburista. 

Illum aktar minn qatt qabel irridu nkomplu naħdmu biex kull wieħed u waħda minnha ma jaqax lura. Għandna d-determinazzjoni biex dan il-pajjiż nkomplu nmexxuh ‘il quddiem kemm fit-tkabbir eknomiku li jnaqqas id-distakk bejn min għandu ħafna u min għandu ftit, u fejn il-kwalità tal-ħajja verament tfisser livell ta’ għixien aħjar għal kulħadd.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta Illum fit-3 ta’ Ottubru,2021