lkoll naqblu li għandna bżonn naħdmu sabiex intejbu il-ħajja tan-nies, nipproteġu l-ambjent ta’ madwarna u niżguraw dinja b’saħħitha għalina u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-Green Deal Ewropew jiffoka propju fuq hekk, għaliex huwa sett ta’ inizjattivi mfassla mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li l-Ewropa ikollha ekonomija bla tniġġiż sal-2050. Dan ikun ifisser li l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara jkunu bbilanċjati b’miżuri li jnaqqsu t-tniġġis u l-ħsara mill-atmosfera.
Dan kollu jiddependi mill-ekonomija u l-intrapriża tagħna. Ħafna mill-għanijiet tal-Green Deal Ewropew huma ffokati dwar il-bżonn li nagħtu spinta lill-ekonomija permezz ta’ investiment fit-teknoloġija ekoloġika, fl-industriji u fil-proċessi ta’ manifattura sostenibbli, filwaqt li nnaqqsu t-tniġġis. Hekk kif l-Unjoni Ewropea qed iżżid il-momentum fuq il-Green Deal u l-għanijiet tiegħu, hemm suġġett ewlieni li jibqa’ kruċjali għas-suċċess ta’ din l-inizjattiva: il-finanzjament tal-investiment meħtieġ biex jitwettqu proġetti sostenibbli.
Green bonds u l-finanzjament sostenibbli diġà’ huma suġġetti popolari madwar l-Ewropa. Kif jissuġġerixxi l-isem, green bonds huma investimenti f ’forma ta self intenzjonat lil organizazzjonijiet li jkunu jridu jinvestu fi proġetti sostenibbli u li jħallu impatt ambjentali pożittiv. Dawn il-bonds jinħargu kemm minn Gvernijiet kif ukoll minn kumpaniji privati. Dawn it-tip ta investimenti huma idejali biex iġibu flimkien investituri li jixtiequ jinvestu flushom fi proġetti sostenibbli u b’għanijiet ambjentali.
Riċentement, per eżempju, il-Gvern Ġermaniż ġabar €6.5 biljun fl-ewwel ħarġa tiegħu ta’ green bonds. L-investituri offrew li jsellfu ħames darbiet dak l-ammont hekk kif fil-fatt kienu interessati jinvestu aktar minn €33 biljun. Ta’ minn jinnota wkoll li l-imgħax li intalab iħallas il-Gvern Ġermaniż kien konformi mal-imgħax li l-istess Gvern iħallas f ’bonds konezjonali tal-istess maturità. Fil-fatt l-investituri ma kellhomx problema li saħansitra jħallsu imgħax negattiv għall-għaxar snin li ġejjin, sakemm setgħu jipparteċipaw f ’dan il-ħruġ ta’ green bonds. Dan l-atteġjament minn naħa ta’ investituri li jidhru huma sensittivi għal ħruġ ta bonds ekoloġiċi huwa inkoraġġanti. Il-ħruġ globali ta’ bonds ekoloġiċi qabeż il-$250 biljun fl-2019, żieda fenomenali ta’ 51% fuq l-istess ċifri tas-sena ta’ qabel. L-Ewropa waħedha kienet responsabbli għal kważi nofs dan il-ħruġ, iżda d-domanda żdiedet sostanzjalment ukoll fl-Istati Uniti u l-Asja. F’Malta, dan il-kunċett mhux ġdid daqs kemm naħsbu. Għalkemm qatt ma nħarġu bonds ekoloġiċi, għandna kumpaniji kwotati fuq il-Borża ta Malta li diġà investew fi proġetti ekoloġiċi relatati ma’ enerġija rinnovabbli b’suċċess.
L-industrija tal-propjetà nnifisha, li hija l-akbar settur fis-suq tal-bonds lokali, għandha l-potenzjal li tkun katalista f ’dan il-qasam. Fil-fatt kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna, proġetti ekoloġiċi mhumiex rari għal din l-industrija. Ċertifikazzjoni ta’ proprjetà bħal LEED (Leadership in Energy and Environmental Design) u BREEAM (Building Research Establishment Environmental Assessment Method) jipprovdu kejl tal-impatt ambjentali ta’ proġetti ta’ żvilupp. Dawn il-proġetti diġà qed jiġu parzjalment iffinanzjati permezz ta’ mezzi ta’ investiment tradizzjonali speċifiċi fuq il-borża Maltija.
Jibqa’ l-fatt, madankollu, li green bonds jagħtu imbuttatura essenzjali. Permezz tagħhom, issir verifika mandatorja u esterna tal-proġetti proposti, li tnaqqas b’mod sinifikanti r-riskju ta’ ‘greenwashing’, jiġifieri meta xi ħadd jipprova jippreżenta proġett bħala wieħed ambjentali, meta ma jkunx. Verifika obbligatorja tiżgura li l-flus imorru għal proġetti b’impatt ambjentali jew soċjali pożittiv, liema impatt jista’ jitkejjel. Biex nikkumplimentaw l-għanijiet tal-European Green Deal, għandna nibdew naħsbu f ’għodod reali li jistgħu jgħinu fit-trasferiment tal-kapital lejn impriżi ekoloġiċi. Waqt li nfasslu l-politika għandna nnaqqsu d-distakk bejn investituri b’għanijiet ekoloġiċi u entitajiet li jistgħu jimplimentaw dawn it-tip ta’ proġetti.
Il-proċess ta’ verifika esterna għandu jkun robust biex jiżgura konformità adegwata mal-policies tal-green bonds u l-kumpaniji Maltin jeħtieġ li jiġu megħjuna f ’dan il-proċess. Hemm ħafna interess fis-suġġett. Wara laqgħat li kelli ma’ entitajiet bħall-Gozo Business Chamber, il-Kamra tal-Kummerċ u diversi entitajiet privati madwar il-gżejjer, jidher li hemm interess kbir fl-investiment ekoloġiku.
L-impenn tal-Gvern li jilħaq il-miri tan-newtralità tal-karbonju huwa raġuni b’saħħitha biex infittxu li b’mod effettiv ngħinu sabiex dan it-tip ta’ investiment ikun jista jitwettaq. Għandna bżonn nidderieġu l-politika tagħna biex niddirezzjonaw il-kapital privat lejn proġetti ekoloġiċi. Dan se jkun kruċjali biex nimxu lejn ekonomija li tħares lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli għas-snin li ġejjin.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta Illum fil-31 ta’ Jannar,2021