Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Il-popoliżmu tal-Partit Nazzjonalista

Għal dawk li forsi ma jiftakrux, bejn l-2008 u l-2013, fi żmien Gvern Nazzjonalista, Malta kellha l-ogħla żieda fil-prezz tal-elettriku għall-familji fl-Unjoni Ewropea. Bejn l-2013 u l-2021 Malta kellha r-raba’ l-akbar roħs fil-prezz tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea

Qatt sibtu ruħkom f’nofs diskussjoni bejn tnejn minn nies, fejn hu ċar li wieħed minnhom tilef l-argument? Ħafna drabi jiżviluppaw żewġ xenarji: jew min qed jitlef l-argument jibda jfajjar l-kliem bl-addoċċ, jew jammetti li m’għandux raġun u jimxi ‘l quddiem.

Iż-żewġ xenarji jikxfu l-karattru tal-persuni. Hemm min jitkellem għall-gallarija, mingħajr ma jistudja l-affarijiet u rrispettivament minn xi jgħidu l-fatti. Din tal-aħħar qed narawha tiġri ta’ spiss mal-Partit Nazzjonalista u l-esponenti tiegħu.

Rajniha fil-ġimgħa tal-Budget. Ilestu s-soundbites minn qabel il-preżentazzjoni tal-Budget u jibqgħu jirrepetu l-istess kliem irrispettivament minn jekk ikunux qed jgħidu l-verita jew le. Meta ma tkunx kredibbli, l-unika arma li jifdallek hija li tikkonvinċi n-nies bin-nofs veritajiet. U dan hu eżattament dak li jagħmel il-Partit Nazzjonalista.

Din il-ġimgħa kien ippubblikat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Rapport uffiċjali li jikkonferma kif il-kontijiet tal-enerġija llum jinħadmu bl-istess mod li dejjem inħadmu. Fil-fatt, l-unika bidla li saret mill-2013 ’il quddiem kienet li dawn il-kontijiet roħsu b’25%.

Raħsu għax Gvern Laburista kellu l-viżjoni li jinvesti f’settur li Gvernijiet Nazzjonalista abbandunaw għal snin sħaħ għax kienu qatgħu qalbhom minnu. Meta ġew biex jibnu power station, bidlu l-liġi biex imorru għal Heavy Fuel Oil, bil-konsegwenzi kollha li dan kellu fuq saħħet in-nies u l-kwalità tal-arja.

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma li l-liġi li hemm fis-seħħ illum – u li fuqha jinħadmu l-kontijiet – daħlet fl-2009. Ħafna deputati Nazzjonalisti li hemm illum fil-Parlament kienu Ministri dakinhar.

L-Awditur Ġenerali kien ċar fil-konklużjonijiet tiegħu: “Practices adopted by the utilities’ corporations and ARMS have always been based on pro rata basis”. Hemm ukoll ruling tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma li jikkonferma li l-kontijiet qed jinħadmu kif suppost u skont il-liġi.  Jiġifieri, mill-2013 ‘l hawn ma nbidel xejn, ħlief ovvjament raħħasna l-kontijiet għall-familji u n-negozji meta ħaddieħor kien jgħid lin-nies li l-kontijiet ma jistgħux jinżlu.

L-unika garanzija għan-nies ta’ kontijiet stabbli u l-orħos kontijiet huwa Gvern Laburista. Meta qed naraw il-prezz tad-dawl, tal-enerġija u l-fuel jisplodi kullimkien, il-Maltin u l-Għawdxin għandhom Gvern b’membri fih li qed naħdmu l-ħin kollu biex naraw kif dak il-piż ma ngħadduhx lill-konsumaturi.

Minn naha l-oħra l-konsumaturi għandhom garanzija li l-Partit Nazzjonalista ma nbidilx minn kif kien iġib ruħu qabel l-2013. Illum qed nerġgħu nisimgħu l-istess diskors m’għand il-Partit Nazzjonalista. Bernard Grech meta mistoqsi speċifikament dwar il-prezzijiet tal-enerġija qal biss li la żdied madwar id-dinja jkun żdied għal kulħadd. X’politika dik!

Il-kontijiet qed jinħadmu skond il-liġi. Qal dan ir-Regolatur fid-deċiżjoni tiegħu, u kkonfermaha l-Awditur Ġenerali li l-kontijiet dejjem inħadmu bl-istess mod. Pero’ aħna nisimgħu dak li jgħidu n-nies u għax konxji mill-kritika fil-Budget li għadda ħabbarna li se nindirizzaw is-sistema. Ser inkunu qed inħabbru sistema ġdida li hija ġusta għal kulħadd mingħajr ma timpatta b’mod negattiv lill-ebda klijent. Għal dan il-għan ser inbiddlu wkoll il-liġi biex inkunu nistgħu ndaħħlu din is-sistema l-ġdida. Il-Partit Nazzjonalista bħas-soltu jdur għall-populiżmu. Joħroġ b’miżuri nofs sajran, frott l-għaġġla bi proposta li kienet se tolqot ħażin lill-ammont kbir ta’ konsumaturi li minflok kienu se jgħolulhom il-kontijiet u jipperikolawlhom l-eco reduction. Dan kollu huwa rifless fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, li qal li kwalunkwe bidla trid tkun studjata b’reqqa u b’responsabbiltà minħabba li jeżisti r-riskju li l-bidla tista’ twassal għall-kontijiet ogħla ta’ ċertu klijenti. Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali jgħid li, bis-sistema tal-annualisation, se jgawdi min jaħli l-aktar u mhux min joqgħod attent kemm jaħli dawl. Is-sitema tal-annualisation hija s-sistema li ppropona l-Partit Nazzjonalista.

Kif qatt jistgħu jitwemmnu tal-Partit Nazzjonalista? L-ewwel joħorġu bi proposta nofsha msajjra, u mbagħad quddiem kriżi internazzjonali dwar il-prezzijiet tal-enerġija jgħidu li m’hemmx x’tagħmel.

Għal darb’oħra se nsolvu problema li ħoloq Gvern Nazzjonalista, l-istess kif għamilna bil-Feed-In-Tariffs lil dawk il-ħafna familji li nvestew u li bl-iskemi li daħħal Gvern Nazzjonalista spiċċaw jirċievu prezz ħafna anqas mill-orħos tariffa tad-dawl.

Il-Gvern Laburista baqa’ jassigura kontijiet irħas u stabbli għall-konsumaturi u qed naħdmu l-ħin kollu biex nibqgħu nassiguraw dan. L-istatistika tal-Eurostat tindika li l-familji tagħna għandhom it-tielet l-orħos kontijiet fl-Unjoni Ewropea u l-orħos fiż-żona ewro. Dan għaliex il-Gvern għażel li jieħu n-naħa tal-konsumaturi Maltin u Għawdxin u ma jitfax fuqhom piżijiet ta’ pressjonijiet internazzjonali meta għadna ħerġin minn pandemija.

X’differenza minn żmien Gvern Nazzjonalista. Għal dawk li forsi ma jiftakrux, bejn l-2008 u l-2013, fi żmien Gvern Nazzjonalista, Malta kellha l-ogħla żieda fil-prezz tal-elettriku għall-familji fl-Unjoni Ewropea. Bejn l-2013 u l-2021 Malta kellha r-raba’ l-akbar roħs fil-prezz tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea.

Jekk qatt kellna dubju issa għandna l-konferma, Partit Nazzjonalista fil-Gvern jerġa’ jagħmel l-istess bħal ma għamel qabel. Jgħabbi lill-Maltin bil-piżijiet.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta Illum fid-9 ta’ Novembru,2021